LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

In-numri fil-Bibbja

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Fil-Bibbja, in-numri mhumiex biss simboli aċċettati mill-Poplu ta’ Alla fejn jidħol l-għadd: għadd ta’ nies, flus, għadd fil-qjies tat-tul, jew fil-piż, l-għadd fil-ħlas. In-numri huma simboli ta’ tifsira fihom infushom. Bil-mod kif jintużaw in-numri fil-Bibbja, juru kwalità aktar milli kwantità. Hemm sett ta’ numri ewlenin li għandhom tifsira partikulari. Anke jekk numru jkunx sħiħ jew parti minnu fil-Bibbja jagħmel differenza. Fl-Apokalissi, ngħidu aħna, insibu l-espressjoni: “żmien u nofs żmien” (Apokalissi 12:14). Dak ifisser li nofs żmien huwa ammont nieqes, ammont li juri dgħufija, ammont mhux magħluq. L-indikazzjoni turi li dak li qiegħed jiġri mhux se jkompli għal dejjem: kemm jekk tajjeb u kemm jekk ħażin jew negattiv.

L-espressjoni “tlett ijiem u nofs” (Apokalissi 11:9) huma nofs ġimgħa, għax tlieta u nofs huma nofs sebgħa. Is-sebgħa juri totalità, xi ħaġa sħiħa. Tlieta u nofs hija realtà nieqsa. Jekk hu sebgħa neqsin, sebgħa mhux sħaħ, anzi nofs, ifisser numru ta’ jiem jew żmien li mhux perfett. Jekk xi ħaġa tiġri għal żmien nieqes ifisser li mhix se tibqa’ għal dejjem, u għalhekk nofs żmien, nofs sebgħa, nofs ġimgħa huwa simbolu pożittiv u ta’ tama.

Insibu ż-żmien ta’ tliet snin u nofs maqsum fi ġranet: 1260 ġurnata (Apk 11:3). Hemm ukoll hemm it-tifsira ta’ żmien nieqes, żmien mhux komplut, żmien mhux għal dejjem.

 

Eżempji ta’ numri użati spiss

Tlieta – in-numru tlieta huwa n-numru tal-armonija u l-kompletezza ta’ Alla.

Sebgħa – diġà mit-TQ, in-numru 7 juri totalità, kwantità sħiħa, komplita.

Għaxra – għalkemm jidher numru ‘tond’, numru sħiħ jew perfett, in-numru 10 juri limitatezza. Apokalissi 2:10 huwa eżempju ta’ dan: “Tibżax minn dak li se jkollok issofri; ara, id-Demonju se jixħet ’il xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom, u intom tgħaddu minn għaxart ijiem ta’ taħbit. Ibqa’ fidil sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.”

Tnax – is-simbolu tal-Poplu ta’ Alla sħiħ u magħqud, għax il-Poplu ta’ Iżrael kien magħmul minn tnax-il tribù flimkien. Allura l-artali kienu jinbnew aktarx fuq tnax-il ġebla, u l-ibliet fuq tnax-il pedament. Il-Qassis il-Kbir kien ikollu fuq sidru plakka bi tnax-il ħaġra prezzjuża, simbolu tal-Poplu sħiħ fit-tnax-il tribù miġbur fil-preżenza ta’ Alla. Il-Ħobż tal-Preżenza kienu tnax-il-ħobża fit-Tempju li jinbidlu nhar ta’ Sibt. Simboli ta’ tiċrit fil-Poplu kien jingħata fil-qsim tat-tnax. Fl-Ewwel Ktieb tas-Slaten 11:29-39 insibu lill-Profeta Aħija jċarrat il-mantar ġdid tiegħu minn fuqu u jaqsmu fi tnax-il biċċa: għaxar biċċiet jagħtihom lil Ġerobogħam, biċċa għal Salamun u biċċa lil iben Salamun. Profezija ta’ kif Alla kien se jieħu s-Saltna sħiħa minn idejn Salamun u jagħti għaxar tribujiet minnha lil Ġerobogħam. Anke l-Poplu l-Ġdid ta’ Alla huwa msejjes fuq it-Tnax-il Appostlu. Għal xi eżempji tan-numru 12 fl-Apokalissi, are 7:5-8; 12:1; 21:12-21.

Erbgħin huwa n-numru li meta użat f’termini ta’ ħin jew żmien ifisser perjodu, żmien ta’ prova, tiġrib, taħriġ, jew ukoll kastig (mhux ta’ ġudizzju, li hu rappreżentat min-numru 9). Jiġina f’moħħna mill-ewwel l-40 sena tal-Poplu ta’ Iżrael fid-deżert u ta’ Ġesù jiġġarrab fid-deżert. Minħabba li n-numru 40 huwa l-prodott ta’ 5 x 8, allura l-40 ifisser ukoll il-grazzja (5) li twassal għal qawmien jew bidu ġdid (8).

Sebgħin  huwa kumbinazzjoni ta’ żewġ numri ta’ perfezzjoni: is-7 u l-10 għax 7 x 10 jiġu 70. B’hekk in-numru 70 jiġi jfisser l-ordni spiritwali perfett li jseħħ bil-qawwa u t-tifsira spiritwali kollha.

Mija huwa n-numru tal-milja.

Elf huwa wieħed min-numri li jrid ifisser iperbole, esaġerazzjoni, kwantità (allura kwalità) li tmur ʼil hemm minn dak li l-bniedem jista’ jimmaġina. L-elf huwa għalhekk in-numru ta’ Alla jew ta’ Ġesù, kwantità divina (ara Apk 20:1-6).