Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 30 ta’ Mejju 2007

 

Tertulljanu

 

Għeżież ħuti,

 

Bil-katekeżi tal-lum nerġgħu naqbdu l-fil tal-katekeżi li ħallejna għall-ġenb minħabba l-vjaġġ fil-Brażil u nkomplu nitkellmu fuq il-personalitajiet kbar tal-Knisja tal-qedem: huma mgħallma tal-fidi anki għalina llum u xhieda ta’ kemm hi dejjem attwali l-fidi Nisranija. Illum se nitkellmu fuq Afrikan, Tertulljanu, li bejn tmiem it-tieni u ftuħ it-tielet seklu inawgura l-letteratura Nisranija fl-ilsien Latin. Miegħu tibda teoloġija b’din il-lingwa. L-opra tiegħu tat frott mill-aqwa, li ma nistgħux ma nagħtux kasu. L-influwenza tiegħu tidher fuq diversi livelli: minn dawk tal-lingwaġġ u r-riabilitazzjoni tal-kultura klassika, għal dawk tas-sejbien ta’ “ruħ Kristjana” komuni fid-dinja u tat-tiswir ta’ proposti ġodda ta’ konvivenza umana. Ma nafux bl-eżatt id-dati tat-twelid u tal-mewt tiegħu. Imma nafu li f’Kartaġni, lejn tmiem it-II seklu, mingħand ġenituri u għalliema pagani rċieva formazzjoni soda rettorika, filosofika, ġuridika u storika. Imbagħad ikkonverta għall-Kristjaneżmu, miġbud – milli jidher – mill-eżempju tal-martri Nsara. Beda jxandar il-kitbiet l-aktar famużi tiegħu fis-sena 197. Imma t-tiftix wisq individwali tal-verità, flimkien mal-eċċessi tal-karattru tiegħu – kien bniedem rigoruż –, ftit ftit wassluh biex iħalli l-komunjoni mal-Knisja u jidħol mas-setta tal-Montaniżmu. Madankollu, l-oriġinalità tal-ħsieb magħquda mal-effikaċja inċiżiva tal-lingwaġġ jiżgurawlu pożizzjoni li tispikka fil-letteratura Nisranija tal-qedem.

 

Huma famużi fuq kollox il-kitbiet tiegħu ta’ karattru apoloġetiku. Dawn juru żewġ fehmiet prinċipali tiegħu: dik li jeħodha kontra l-akkużi gravi ħafna li l-pagani kienu qed jagħmlu kontra r-reliġjon il-ġdida, u dik – iżjed propożittiva u missjunarja – li jwassal il-messaġġ tal-Vanġelu fi djalogu mal-kultura ta’ żmienu. L-opra l-iżjed magħrufa tiegħu, l-Apoloġetika, tikkundanna l-imġiba żbaljata tal-awtoritajiet politiċi mal-Knisja; tfisser u tiddefendi t-tagħlim u d-drawwiet tal-Insara; tindividwa d-differenzi bejn ir-reliġjon il-ġdid u l-kurrenti filosofiċi ewlenin ta’ dak iż-żmien; turi t-trijonf tal-Ispirtu, li kontra l-vjolenza tal-persekuturi jeħodha bit-tixrid tad-demm, it-tbatija u s-sabar tal-martri: “Fina kemm hi fina”, jikteb l-Afrikan, “għal xejn ma tiswa l-kefrija tagħkom: anzi, għall-komunità tagħna, hija stedina. Ma’ kull daqqa ta’ minġel tagħkom aħna niżdiedu fil-għadd: id-demm tal-Insara hu żerriegħa għammiela! (semen est sanguis christianorum!) (Apoloġetika 50,13). Il-martirju, it-tbatija għall-verità fl-aħħar mill-aħħar joħorġu rebbieħa u iżjed b’saħħithom mill-kefrija u mill-vjolenza tar-reġimi totalitarji.

 

Imma Tertulljanu, bħal kull apoloġista tajjeb, fl-istess ħin iħoss il-bżonn li jgħaddi b’mod pożittiv lil ħaddieħor l-essenza tal-Kristjaneżmu. Għalhekk hu jadotta l-metodu spekulattiv biex juri l-fundamenti razzjonali tad-domma Nisranija. Jinżel fil-fond tagħhom b’mod sistematiku, ibda mid-deskrizzjoni tal-“Alla tal-Insara”: “Dak li aħna nqimu”, jistqarr l-Apoloġista, “hu l-uniku Alla wieħed”. U jissokta, huwa u jħaddem l-antiteżi u l-paradossi karatteristiċi tal-lingwaġġ tiegħu: “Hu ma jidhirx, imqar jekk tarah; ma jinħakimx, imqar jekk hu preżenti fil-grazzja; ma jiġix mistħajjel, imqar jekk is-sensi umani jistgħu jħossuh; għalhekk huwa veru u kbir!” (ibid., 17,1-2).

 

Barra dan, Tertulljanu jagħmel pass enormi fl-iżvilupp tad-domma tat-Trinità; tana bil-Latin il-lingwaġġ it-tajjeb biex nesprimu dan il-misteru kbir, u kien hu li daħħal it-termini “sustanza waħda” u “tliet Persuni”. B’mod simili, żviluppa ħafna wkoll il-lingwaġġ korrett biex jesprimi l-misteru ta’ Kristu Bin Alla u veru Bniedem.

 

L-Afrikan jittratta wkoll l-Ispirtu s-Santu, u juri l-karattru personali u divin tiegħu: “Nemmnu li, skont il-wegħda li għamel, Ġesù Kristu bagħat permezz tal-Missier lill-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu, dak li jqaddes il-fidi ta’ dawk li jemmnu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu” (ibid., 2,1). Mill-ġdid, fl-opri tal-Afrikan naqraw bosta testi fuq il-Knisja, li Tertulljanu jagħraf dejjem bħala “Omm”. Anki meta ssieħeb fil-Montaniżmu, hu ma nesiex li l-Knisja hi l-Omm tal-fidi tagħna u tal-ħajja Nisranija tagħna. Hu jieqaf ukoll fuq l-imġiba morali tal-Insara u fuq il-ħajja li ġejja. Il-kitbiet tiegħu huma importanti wkoll biex nifhmu tendenzi li kienu ħajja fil-komunitajiet Insara dwar Marija Santissma, is-sagramenti tal-Ewkaristija, taż-Żwieġ u tar-Rikonċiljazzjoni, il-primat Petrin, it-talb… B’mod speċjali, f’dawk iż-żminijiet ta’ persekuzzjoni li fihom l-Insara kienu jidhru qishom minoranza mitlufa, l-Apoloġista jħeġġiġhom għat-tama, li – jekk noqogħdu fuq il-kitbiet tiegħu – mhijiex sempliċiment virtù fiha nfisha, imma realtà li tolqot kull aspett tal-ħajja Nisranija. Għandna t-tama li l-futur hu tagħna għaliex il-futur hu ta’ Alla. Hekk il-qawmien tal-Mulej jiġi ppreżentat bħala l-fundament tal-qamwien futur tagħna, u jirrappreżenta l-oġġett prinċipali tal-fiduċja tal-Insara: “Il-ġisem għad iqum”, jafferma kategorikament l-Afrikan, “il-ġisem kollu, sewwasew il-ġisem, u l-ġisem kollu u sħiħ. Kull fejn jinsab, hu qiegħed merħi f’idejn Alla, minħabba f’dak il-medjatur l-aktar fidil bejn Alla u l-bnedmin, Ġesù Kristu, li jrodd lil Alla għand il-bniedem u lill-bniedem għand Alla” (Il-qawmien tal-mejtin 63,1).

 

Mill-perspettiva umana nistgħu bla dubju ta’ xejn nitkellmu fuq il-ħajja drammatika ta’ Tertulljanu. Mal-medda tas-snin hu sar dejjem iżjed esiġenti mal-Insara. Kien jippretendi minnhom f’kull ċirkustanza, u fuq kollox fil-persekuzzjonijiet, imġiba erojka. Riġidu fil-pożizzjonijiet tiegħu, ma kienx jibqa’ lura milli jikkritika b’mod peżanti, u allura bir-raġun spiċċa biex sab ruħu iżolat. Mill-bqija, illum ukoll għadhom miftuħa bosta kwistjonijiet, mhux biss fuq il-ħsieb teoloġiku u filosofiku ta’ Tertulljanu, imma anki fuq l-atteġġjament tiegħu lejn l-istituzzjonijiet politiċi u s-soċjetà pagana. Lili dan iġagħalni naħseb ħafna fuq din il-personalità kbira morali u intellettwali, dan ir-raġel li ta kontribut hekk kbir lill-ħsieb Nisrani. Naraw kif fl-aħħar naqsitu s-sempliċità, l-umiltà li jkun parti mill-Knisja, li jaċċetta d-dgħufijiet tiegħu, li jkun tolleranti lejn l-oħrajn u miegħu nnifsu. Meta wieħed jara biss il-ħsieb tiegħu fil-kobor tiegħu, fl-aħħar ikun sewwasew dan il-kobor li huwa jitlef. Il-karatteristika essenzjali ta’ teologu kbir hija l-umiltà li jkun mal-Knisja, li jilqa’ d-dgħufijiet tiegħu u tagħha, għax Alla waħdu hu tabilħaqq kollu kemm hu qaddis. Aħna min-naħa tagħna dejjem ninsabu fil-ħtieġa tal-maħfra.

 

Bla dubju ta’ xejn, l-Afrikan jibqa’ xhud interessanti tal-ewwel żminijiet tal-Knisja, meta l-Insara sabu ruħhom suġġetti awtentiċi ta’ “kultura ġdida” fil-konfront mill-qrib bejn il-wirt klassiku u l-messaġġ Evanġeliku. Tiegħu hi l-istqarrija ċelebri li tgħid li r-ruħ tagħna “hi naturaliter Kristjana” (Apoloġetika 17,6), fejn Tertulljanu jevoka l-kontinwità perenni bejn il-valuri awtentiċi umani u dawk Insara; u anki r-riflessjoni l-oħra tiegħu, mislufa direttament mill-Vanġelu, li “n-Nisrani ma jistax jobgħod lanqas lill-għedewwa tiegħu” (ara Apoloġetika 37), fejn l-implikazzjonijiet morali, essenzjali, tal-għażla tal-fidi, jipproponu n-“non vjolenza” bħala regola ta’ ħajja: u min ma jarax l-attwalità drammatika ta’ dan it-tagħlim, anki fid-dawl tad-dibattitu mqanqal fuq ir-reliġjonijiet?

 

Kollox ma’ kollox, fil-kitbiet tal-Afrikan nistgħu nsibu bosta temi li sal-lum għadna msejħin naffrontaw. Huma jdaħħluna f’tiftixa ġewwiena li tħalli l-frott, li għaliha nħeġġeġ lill-fidili kollha, biex nagħrfu nesprimu b’mod dejjem iżjed konvinċenti r-Regola tal-fidi, dik – biex nerġgħu lura għal darb’oħra għal Tertulljanu – “li tridna nemmnu li jeżisti Alla wieħed, u ħadd iżjed ħlief il-Ħallieq tad-dinja: hu ġab kollox mix-xejn permezz tal-Verb tiegħu, imnissel qabel kull ħaġa” (Dwar il-preskrizzjoni lill-eretiċi 13,1).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard