Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 11 ta’ Ottubru 2006

 

Xmun il-Kanani u Ġuda Taddew

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se nħarsu lejn tnejn mit-tnax-il Appostlu: Xmun il-Kanani u Ġuda Taddew (ma għandniex nifxluh ma’ Ġuda l-Iskarjota). Se nħarsu lejhom flimkien, mhux biss għax fil-listi tat-Tnax dejjem huma msemmijin ma’ xulxin (ara Mt 10:4; Mk 3:18; Lq 6:15; Atti 1:13), imma wkoll għax it-tagħrif li għandna dwarhom mhuwiex ħafna, barra l-fatt li l-Kanoni Neotestamentarju fih ittra attribwita lil Ġuda Taddew.

 

Xmun għandu titlu li jvarja fl-erba’ listi: waqt li Mattew u Mark isejħulu l-“Kanani”, Luqa jsejjaħlu ż-“Żelota”. Fir-realtà, iż-żewġ ismijiet huma bħal xulxin, għax ifissru l-istess ħaġa: fil-lingwa Ebrajka, fil-fatt, il-verb qanà’ ifisser “tkun għajjur, imħeġġeġ” u jista’ jingħad kemm għal Alla, għax hu għajjur għall-poplu magħżul minnu (ara Eż 20:5), u kemm għal bnedmin imħeġġa biż-żelu għall-qadi ta’ Alla wieħed b’għotja sħiħa tagħhom infushom, bħal Elija (ara 1 Slat 19:10). Għalhekk, hu possibbli ħafna li dan Xmun, jekk ma kienx jagħmel parti proprja mill-moviment nazzjonalista taż-Żeloti, tal-inqas kien ikkaratterizzat minn żelu mħeġġeġ għall-identità Ġudajka, jiġifieri għal Alla, għall-poplu tiegħu u għal-Liġi divina. Jekk huwa hekk, Xmun hu eżattament l-oppost ta’ Mattew, li bil-maqlub, bħala pubblikan, kien ġej minn attività meqjusa għalkollox imniġġsa. Sinjal ċar li Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli u kollaboraturi tiegħu minn saffi soċjali u reliġjużi l-aktar differenti, mingħajr ma jeskludi lil ħadd. Lilu jinteressawh il-persuni, u mhux il-kategoriji soċjali jew it-tikketti! U s-sabiħa hi li fil-grupp tad-dixxipli tiegħu, ilkoll, imqar jekk differenti, kienu jgħixu flimkien, u rnexxielhom jegħlbu diffikultajiet li ma timmaġinahomx: fil-fatt, kien Ġesù nnifsu r-raġuni ta’ din l-għaqda, li fih kollha sabu ruħhom marbuta flimkien. Din hi lezzjoni ċara għalina, li spiss aħna miġbuda iktar biex nagħfsu fuq id-differenzi u forsi anki l-kuntrasti, u ninsew li f’Ġesù Kristu ngħatatilna l-qawwa li nsewwu t-tilwim ta’ bejnietna. Inżommu wkoll quddiem għajnejna li l-grupp tat-Tnax huwa l-prefigurazzjoni tal-Knisja, li fiha għandhom isibu wisa’ l-kariżmi, il-popli u r-razez kollha, il-kwalitajiet kollha umani, li jilħqu l-ftehim u l-għaqda tagħhom fil-komunjoni ma’ Ġesù.

 

Imbagħad, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Ġuda Taddew, it-tradizzjoni ssejjaħlu hekk, u tgħaqqad flimkien żewġ nomi differenti: fil-fatt, waqt li Mattew u Mark isejħulu sempliċiment “Taddew” (Mt 10:3; Mk 3:18), Luqa jsejjaħlu “Ġuda ta’ Ġakbu” (Lq 6:16; Atti 1:13). Il-laqam Taddew ma nafux eżatt mnejn ġej u nfissruh jew li ġej mill-Aramajk taddà’, jiġifieri “sider” u allura jrid ifisser “twajjeb”, jew inkella bħala taqsira ta’ isem Grieg bħal “Teodoru, Teodotu”. Dwaru waslilna wisq ftit. Ġwanni biss isemmi talba li hu għamel lil Ġesù fl-Aħħar Ċena. Jgħidlu Taddew lill-Mulej: “Mulej, din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?”. Hi mistoqsija attwali ħafna, li aħna wkoll nagħmlu lill-Mulej: għaliex l-Irxoxt ma weriex ruħu fil-glorja kollha tiegħu lill-avversarji tiegħu biex juri li Alla hu r-rebbieħ? Għaliex wera ruħu biss lid-Dixxipli tiegħu? It-tweġiba ta’ Ġesù hi misterjuża u profonda. Il-Mulej jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:22-23). Dan ifisser li l-Irxoxt irridu nħarsu lejh u nifhmuh anki bil-qalb, hekk li Alla jista’ jgħammar fina. Il-Mulej ma jidhirx bħala oġġett. Hu jrid jidħol fil-ħajja tagħna u għalhekk il-wirja tiegħu hija wirja li timplika u titlob il-qalb miftuħa tagħna. Hekk biss nistgħu narawh lill-Irxoxt.

 

Lil Ġuda Taddew ġiet attribwita waħda mill-Ittri tat-Testment il-Ġdid li jissejħu ‘kattoliċi’ għax huma indirizzati mhux lil xi Knisja lokali partikulari, imma lil ċirku wisq usa’ ta’ destinatarji. Fil-fatt hi miktuba “lil dawk li huma msejħin, maħbubin minn Alla l-Missier, u mħarsa għal Ġesù Kristu” (v. 1). Preokkupazzjoni ċentrali ta’ din il-kitba hi li twissi lill-Insara dwar dawk kollha li jinqdew bil-grazzja ta’ Alla biex jiskużaw il-ħażen tagħhom u jiżvijaw aħwa oħra b’tagħlim inaċċettabbli, u “fit-thewdin tagħhom” (v. 8) idaħħlu firdiet fi ħdan il-Knisja, għax hekk isejħilhom Ġuda d-duttrini u l-ideat speċjali tagħhom. Hu jqabbilhom saħansitra mal-anġli mkeċċija, u bi kliem qawwi jgħid li “qabdu triq Kajin” (v. 11). Iktar minn hekk, ma joqgħodx lura milli jittimbrahom “sħab bla xita misjuqa mir-riħ; siġar bla frott fi tmiem il-ħarifa, mejta għal darbtejn, imqaċċta mill-għeruq; imwieġ qliel tal-baħar jitqallbu fir-ragħwa tal-għajb tagħhom; kwiekeb ġerrejja li għalihom hemm merfugħ is-swied tad-dlamijiet ta’ dejjem” (vv. 12-13).

 

Illum aħna forsi m’aħniex imdorrijin nużaw lingwaġġ daqshekk polemikuż, li madankollu jgħid xi ħaġa importanti. Qalb it-tentazzjonijiet kollha li jeżistu, bil-kurrenti kollha tal-ħajja moderna, irridu nikkonservaw l-identità tal-fidi tagħna. Bla dubju, it-triq tat-tolleranza u tad-djalogu, li bi pjaċir qabad il-Konċilju Vatikan II, għandna nimxu fiha b’rieda soda. Imma din it-triq tad-djalogu, hekk meħtieġa, ma għandhiex tnessina d-dmir li naħsbu b’mod dejjem ġdid u nuru b’daqstant ieħor qawwa l-linji ewlenin u fundamentali tal-identità Nisranija tagħna li ma nistgħux nċeduhom. Min-naħa l-oħra, hemm bżonn inżommu sew quddiem għajnejna li din l-identità tagħna titlob qawwa, ċarezza u kuraġġ quddiem il-kontradizzjonijiet tad-dinja li fiha ngħixu. Għalhekk it-test epistolari jkompli hekk: “Iżda intom, għeżież” – qed ikellem lilna lkoll – “ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu rwieħkom fl-imħabba ta’ Alla, stennew il-ħniena ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem. Uru ħniena ma’ dawk li għadhom fid-dubju…” (vv. 20-22). L-Ittra tagħlaq b’dawn il-kelmiet mill-isbaħ: “Lil dak li għandu l-qawwa jħariskom mill-waqgħa, u jqegħedkom bla tebgħa u ferħana quddiem is-sebħ tiegħu, lil Alla waħdu Salvatur tagħna, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna, glorja, kobor, qawwa u setgħa qabel kull żmien, issa, u għal dejjem ta’ dejjem. Amen” (vv. 24-25).

 

Nistgħu naraw tajjeb li l-awtur ta’ dawn il-versi jgħix il-fidi tiegħu fil-milja tagħha, li għaliha jappartienu realtajiet kbar bħalma huma l-integrità morali u l-ferħ, il-fiduċja u fl-aħħar nett it-tifħir, immotivat kollu kemm hu biss mit-tjieba ta’ Alla l-waħdieni tagħna u mill-ħniena ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk, kemm Xmun il-Kanani u kemm Ġuda Taddew jgħinuna niskopru mill-ġdid dejjem iżjed u ngħixu bla heda l-ġmiel tal-fidi Nisranija, u nagħrfu nagħtu xhieda tagħha qawwija u fl-istess waqt serena.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard