Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 14 ta’ Frar 2007

 

In-nisa għall-qadi tal-Vanġelu

 

Għeżież ħuti,

 

Illum wasalna fi tmiem il-mixja tagħna fost ix-xhieda tal-Kristjaneżmu tal-bidu li jsemmulna l-kitbiet Neo-Testamentarji. U nużaw din l-aħħar tappa ta’ din l-ewwel mixja biex nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq il-bosta figuri femminili li żvolġew rwol effettiv u prezzjuż fit-tixrid tal-Vanġelu. Ix-xhieda tagħhom ma nistgħux ninsewha, kif qal Ġesù nnifsu dwar dik il-mara li dilkitlu rasu ftit qabel il-Passjoni: “Tassew, ngħidilkom, li kull fejn jixxandar dan l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha” (Mt 26:13; Mk 14:9). Il-Mulej irid li dawn ix-xhieda tal-Vanġelu, dawn il-figuri li taw kontribut biex tikber il-fidi fih, ikunu magħrufa u t-tifkira tagħhom tibqa’ ħajja fil-Knisja. Storikament nistgħu nagħżlu minn xulxin ir-rwoli li kellhom in-nisa fil-Kristjaneżmu bikri, tul il-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art u tul il-ġrajjiet tal-ewwel ġenerazzjoni Nisranija.

 

Nafu żgur li Ġesù għażel minn fost id-dixxipli tiegħu tnax-il raġel biex ikunu Missirijiet ta’ Iżrael il-ġdid, għażilhom biex “jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw” (Mk 3:14-15). Dan il-fatt hu evidenti, imma barra t-Tnax, kolonni tal-Knisja, missirijiet tal-Poplu ġdid ta’ Alla, hu jagħżel fost l-għadd ta’ dixxipli anki bosta nisa. Fil-qosor biss se naċċenna għal dawk li nsibu tul il-mixja ta’ Ġesù nnifsu, ibda mill-profetessa Anna (ara Lq 2:36-38) sas-Samaritana (ara Ġv 4:1-39), għall-mara Siro-Feniċja (ara Mk 7:24-30), għall-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm (ara Mt 9:20-22) u għall-midinba maħfura (ara Lq 7:36-50). Lanqas se nirriferi għall-protagonisti ta’ xi parabboli inċiżivi, bħal ngħidu aħna l-mara li tagħmel il-ħobż (Mt 13:33), il-mara li titlef id-drakma (Lq 15:8-10), l-armla li tiffitta lill-imħallef (Lq 18:1-8). Iktar sinifikattivi għad-diskors tagħna huma dawk in-nisa li kellhom rwol attiv fil-qafas tal-missjoni ta’ Ġesù. L-ewwel u qabel kollox, ħsiebna naturalment imur fuq il-Verġni Marija, li bil-fidi tagħha u l-opra tagħha ta’ omm ikkollaborat b’mod uniku għall-Fidwa tagħna, tant li Eliżabetta setgħet issejħilha “mbierka fost in-nisa” (Lq 1:42), u żiedet: “hienja dik li emmnet” (Lq 1:45). Marija saret dixxiplu ta’ Binha, u f’Kana wriet il-fiduċja sħiħa tagħha fih (ara Ġw 2:5) u mxiet warajh sa taħt is-Salib, fejn laqgħet mingħandu missjoni materna għad-dixxipli kollha tiegħu f’kull żmien, irrappreżentati minn Ġwanni (ara Ġw 19:25-27).

 

Imbagħad hemm bosta nisa oħra, li kulħadd fil-pożizzjoni tiegħu kienu jduru mal-figura ta’ Ġesù b’funzjonijiet ta’ responsabbiltà. Eżempju elokwenti tagħhom insibuh fin-nisa li mxew wara Ġesù biex jgħinuh b’dak li kellhom u li Luqa jagħtina xi ismijiet minnhom: Marija ta’ Magdala, Ġwanna, Susanna u “ħafna oħrajn” (ara Lq 8:2-3). Imbagħad il-Vanġeli jgħarrfuna li n-nisa, b’differenza mit-Tnax, ma abbandunawhx lil Ġesù fis-siegħa tal-Passjoni (ara Mt 27:56,61; Mk 15:40). Fosthom tispikka b’mod partikulari l-Maddalena, li mhux biss kienet hemm fil-Passjoni, imma kienet ukoll l-ewwel xhud u ħabbara tal-Irxoxt (ara Ġw 20:1,11-18). Proprju għal Marija ta’ Magdala San Tumas ta’ Aquino jerfa’ dik il-kwalifika unika ta’ “appostlu tal-appostli” (apostolorum apostola), u jiddedikalha dan il-kumment sabiħ: “Kif kienet mara dik li ħabbret lill-ewwel bniedem kliem ta’ mewt, hekk kienet mara l-ewwel waħda li ħabbret lill-Appostli kliem ta’ ħajja” (Super Ioannem, ed. Cai, § 2519).

 

Anki fil-qasam tal-Knisja tal-bidu l-preżenza femminili hi bogħod minn sekondarja. M’aħniex se ninsistu fuq l-erba’ xebbiet li ma nafux isimhom ulied id-“djaknu” Filippu, residenti f’Ċesarija Marittima u kollha mżejna, kif jgħidilna San Luqa, bid-“don tal-profezija”, jiġifieri bil-fakultà li jitkellmu pubblikament taħt l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu (ara Atti 21:9). Il-qosor tal-aħbar ftit tippermettilna naslu għal konklużjonijiet preċiżi. Pjuttost hu San Pawl li jagħtina dokumentazzjoni wiesgħa fuq id-dinjità u r-rwol ekkleżjali tal-mara. Hu jitlaq mill-prinċipju fundamentali li għall-imgħammdin mhux biss “ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg”, imma “ma hemmx raġel u anqas mara”. Ir-raġuni hi li “intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù” (Gal 3:28), jiġifieri għandna lkoll komuni bejnietna l-istess dinjità fundamentali, imqar jekk kulħadd għandu l-funzjoni speċifika tiegħu (ara 1 Kor 12:27-30). L-Appostlu jistqarr bħala ħaġa normali li fil-komunità Nisranija l-mara tista’ “tipprofetizza” (1 Kor 11:5), jiġifieri titkellem fil-miftuħ taħt l-influss tal-Ispirtu, sakemm dan ikun għall-bini tal-komunità u jsir b’mod dinjituż. U għalhekk l-eżortazzjoni magħrufa li nsibu wara li “n-nisa għandhom iżommu s-skiet fil-laqgħa” (1 Kor 14:33) għandha narawha f’dawl relattiv. Il-problema, diskussa ħafna, li toħroġ hawn dwar ir-relazzjoni bejn l-ewwel kelma – in-nisa jistgħu jipprofetizzaw fil-ġemgħa – u l-oħra – ma jistgħux jitkellmu –, tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ indikazzjonijiet, li minn barra jidhru kontra xulxin, inħalluha għall-eseġeti. Mhux ħa niddiskutuha hawn. L-Erbgħa li għaddiet diġà ltqajna mal-figura ta’ Priska jew Prixxilla, mart Akwila, li f’żewġ każi ħaġa tal-għaġeb tiġi msemmija qabel żewġha (ara Atti 18:18; Rum 16:3): għad li t-tnejn huma kkwalifikati espliċitament minn Pawlu bħala sun-ergoús “kollaboraturi” tiegħu (Rum 16:3).

 

Ma nistgħux anqas inwarrbu figuri oħra ta’ importanza. Irridu nsemmu, ngħidu aħna, li l-Ittra qasira lil Filemon fir-realtà hi indirizzata minn Pawlu anki lil mara jisimha “Appja” (ara Film 2). Traduzzjonijiet Latini u Sirjaċi tat-test Grieg iżidu ma’ dan l-isem “Appja” l-appellattiv “soror carissima” (ibid.) u rridu ngħidu li fil-komunità ta’ Kolossi bilfors li kellha xi post importanti; hu x’inhu, hija l-unika mara msemmija minn Pawlu fost id-destinatarji ta’ ittra tiegħu. Band’oħra l-Appostlu jsemmi lil waħda “Febi”, ikkwalifikata bħala diákonos tal-Knisja ta’ Kenkri, il-belt port fil-lvant ta’ Korintu (ara Rum 16:1-2). Imqar jekk dan it-titlu f’dak iż-żmien kien għad ma kellux valur ministerjali speċifiku ta’ xeħta ġerarkika, jesprimi taħriġ veru u proprju ta’ responsabbiltà min-naħa ta’ din il-mara fi ħdan dik il-komunità Nisranija. Pawlu jirrakkomandalhom jilqgħuha bi tjieba u jgħinuna f’“kulma teħtieġ mingħandkom”, u mbagħad iżid: “għax hi stess kienet ta’ għajnuna għal ħafna, u għalija wkoll”. F’dan l-istess kuntest epistolari l-Appostlu b’delikatezza jfakkar ismijiet ta’ nisa oħra: ċerta Marija, imbagħad Trifena, Trifosa u Persi “l-maħbuba”, barra Ġulja, li dwarhom jikteb bla ħabi li “tħabtu ħafna għalikom” jew “qegħdin jitħabtu fil-Mulej” (Rum 16:6,12a,12b,15), u hekk jisħaq fuq l-impenn qawwi tagħhom fil-Knisja. Fil-Knisja ta’ Filippi mbagħad spikkaw żewġ nisa jisimhom “Evojda u Sintiki” (Fil 4:2): Pawlu jitlobhom ikunu fehma waħda bejniethom u dan jagħtina x’nifhmu li ż-żewġ nisa kellhom funzjoni importanti fi ħdan dik il-komunità.

 

L-istorja tal-Kristjaneżmu ftit jew wisq kienet tieħu xejra differenti ħafna kieku ma kienx hemm is-sehem ġeneruż ta’ bosta nisa. Għalhekk, kif kiteb il-Predeċessur meqjum u għażiż tiegħi Ġwanni Pawlu II fl-Ittra appostolika Mulieris dignitatem, “il-Knisja trodd ħajr għan-nisa kollha u għal kull waħda… Il-Knisja trodd ħajr għall-wirjiet kollha ta’ ‘ġenju’ femminili li dehru matul l-istorja, qalb il-popli u n-nazzjonijiet kollha; trodd ħajr għall-kariżmi kollha li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fuq in-nisa fl-istorja tal-Poplu ta’ Alla, għar-rebħiet kollha li hi taf lill-fidi, it-tama u l-imħabba tagħhom; trodd ħajr għall-frott kollu tal-qdusija femminili” (n. 31). Kif qed naraw, l-eloġju hu għan-nisa matul l-istorja tal-Knisja u qed jesprimih f’isem il-komunità ekkleżjali kollha. Aħna wkoll nixxierku ma’ dan l-apprezzament u rroddu ħajr lill-Mulej, għax hu jmexxi lill-Knisja tiegħu, nisel wara nisel, billi jinqeda bla ebda distinzjoni bi rġiel u nisa, li mill-fidi tagħhom u mill-magħmudija tagħhom jafu joħorġu l-frott għall-ġid tal-Ġisem kollu tal-Knisja, għall-ikbar glorja ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard