Laikos

 

 

QUDDIESA TA’ NOFSILLEJL

SOLENNITÀ TAT-TWELID TAL-MULEJ

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU BENEDITTU XVI

 

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2009

 

Għeżież ħuti,

 

“Tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:5). Dak li Iżaija, huwa u jħares mill-bogħod lejn il-futur, jgħid lil Iżrael biex ifarrġu fit-tiġrib u d-dalma tiegħu, l-Anġlu, li minnu toħroġ sħaba ta’ dawl, iħabbru lir-ragħajja bħala preżent: “Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu Kristu l-Mulej” (Lq 2:11). Il-Mulej hu preżenti. Minn dan il-mument, Alla hu tassew “Alla magħna”. Ma għadux Alla mbiegħed, li, permezz tal-ħolqien u permezz tal-kuxjenza, b’xi mod nistgħu nħossuh mill-bogħod. Hu daħal fid-dinja. Huwa l-Qarib tagħna. Kristu Rxoxt dan qalu lid-dixxipli tiegħu, lilna: “Araw, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Għalikom twieled is-Salvatur: dak li l-Anġlu ħabbar lir-ragħajja, Alla issa jfakkru lilna permezz tal-Vanġelu u tal-messaġġiera tiegħu. Din hi aħbar li ma tistax tħallina indifferenti. Jekk hija minnha, kollox inbidel. Jekk hija minnha, hi tmiss lili wkoll. Allura, bħar-ragħajja, jiena wkoll irrid ngħid: Isaw, ejjew immorru Betlehem u naraw il-Kelma li seħħet hemm. Il-Vanġelu mhux għalxejn b’xejn jirrakkontalna l-istorja tar-ragħajja. Huma juruna kif għandna nwieġbu b’mod tajjeb għal dak il-messaġġ li qed jitwassal lilna wkoll. X’qed jgħidulna allura dawn l-ewwel xhieda tal-inkarnazzjoni ta’ Alla?

 

Dwar ir-ragħajja jingħad qabelxejn li huma kienu persuni li jishru u li l-messaġġ seta’ jasal għandhom proprju għax kienu mqajmin. Jeħtieġ inqumu, biex il-messaġġ jasal sa għandna. Jeħtieġ insiru persuni li tassew nishru. Xi jfisser dan? Id-differenza bejn wieħed li joħlom u wieħed li jibqa’ mqajjem tikkonsisti qabelxejn fil-fatt li dak li joħlom jinsab f’dinja partikulari għalih. Bil-jien tiegħu hu magħluq f’din id-dinja tal-ħolm li, appuntu, hi biss tiegħu u ma torbtux mal-oħrajn. Inqumu jfisser noħorġu minn din id-dinja partikulari tal-jien u nidħlu fir-realtà komuni, fil-verità li, waħidha, tgħaqqadna lkoll. Il-kunflitt fid-dinja, it-tilwim bejnietna, ġejjin mill-fatt li aħna magħluqa fl-interessi tagħna u fl-opinjonijiet personali, fid-dinja żgħira privata tagħna. L-egoiżmu, dak tal-grupp kif ukoll dak individwali, iżommna lsiera tal-interessi u x-xewqat tagħna, li jistonaw mal-verità u jifirduna minn xulxin. Stenbħu, jgħidilna l-Vanġelu. Oħorġu biex tidħlu fil-verità kbira komuni, fil-komunjoni ta’ Alla wieħed. Inqumu, allura, ifisser li niżviluppaw is-sensibbiltà għal Alla; bis-sinjali siekta li bihom hu jrid jiggwidana; bil-ħafna sinjali tal-preżenza tiegħu. Hemm persuni li jgħidu li huma “reliġjożament nieqsa minn widna mużikali”. Il-kapaċità perċettiva għal Alla donnha tidher qisha xi don li xi wħud ma jitħallewx ikollhom. U fil-fatt – il-mod ta’ kif naħsbu u naġixxu, il-mentalità tad-dinja tal-lum, il-firxa wiesgħa tad-diversi esperjenzi tagħna huma adatti biex ifaqqru s-sensibbiltà għal Alla, biex jagħmluna “nieqsa minn widna mużikali” għalih. U madankollu, f’kull ruħ hemm preżenti, b’mod moħbi jew miftuħ, ix-xewqa għal Alla, il-kapaċità li niltaqgħu miegħu. Biex niksbu din is-sahra, dan l-istenbiħ għall-essenzjal, jeħtieġ nitolbu, għalina nfusna u għall-oħrajn, għal dawk li jidhru “neqsin minn din il-widna mużikali” u li fihom, madankollu, hi ħajja x-xewqa li Alla juri ruħu. It-teologu kbir Oriġene qal: kieku kelli l-grazzja li nara kif ra Pawlu, inkun nista’ issa (waqt il-Liturġija) nikkontempla ġemgħa kbira ta’ Anġli (ara in Lc 23, 9). Fil-fatt – fil-Liturġija mqaddsa, l-Anġli ta’ Alla u l-Qaddisin jinsabu madwarna. Il-Mulej innifsu hu preżenti f’nofsna. Mulej, iftħilna l-għajnejn ta’ qlubna, biex nishru u narawk u hekk nistgħu nwasslu l-qrubija tiegħek ukoll lill-oħrajn!

 

Lura għall-Vanġelu tal-Milied. Dan jirrakkontalna li r-ragħajja, wara li semgħu l-messaġġ tal-Anġlu, qalu lil xulxin: “‘Ejjew immorru Betlehem’… Marru mela jgħaġġlu” (Lq 2:15s). “Jgħaġġlu” jgħid litteralment it-test Grieg. Dak li kien ġie mħabbar lilhom kien hekk importanti li kellhom imorru minnufih. Fil-fatt, dak li kien intqalilhom kien għalkollox barra min-normal. Kien qed jibdel id-dinja. Twieled il-Feddej. L-Iben mistenni ta’ David ġie fid-dinja fil-belt tiegħu. X’seta’ jkun hemm iżjed importanti minn hekk? Daż-żgur, il-kurżità wkoll kienet qed tegħlibhom, imma fuq kollox l-aġitazzjoni għall-ħaġa kbira li kienet ġiet ikkomunikata proprju lilhom, nies ċkejkna u rġiel apparentement irrilevanti. Għaġġlu – bla dewmien. Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum l-affarijiet ma jkunux hekk. Il-parti l-kbira tal-bnedmin ma jqisux prijorità l-ħwejjeġ ta’ Alla, ma nħossuhomx hekk urġenti. U hekk aħna, fil-parti l-kbira tagħna, spiss inkunu lesti nħalluhom għal darb’oħra. L-ewwel nagħmlu dak li hawn u issa jidher urġenti. Fil-lista tal-prijoritajiet Alla spiss jinsab kważi fl-aħħar post. Dak – naħsbu aħna – tista’ tagħmlu dejjem. Il-Vanġelu qed jgħidilna: Alla għandu l-ewwel prijorità. Jekk xi ħaġa fil-ħajja tagħna jixirqilha li nħaffu nagħmluha bla dewmien, din hi, allura, biss il-kawża ta’ Alla. Massima tar-Regola ta’ San Benedittu tgħid: “La tpoġġi xejn qabel il-ħidma ta’ Alla (jiġifieri l-Uffiċċju Divin)”. Il-Liturġija hi għall-monaċi l-ewwel prijorità. Il-bqija kollu jiġi wara. Imma fil-qalba tagħha din il-frażi tgħodd għal kull bniedem. Alla hu importanti, ir-realtà assolutament l-iżjed importanti fil-ħajja tagħna. Proprju din il-prijorità jgħallmuna r-ragħajja. Minnhom irridu nitgħallmu ma nħallux jgħaffġuna l-ħwejjeġ kollha urġenti tal-ħajja ta’ kuljum. Minnhom irridu nifhmu l-libertà interjuri li nqiegħdu fit-tieni post affarijiet oħra li jokkupawlna l-ħsieb – huma kemm huma importanti – biex nersqu lejn Alla, biex inħalluh jidħol fil-ħajja tagħna u fiż-żmien tagħna. Iż-żmien li nħaddmu għal Alla u, ibda minnu, għall-proxxmu, qatt ma hu żmien moħli. Huwa ż-żmien li fih ngħixu verament, li fih ngħixu tassew bħala persuni umani.

 

Xi kummentaturi jinnutawlna li kienu r-ragħajja, l-erwieħ sempliċi, l-ewwel li ġew għand Ġesù fil-maxtura u setgħu jiltaqgħu mal-Feddej tad-dinja. L-għorrief li ġew mil-Lvant, ir-rappreżentanti ta’ dawk li għandhom xi pożizzjoni u isem, ġew ħafna iżjed tard. Il-kummentaturi jżidu: dan hu ovvju ħafna. Fil-fatt, ir-ragħajja kienu jgħixu qrib. Huma kulma riedu jagħmlu kien “jaqsmu” (ara Lq 2:15) kif taqsam spazju qasir biex tmur għand il-ġirien. Imma l-għorrief kienu joqogħdu ’l bogħod. Huma kellhom jimxu triq twila u diffiċli, biex jaslu Betlehem. U kellhom bżonn ta’ gwida u ta’ indikazzjoni. U l-istess, illum ukoll jeżistu erwieħ sempliċi u umli li jgħixu ħafna qrib tal-Mulej. Dawn huma, biex ngħidu hekk, il-ġirien tiegħu u jistgħu faċilment imorru għandu. Imma l-parti l-kbira minna l-bnedmin moderni ngħixu mbiegħda minn Ġesù Kristu, minn Dak li sar bniedem, minn Alla li ġie f’nofsna. Ngħixu f’filosofiji, fi ħwejjeġ u okkupazzjonijiet li jimlewna għalkollox u li minnhom il-mixja lejn il-maxtura hi twila ħafna. B’diversi modi Alla jkollu l-ħin kollu joqgħod jiġbidna u jagħtina daqqa t’id, biex nistgħu nsibu kif noħorġu mil-labirint tal-ħsibijiet tagħna u tal-impenji tagħna u nsibu t-triq lejh. Imma għal kulħadd hemm triq. Għal kulħadd il-Mulej jipprovdi sinjali adatti għal kull wieħed u waħda. Hu jsejħilna lkoll, biex anki aħna nistgħu ngħidu: Isaw, “ejjew naqsmu”, immorru Betlehem – lejn dak Alla, li ġie jiltaqa’ magħna. Iva, Alla mexa lejna. Waħidna ma nistgħux naslu sa għandu. It-triq hi ikbar milli nifilħu aħna. Imma Alla niżel. Hu jiġi jiltaqa’ magħna. Hu mexa l-parti l-iżjed twila tat-triq. Issa qed jitlobna: Ejjew u araw kemm inħobbkom. Ejjew u araw li jiena ninsab hawn. Transeamus usque Bethleem, tgħid il-Bibbja Latina. Immorru sa hemm! Ngħaddu lilna nfusna! Insiru vjaġġaturi lejn Alla b’diversi modi: billi nkunu minn ġewwa f’mixja lejh. Imma wkoll f’mixjiet konkreti ħafna – fil-Liturġija tal-Knisja, fis-servizz lill-proxxmu, fejn Kristu qed jistennieni.

 

Ejjew nisimgħu għal darb’oħra direttament il-Vanġelu. Ir-ragħajja jgħidu lil xulxin ir-raġuni għalfejn se jmorru: “ħa naraw x’ġara”. Litteralment it-test Grieg jgħid: “Naraw din il-Kelma, li seħħet hemm”. Iva, dan hu l-karattru ġdid ta’ dan il-lejl: il-Kelma nistgħu narawha. Għax saret laħam. Dak Alla li ma għandha ssir ebda xbieha tiegħu, għax kull xbieha tista’ biss tfaqqru, anzi tinterpretah ħażin, dak Alla sar, hu stess, viżibbli f’Dak li hu x-xbieha vera tiegħu, kif jgħidilna Pawlu (ara 2 Kor 4:4; Kol 1:15). Fil-figura ta’ Ġesù Kristu, fil-ħajja u l-ħidma kollha tiegħu, fil-mewt u l-qawmien tiegħu, nistgħu naraw il-Kelma ta’ Alla u allura l-misteru tal-istess Alla l-ħaj. Hekk hu Alla. L-Anġlu kien qalilhom lir-ragħajja: “U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12; ara 16). Is-sinjal ta’ Alla, is-sinjal li jingħata lir-ragħajja u lilna, mhuwiex xi miraklu emozzjonanti. Is-sinjal ta’ Alla hu l-umiltà tiegħu. Is-sinjal ta’ Alla hu li hu jiċċekken; isir tarbija; iħallina mmissuh u jitlobna mħabbitna. Kemm nixtiequ aħna l-bnedmin sinjal differenti, imponenti, inkonfutabbli tas-setgħa ta’ Alla u tal-kobor tiegħu. Imma s-sinjal tiegħu jistedinna għall-fidi u għall-imħabba, u għalhekk jimliena bit-tama: hekk huwa Alla. Hu għandu s-setgħa u hu t-Tjieba nfisha. Jistedinna nsiru nixbhuh. Iva, insiru nixbhu lil Alla, jekk inħallu dan is-sinjal jagħġinna; jekk nitgħallmu, aħna stess, l-umiltà u allura l-kobor veru; jekk niċħdu l-vjolenza u nużaw biss l-armi tal-verità u tal-imħabba. Oriġene, fuq kliem Ġwanni l-Battista, ra espressa l-essenza tal-paganiżmu fis-simbolu tal-ġebel: paganiżmu hu nuqqas ta’ sensibbiltà, ifisser qalb tal-ġebel, li mhix kapaċi tħobb u tħoss l-imħabba ta’ Alla. Oriġene jgħid hekk fuq il-pagani: “Neqsin mis-sentiment u mir-raġuni, jinbidlu f’ġebel u fi njam” (in Lc 22, 9). Imma Kristu jrid jagħtina qalb tal-laħam. Meta naraw lilu, Alla li sar tarbija, tinfetħilna qalbna. Fil-Liturġija tal-Lejl Qaddis Alla jiġi għandna bħala bniedem, biex aħna nistgħu nsiru tassew umani. Nisimgħu issa lil Oriġene: “Fil-fatt, x’jiswielek li Kristu darba ġie fil-ġisem, jekk hu ma jasalx sar-ruħ tiegħek? Nitolbu li jiġi ta’ kuljum għandna u li nistgħu llissnu: ngħix, imma mhux iżjed jien, imma Kristu jgħix fija (Gal 2:20)” (in Lc 22, 3).

 

Iva, għal dan irridu nitolbu f’dan il-Lejl Qaddis. Mulej Ġesù Kristu, int li twelidt f’Betlehem, ejja għandna! Idħol fija, fir-ruħ tiegħi. Ibdilni. Ġeddidni. Agħmel li jien u lkoll kemm aħna minn ġebel u njam insiru persuni ħajjin, li fihom imħabbtek issir preżenti u d-dinja tiġi mibdula. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard