Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 27 ta’ Settembru 2006

 

Tumas, it-“tewmi”

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu bil-laqgħat tagħna mat-Tnax-il Appostlu magħżula direttament minn Ġesù, u llum nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq Tumas. Dejjem preżenti fl-erba’ listi li jagħtina t-Testment il-Ġdid, fl-ewwel tliet Vanġeli nsibuh ma’ Mattew (ara Mt 10:3; Mk 3:18; Lq 6:15), waqt li fl-Atti nsibuh ħdejn Filippu (ara Atti 1:13). Ismu ġej minn għerq Lhudi, ta’am, li jfisser “tewmi”. Fil-fatt, il-Vanġelu ta’ Ġwanni iżjed minn darba jlaqqmu t-“Tewmi” (ara Ġw 11:16; 20:24; 21:2), kif ifisser sewwasew fil-Grieg. Mhijiex ċara r-raġuni ta’ dan l-aġġettiv.

 

Fuq kollox ir-Raba’ Vanġelu joffrilna tagħrif li jagħtina xi ħjiel sinifikattiv tal-personalità tiegħu. L-ewwel dwar l-eżortazzjoni li hu għamel lill-Appostli l-oħra, meta Ġesù, f’mument kritiku ta’ ħajtu, iddeċieda li jmur Betanja biex iqajjem lil Lazzru, u hekk espona ruħu għall-periklu li jkun qrib Ġerusalemm (ara Mk 10:32). F’dik l-okkażjoni Tumas qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu” (Ġw 11:16). Din id-determinazzjoni tiegħu li jimxi wara l-Imgħallem hi tassew eżemplari u toffrilna tagħlim prezzjuż: turi d-disponibbiltà sħiħa tiegħu li jkun ta’ Ġesù, sal-identifikazzjoni tax-xorti tiegħu stess ma’ dik tal-Imgħallem hekk li ried jaqsam miegħu fl-ogħla prova tal-mewt. Fil-fatt, l-aktar ħaġa importanti hi li ma ninqatgħu qatt minn ma’ Ġesù. Mill-bqija, meta l-Vanġeli jużaw il-verb “timxi wara”, dan jagħmluh biex ifissru li fejn imur hu, hemm għandu jmur ukoll id-dixxiplu tiegħu. B’dan il-mod, il-ħajja Nisranija tingħaraf għax hi ħajja ma’ Ġesù Kristu, ħajja li ngħixuha miegħu. San Pawl jikteb xi ħaġa tixxiebah, meta jagħmel il-qalb lill-Insara ta’ Korintu b’dan il-kliem: “Intom ilkoll qegħdin f’qalbi biex immutu u ngħixu flimkien” (2 Kor 7:3). Dak li jseħħ bejn l-Appostlu u l-Insara tiegħu, ovvjament għandu jgħodd qabelxejn għar-relazzjoni bejn l-Insara u Ġesù nnifsu: immutu flimkien, ngħixu flimkien, inkunu fil-qalb tiegħu kif hu jinsab f’tagħna.

 

It-tieni intervent ta’ Tumas insibuh fl-Aħħar Ċena. F’dik l-okkażjoni, Ġesù, huwa u jħabbar it-tluq imminenti tiegħu, qal li kien sejjer iħejji post għad-dixxipli tiegħu biex ikunu huma wkoll fejn qiegħed hu; u jippreċiżalhom: “U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha” (Ġw 14:4). U hemm Tumas jaqbeż fin-nofs u jgħid: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” (Ġw 14:5). Fir-realtà, b’dan li jgħid juri li ftit li xejn għadu fehem; imma dawn il-kelmiet tiegħu jagħtu lil Ġesù l-okkażjoni li jlissen id-definizzjoni ċelebri: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6). U għalhekk l-ewwel u qabel kollox lil Tumas issir din ir-rivelazzjoni, imma tgħodd għalina lkoll u għaż-żminijiet kollha. Kull darba li aħna nisimgħu jew naqraw dawn il-kelmiet, nistgħu bil-ħsieb tagħna noqogħdu ħdejn Tumas u nistħajlu lill-Mulej jitkellem ukoll magħna hekk kif kellem lilu. Fl-istess waqt, il-mistoqsija tiegħu tagħti lilna wkoll il-jedd, biex ngħidu hekk, li nitolbu spjegazzjonijiet lil Ġesù. Aħna spiss ma nifhmuhx. Insibu l-kuraġġ li ngħidu: M’iniex nifhmek, Mulej, ismagħni, għinni nifhem. Hekk, b’din il-frankezza li hija l-veru mod ta’ kif għandna nitolbu, nitkellmu ma’ Ġesù, nesprimu l-ħila fqira tagħna li nifhmu, u fl-istess ħin nagħmlu tagħna l-atteġġjament fiduċjuż ta’ min jistenna dawl u qawwa minn min jista’ jagħtihomlu.

 

Imbagħad, hi magħrufa ħafna u saħansitra famuża x-xena ta’ Tumas li ma jemminx, li seħħet tmint ijiem wara l-Għid. L-ewwel, hu ma kienx emmen li Ġesù deher xħin hu ma kienx hemm, u qal: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx” (Ġw 20:25). Fil-verità, minn dawk il-kelmiet toħroġ il-konvinzjoni li Ġesù issa jingħaraf mhux tant iżjed mill-wiċċ daqskemm mill-pjagi. Tumas jifhem li s-sinjali li jikkwalifikaw l-identità ta’ Ġesù issa huma fuq kollox il-pjagi, li fihom jidher sa liema punt ħabbna hu. F’dan l-Appostlu mhux jiżbalja. Kif nafu, tmint ijiem wara Ġesù jerġa’ jidher f’nofs id-dixxipli tiegħu, u din id-darba Tumas kien preżenti. U Ġesù jisfidah: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20:27). Tumas jirreaġixxi bl-isbaħ stqarrija ta’ fidi fit-Testment il-Ġdid kollu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28). Dwar dan Santu Wistin jikkummenta: Tumas “ra u mess lill-bniedem, imma stqarr il-fidi tiegħu f’Alla, li la kien qed jara u lanqas imiss. Imma dak li mess u ra wasslu biex jemmen f’dak li sa dak il-mument kien iddubita” (In Iohann. 121, 5). L-evanġelista jkompli bl-aħħar kelma ta’ Ġesù lil Tumas: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). Din il-frażi nistgħu npoġġuha wkoll fil-preżent: “Henjin dawk li ma jarawx u jemmnu”. Hu x’inhu, hawn Ġesù qed jiddikjara prinċipju fundamentali għall-Insara li kellhom jiġu wara Tumas, jiġifieri għalina kollha. Interessanti nosservaw kif Tumas ieħor, it-teologu kbir Medjevali ta’ Aquino, iqiegħed maġenb din il-formula ta’ beatitudni dik apparentement opposta li jagħtina Luqa: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom” (Lq 10:23). Imma Akwinu jikkummenta: “Jistħoqqlu ħafna iżjed min jemmen mingħajr ma jara milli min jemmen għax jara” (In Johann. XX lectio VI 2566). Fil-fatt, l-Ittra lil-Lhud, hija u tfakkar is-serje sħiħa tal-Patrijarki bibliċi tal-qedem, li emmnu f’Alla mingħajr ma raw iseħħu l-wegħdiet tiegħu, tiddefinixxi l-fidi bħala “pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (11:1). Il-każ tal-Appostlu Tumas hu importanti għalina tal-inqas għal tliet raġunijiet: l-ewwel, għax ifarraġna fl-inċertezzi tagħna; it-tieni, għax jurina li kull dubju jista’ jwassal għal riżultat imdawwal lil hemm minn kull inċertezza; u, fl-aħħar, għax il-kelmiet li qallu Ġesù jfakkruna fil-veru sens tal-fidi matura u jagħmlulna l-qalb biex nibqgħu mexjin, minkejja d-diffikultà, fit-triq tagħna warajh.

 

Nota aħħarija fuq Tumas jagħtihielna r-Raba’ Vanġelu, li jippreżentah bħala xhud tal-Irxoxt fil-mument wara s-sajda mirakoluża fuq l-Għadira ta’ Tiberija (ara Ġw 21:2). F’dik l-okkażjoni jissemma saħansitra minnufih wara Xmun Pietru: sinjal ċar tal-importanza kbira li kien igawdi fl-ewwel komunitajiet Insara. Fil-fatt, f’ismu mbagħad inkitbu l-Atti u l-Vanġelu ta’ Tumas, it-tnejn apokrifi imma xorta waħda importanti għall-istudju tal-oriġni Nsara. Fl-aħħar nett infakkru li, skont tradizzjoni antika, Tumas evanġelizza l-ewwel is-Sirja u l-Persja (hekk jgħarrafna diġà Oriġene, kif naqraw f’Ewsebju ta’ ĊesarijaHist. eccl. 3, 1) u mbagħad wasal saħansitra sal-punent tal-Indja (ara Atti ta’ Tumas 1-2 u 17ss), mnejn fl-aħħar laħaq ukoll in-nofsinhar tal-Indja. B’din il-perspettiva missjunarja nagħlqu r-riflessjoni tagħna, u nesprimu l-awgurju li l-eżempju ta’ Tumas isaħħaħ dejjem iżjed il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, Mulej u Alla tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard