LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

2. Verzjonijiet u traduzzjonijiet tal-Bibbja

Traduzzjonijiet bil-Malti

Minn Fr Paul Sciberras

 

L-ikbar inizjattiva ta’ traduzzjonijiet fil-qasam reliġjuż hija bla eqqel ta’ dubju qlib il-Bibbja: mil-Latin tal-Vulgata għall-ewwel; mill-ilsna oriġinali − il-Lhudi, l-Aramajk u l-Grieg − aktar tard.

Is-sitwazzjoni f’Malta fejn tidħol il-Bibbja

Il-Konċilju Vatikan II, fl-1965, fit-tħeġġiġ għal traduzzjonijiet tal-Bibbja għall-vernakular, ma kienx qiegħed jiżra’ l-ġdid għal kollox f’Malta. L-ewwel katedra tal-Iskrittura twaqqfet fl-1915, u ngħatat lil Dun Mikiel Gonzi, wara li dan xi sentejn qabel kien offra li jagħti kors fuq il-Bibbja b’xejn fl-università.[1] Kienu diġà bdew jinbtu traduzzjonijiet sa mill-1811! Dun Pietru Pawl Saydon kien ilu li beda t-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja kollha mil-lingwi oriġinali mill-1929, u temmha fl-1959, sitt snin qabel Dei Verbum ta’ Vatikan II. L-Għaqda Biblika Maltija (1958) ħadmet qatigħ biex tipprova toħroġlu t-tieni edizzjoni riveduta. Dun Ġorġ Preca kien ilu mill-1907 li waqqaf uffiċjalment is-Soċjetà tal-Museum, imsejsa sewwa fuq l-Iskrittura, li kien jittraduċi hu stess mil-Latin tal-Vulgata, meta ma kienx jinqeda bit-traduzzjoni ta’ Ġużè Muscat Azzopardi.

 

Il-bidu tat-tentativi ta’ traduzzjonijiet tal-Bibbja bil-Malti

Kien hemm għadd ġmielu ta’ traduzzjonijiet tat-Testment il-Ġdid mil-Latin tal-Vulgata – traduzzjoni ta’ traduzzjoni – min-nies li ma kellhomx tħejjija partikulari fix-xjenza ta’ qlib il-Bibbja għall-Malti.

Lura fl-1811, Cleardo Naudi, Professur tal-Kimika Sperimentali u tal-Istorja Naturali fl-Università, qaleb l-Evanġelju ta’ San Ġwann bħala parti minn traduzzjoni tal-Bibbja sħiħa għaċ-Church Missionary Society tal-Anglikani. Fl-1832 kien ħareġ ukoll Ktieb il-qari fuq bosta ħwejjeġ maħtura minn Kotba Kattoliċi, li huwa traduzzjoni ta’ disa’ salmi bil-Malti.[2] Issa dan ifisser li l-preparazzjoni għal dan ix-xogħol tat-traduzzjoni tal-Bibbja ta’ dan il-Professur tax-xjenza ma kienet xejn adattata. Trid tkun imkisser fil-lingwi biex tagħmel traduzzjoni mill-Grieg, jekk sa taqleb it-Testment il-Ġdid, u fil-Lhudi u fl-Aramajk (u lingwi oħra) jekk se taqleb it-Testment il-Qadim għall-Malti.

Iktar tard, Naudi xierek miegħu lil Ġużeppi Cannolo, li fl-1822 qaleb Il Vangelo secondo Giovanni in lingua italiana e maltese. Fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex hemm il-manuskritt katalogat bħala NAG/ZM/03/149 ta’ Dr Ġużeppi Grima tal-Correzione della traduzione maltese ta’ Cannolo.[3]

Kemxejn wara, fl-1829, Mikiel Anton Vassalli tana l-Erba’ Evanġelji u l-Atti tal-Appostli.[4] Fihom uża alfabett li kien daqsxejn barrani għal dak li kien jinkiteb u jiġi mitkellem f’Malta. Għall-Protestanti, Vassalli, il-musmar il-ġdid, imħejji aktar għax-xogħol tat-traduzzjoni, kellu jaqla’ l-qadim, lil Cannolo. Mill-ġdid irridu ngħidu li t-traduzzjoni ta’ Vassalli ma kinitx mill-Grieg oriġinal imma mill-Vulgata; allura traduzzjoni ta’ traduzzjoni.

Fl-1847 Mikiel Anġ Camilleri rreveda L-Erba’ Evanġelji u l-Atti ta’ Mikiel A. Vassalli bl-isem ta’ Il-Għaqda l-Ġdida ta’ Sidna Ġesù Kristu, li ġie ppublikat mis-Society for Promoting Christian Knowledge, fl-istamperija R. Weiss, li l-maniġer tagħha kien Gabrijel Vassalli, bin Mikiel Anton. Camilleri ħareġ ukoll Ktieb it-Talb ta’ Għalenija fl-1845, traduzzjoni tal-Ktieb tat-talb Protestant, li fl-aħħar parti tiegħu kien fih Is-Salmi ta’ David, erbgħin Salm użati bħala talb.

Fl-1844, il-Bormliż Rikkardu Taylor ħareġ Il-Passjoni tas-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu, miktuba minn San Mattew, S. Mark, S. Luqa, S. Ġwann, li kien mitbugħ fl-iStamperija Cumbo. Sentejn wara fl-1846, ħareġ Ktieb is-Salmi tas-Sultan David u l-Kantiċi, li ma kinitx propjament traduzzjoni imma parafrasi tas-Salmi. Sentejn wara, fl-1848 ippublika L-Uffizzju tal-Ġimgħa l-Kbira – Latin u Malti, reviżjoni żgħira tal-ewwel erbgħin Salm fil-Book of Common Prayer, flimkien ma’ xi noti ta’ tifsir.

Bejn l-1895 u l-1924 Ġużè Muscat Azzopardi qaleb l-Erba’ Evanġelji u l-Atti tal-Appostli, bin-noti kollha mit-Taljan tal-Isqof Antonio Martini.[5] Saydon innifsu jfaħħar il-Malti u t-traduzzjoni ta’ Muscat Azzopardi bħala tajbin ħafna.[6]

Id-Dumnikan Ġeraldu Paris tana l-Evanġelji, l-Atti, l-Ittra lir-Rumani u l-Ittri ta’ San Ġwann. Qaleb ukoll l-Ittra ta’ San Ġakbu.[7] Bħala predikatur magħruf u iben l-Ordni tal-Predikaturi, din tal-aħħar qalibha biex tkun għodda kontra min jgħid li s-salvazzjoni tiġi biss mill-fidi fi Kristu Ġesù?

Wara dawn, mill-1926 sal-1932, Alfons Marija Galea, Dun Pietru Pawl Grima u Dun Pietru Pawl Saydon qalbu l-Bibbja sħiħa għal ilsienna mil-Latin tal-Vulgata, ħlief għall-ewwel ħames kotba, il-Pentatewku, li qalibhom Saydon mill-oriġinal Lhudi. It-traduzzjoni ta’ Saydon hija mibnija fuq il-prinċipju li l-Malti tista’ tużah għal xogħol xjentifiku, bħalma hija t-traduzzjoni tagħha mill-ilsna oriġinali tal-Lhudi u l-Grieg.[8]

Qabel Saydon kien hemm biss tnejn oħra li ppruvaw jaqilbu biċċiet żgħar mil-Lhudi. Mikiel Anġ Camilleri, qaleb l-erbgħin salm fil-Ktieb tat-talb Book of Common Prayer (Ktieb it-Talb ta’ Għalenija) fl-1845, li Saydon innifsu jipprova li Camilleri qalibhom mil-Lhudi mhux mill-Ingliż.[9] Imbagħad kien hemm Dun Karlu Cortis, li fl-1924 kien qaleb il-Ktieb ta’ Rut għall-Malti u t-Taljan mill-oriġinal Lhudi.[10] Id-difett kbir fit-traduzzjoni ta’ Cortis kien li uża Malti omofoniku għal-Lhudi, imma li fil-fatt ma kienx jittraduċi tajjeb dak li kien jgħid l-oriġinal. Jekk fil-Lhudi hemm il-kelma qôlàn f’Rut 1,9, ‘il-leħen tagħhom’, Cortis ittraduċa għal ‘qawlhom’, għax qôl tixbah il-kelma ‘qawl’ (proverbju) bil-Malti, imma fit-tifsira mhijiex l-istess bħal leħinhom. F’test ieħor minn Rut 2,13, Boaż, li mbagħad kellu jsir ir-raġel ta’ Rut, iħeġġeġ lil Rut, li kienet tlaqqat il-qamħ minn wara l-ħassada ta’ Boaż, biex ma toqgħodx lura milli tixrob mill-qliel tal-ilma tal-ħassada, u tiekol mill-qamħ ingaljat li jkollhom huma għall-ikel. Issa fl-oriġinal Lhudi, il-kelma ‘qamħ ingaljat’ hija qalì, li tixbah il-kelma ‘qali’ fil-Malti. Fil-fatt Cortis hekk jittraduċiha, bħala ‘qali’, li mhijiex l-istess fis-sens bħal qamħ ingaljat.

Mons. Professur Karm Sant, student u ħabib kbir ta’ Saydon, f’intervista li kien għamillu Ġużè Aquilina,[11] jgħid li qlib il-Bibbja għall-Malti sa żmien Saydon, bidu tas-seklu 20, ma kienx jagħmel sens, għax l-istampa tal-litteriżmu f’Malta kienet tbikkik. Sal-1822, inqas minn 10% kienu jafu jaqraw, u l-Bibbja kienet tinqara bit-Taljan jew bil-Latin minn dawk li kienu tal-iskola. Sa tmiem is-seklu 19, 23%, u Saydon beda ftit wara.

It-tabxa l-kbira nqalgħet meta t-traduzzjoni ta’ Saydon, mitmuma fl-1959, l-unika waħda lesta u mill-ilsna oriġinali, ġiet biex tibda tintuża għall-qari publiku fil-Liturġija mar-riforma tal-Konċilju Vatikan II. Saydon kellu f’moħħu li jagħmel traduzzjoni “letterali u letterarja”.

Saydon innifsu jispjega:

Issa naraw x’jaħtieġ biex wara li tkun fhimtu [it-test Bibliku] taqilbu għall-Malti. L-ewwelnett traduzzjoni hi, jew għandha tkun, xogħol letterarju, u għalhekk għandha toqgħod għal-liġijiet tal-kitba letterarja. Traduzzjoni tajba għandha tkun letterali u letterarja. Letterali, jiġifieri magħmula kelma b’kelma; letterarja, jiġifieri magħmula b’mod li togħġob bħalma togħġob kitba oħra letterarja. L-għaqda ta’ dawn iż-żewġ kwalitajiet hija l-akbar mertu li jista’ jkollha traduzzjoni, u fl-istess ħin l-aqwa tfixkil li jiltaqa’ miegħu kull traduttur. Għax jew toqgħod iżżejjed għall-kelma lhudija, titjassar lejha u ma tiftihemx sewwa jew biex tagħti libsa sabiħa lill-kelma Maltija titbiegħed iż-żejjed mill-kelma Lhudija. Fit-triq tan-nofs qiegħda s-sengħa, imma li timxi dejjem dritt fin-nofs bla ma tgħawweġ xi ftit mhix ħaġa ħafifa.[12]

Imma dan kien ifisser li numru sewwa ta’ kliem ridt tieqaf waħda taħseb x’kien ifisser ... u jekk tagħmel hekk, il-qarrej waqt il-Quddiesa kien ikun diġà qiegħed ikanta l-Allelujah tal-Evanġelju! Biżżejjed ngħidu li Saydon innifsu, wara li ttraduċa l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, ħareġ dizzjunarju qasir għalihom, fejn fisser mitejn u tnejn u għoxrin kelma li kien uża f’dawk il-kotba.[13] Barra minn hekk, fid-damma tal-kliem Saydon uża s-sintassi Verb, Suġġett u Oġġett (u dan fix-xogħol ta’ traduzzjoni biss[14]), meta l-Malti mitkellem imil iktar lejn sintassi ta’ Suġġett, Verb, Oġġett.[15]

Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-MUSEUM, ħarġet edizzjoni tat-traduzzjoni ta’ Saydon riveduta minn Dun Karm Attard fi tliet volumi, magħrufa bħala Bibbja Saydon.[16] F’din l-edizzjoni nbidlet l-ortografija u xi aspetti oħra mit-traduzzjoni ta’ Saydon.

Wara li ma kienx possibbli li bil-permess ta’ Saydon jinbidlu biss xi kelmiet ’l hemm u ’l hawn għal Bibbja riveduta, u ġie rtirat il-permess, grupp ta’ studjużi tal-Bibbja, taħt it-tmexxija ta’ Mons. Ġużeppi Lupi, bdew jaqilbu bla nifs it-testi tal-liturġija f’Malti iktar mitkellem.[17]

Meta tlesta dak ix-xogħol kollu, l-Għaqda Biblika Maltija, bit-tmun f’idejn Mons. Dun Karm Sant, bdiet taqleb il-Bibbja kollha mill-ilsna oriġinali għall-Malti mitkellem, li lestiet f’volum wieħed fl-1984, sbatax-il sena xogħol.

Saru edizzjonijiet oħra, ħamsa s’issa, fl-1984, 1996, 2004, 2011, u 2020. Twaqqfet ukoll il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Bibbja, ħalli x-xogħol jibqa’ jirtaqam kif imiss.

Fl-2020 ukoll ħarġet il-YouVersion tal-Ħames Edizzjoni, fuq il-pjattaforma diġitali.

Irrid insemmi wkoll żewġ traduzzjonijiet oħra li lili tawni sodisfazzjon kbir. L-ewwel waħda hija l-Bibbja bil-Malti bil-Braille fl-2005, b’xogħol sfiq ta’ tliet snin ta’ reviżjoni u editjar minn Charles Borg mill-Kummissjoni Persuni b’Diżabiltà, u minni. Għadni niftakar kemm kien kommoss Charles meta konna qed nirrevedu l-Atti tal-Appostli u qara r-rakkont tan-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta bil-Braille!

L-inizjattiva l-oħra hija Proġett tar-Riċerka fuq il-Lingwa tas-Sinjali bil-Malti fl-Università ta’ Malta, bejn il-Prof. Marie Alexander u Maria Galea mid-Dipartiment tal-Lingwistika u jiena mid-Dipartiment tal-Iskrittura. Qlibna r-rakkonti tat-twelid ta’ Ġesù għal-Lingwa tas-Sinjali: proġett li nbeda f’April tal-2008 u ġie inawgurat fuq DVD f’Diċembru 2009.


 

[1]  Ara l-minuti ta’ Special Council of Theology, 1898-1919, ff.101-101; University of Malta Library, Archives and Rare Books Department, Ms 157, Seduta Numru 9, li saret nhar it-Tnejn, 6 ta’ Ottubru 1913. Ara wkoll ff.131-132 tas-Seduta Numru 9, li saret nhar il-Ħamis, 18 ta’ Lulju 1916.

[2]     Ara Paul Sciberras, Mgr Prof. P.P. Saydon’s Version of 1 Thessalonians: An Exegetical and Translation-Critical Analysis (Extract from Doctoral Thesis), (Malta 2013), 51-53.

[3]     Dan il-manuskritt studjatu tajjeb Nadine Said, fid-dissertazzjoni tagħha għall-grad ta’ Baċellerat bl-Unuri fil-Malti fl-2010, bit-titlu ta’ Il-vanġelu ta’ San Ġwann tradott minn Dr Giuseppe Grima (c.1822-1829).

[4]     Quatuor Evangelia, et Actus Apostolorum, juxta Vulgatam, Romæ A.D. MDXCII editam: necnon eorundem versio melitensis (Londra: R.Watts, 1829).

[5]     L-Imqaddes Evanġelju ta’ Ġesù Kristu kif kitbu San Mattew (Malta: Menu Busuttil, 1895); L-Evanġelju Mqaddes ta’ Ġesù Kristu miktub minn San Mattew (Malta: Andolfo u Magro, 1914); L-Evanġelju Mqaddes ta’ Ġesù Kristu miktub minn San Mark (Malta: Andolfo u Magro, 1915); L-Evanġelju Mqaddes ta’ Ġesù Kristu miktub minn San Luqa (Malta: Andolfo u Magro, 1916); L-Evanġelju Mqaddes ta’ Ġesù Kristu miktub minn San Ġwann (Malta: Andolfo u Magro, 1917); Ktieb tal-Atti tal-Appostli (Malta: Empire Press, 1924).

[6]     Ara Peter Paul Saydon, ‘History of the Maltese Bible’, Melita Theologica, 10 (1957): 12-13.

[7]     L-Erba’ Vanġeli ta’ Sidna Ġesù Kristu (Malta: Giovanni Muscat, 1963;1968); L-Atti ta’ l-Appostli (Malta: Giovanni Muscat, 1965); L-Ittra ta’ l-Appostlu San Pawl lill-Insara ta’ Ruma (Malta: Giovanni Muscat, 1967); L-Ittri ta’ San Ġwann l-Evanġelista (Malta: Giovanni Muscat, 1967); L-Ittra ta’ San Ġakbu (Malta: Giovanni Muscat, 1969).

[8]  Ara Pietru Pawl Saydon, ‘The Maltese translation of the Bible’, Melita Theologica, 16 (1965): 12.

[9]     Ara Pietru Pawl Saydon, ‘The earliest Biblical translation from Hebrew into Maltese’, The Sundial, 10-12 (1937): 526-536.

[10]   Il Libro di Ruth trascritto e tradotto dall’Ebraico con note (Malta: Giovanni Muscat, 1924).

[11]   Meeting People, Part I & II, fis-Sunday Times of Malta tal-10 u s-17 ta’ Novembru, 20.19 rispettivament.

[12]   Pietru Pawl Saydon, Qlib il-Kotba Mqaddsa bil-Malti, 41. Din kienet konferenza li ta fit-Teatru tal-Università, il-Belt Valletta, fit-2 ta’ Mejju 1943 u mitbugħa f’ Leħen il-Malti 15, no. 170-172 (1945): 37-44.

[13]   Tifsir il-Kliem fil-Kotba Ġenesi, Eżodu, Levîtiku, Nûmri, Dewteronomju (Malta: The Empire Press, 1931).

[14]   Barra fil-Bibbja, Saydon għamel l-istess fi ‘Is-Seba’ Reqdin’, maqlub minn P. Cheiko (Louis Sheekho), Magâni ’l âdab, vol. II, 236-247, Il-Malti 6 (1930): 69-75; ‘It-tieni safra ta’ Sandabad il-Baħri’, minn Kitāb ʾalf layla wa-layla, Il-Malti 10 (1934): 134-136; ‘Is-sehwien’, Leħen il-Malti 3, no. 8 (1933): 60.

[15]   Għal studju sħiħ ta’ din il-problema f’Saydon, ara d-dissertazzjoni għall-grad ta’ Masters fil-Lingwistika mill-Università ta’ Reading ta’ Anthony Abela, u publikat bħala ‘Word order in the clauses of the narrative sections in P.P. Saydon’s Bible translation in Maltese’, Melita Theologica, 53, no.1 (2002): 3-26; u 53, no. 2 (2002): 107-131.

[16]  Bibbja Saydon, It-Testment il-Qadim, I, Il-Kotba Storiċi (Malta: Edizzjoni Societas Doctrinæ Christianæ [M.U.S.E.U.M.], 1982); Bibbja Saydon, It-Testment il-Qadim, II, Il-Kotba tal-Għerf u l-Kotba tal-Profeti (Malta: Edizzjoni Societas Doctrinæ Christianæ [M.U.S.E.U.M.], 1982); Bibbja Saydon, It-Testment il-Ġdid, III (Malta: Edizzjoni Societas Doctrinæ Christianæ [M.U.S.E.U.M.], 1977).

[17]   Il-grupp kien magħmul minn P. Joseph Agius OP, Valent Barbara, P. Eġidju Mizzi OFM Conv., Mons. Dun Karm Sant, P. Donat Spiteri OFM Cap.