Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 22 ta’ April 2009

 

Ambroġ Autpert

 

Għeżież ħuti,

 

Il-Knisja tgħix fil-persuni u min irid jaf lill-Knisja u jifhem il-misteru tagħha, irid iqis il-persuni li għexu u jgħixu l-messaġġ tagħha, il-misteru tagħha. Għalhekk ili żmien twil fil-katekeżi tal-Erbgħat nitkellem fuq persuni li minnhom nistgħu nitgħallmu min hi l-Knisja. Bdejna bl-Appostli u l-Missirijiet tal-Knisja u ftit ftit wasalna sas-seklu 8, il-perjodu ta’ Karlu Manju. Illum nixtieq nitkellem fuq Ambroġ Autpert, awtur ftit li xejn magħruf: fil-fatt l-opri tiegħu fil-parti l-kbira tagħhom kienu ġew attribwiti lil persunaġġi oħra iżjed magħrufa, minn San Ambroġ ta’ Milan għal San Idelfonsu, biex ma nsemmux dawk li l-monaċi ta’ Monte Cassino ħassew li kellhom jattribwixxu lill-pinna ta’ abbati tagħhom bl-istess isem, li għex kważi seklu iżjed tard. Minn xi ħjiel awtobijografiku li daħħal fil-kummentarju kbir tiegħu fuq l-Apokalissi, għandna xi ftit tagħrif fuq ħajtu. Imma l-qari attent tal-opri li ftit ftit il-kritika tagħraf fih l-awtur tagħhom jgħinna niskopru fit-tagħlim tiegħu teżor teoloġiku u spiritwali prezzjuż anki għal żminijietna.

 

Imwieled fi Provence, minn familja distinta, Ambroġ Autpert – skont il-bijografu tardiv tiegħu Ġwanni – kien fil-qorti tar-re Franċiż Pepin il-Qasir fejn, barra l-kariga ta’ uffiċċjal, b’xi mod żvolġa wkoll dik ta’ preċettur tal-imperatur futur Karlu Manju. Aktarx parti mis-segwitù tal-Papa Stiefnu II, li fis-753-754 kien żar il-qorti Franċiża, Autpert ġie l-Italja u seta’ jżur l-Abbazija famuża Benedittina ta’ San Vinċenz, fejn tibda x-Xmara Volturno, fid-Dukat ta’ Benevento. Imwaqqfa għall-bidu ta’ dak is-seklu mit-tliet aħwa minn Benevento, Paldone, Tatone u Tasone, l-abbazija kienet magħrufa bħala oasi ta’ kultura klassika u Nisranija. Ftit wara ż-żjara tiegħu, Ambroġ Autpert qatagħha li jħaddan il-ħajja reliġjuża u daħal f’dak il-monasteru, fejn seta’ jifforma ruħu b’mod xieraq, fuq kollox fil-qasam tat-teoloġija u tal-ispiritwalità, skont it-tradizzjoni tal-Padri. Lejn is-sena 761 ġie ordnat saċerdot u fl-4 ta’ Ottubru 777 ġie elett Abbati bis-sostenn tal-monaċi Franki, waqt li kienu kontrih dawk Longobardi, li kienu aktar favorevoli għal-Longobard Potone. It-tensjoni fuq sfond nazzjonalistiku ma kkwitatx fix-xhur li ġew wara, bil-konsegwenza li Autpert is-sena ta’ wara, fis-778, qatagħha li joffri r-riżenja tiegħu u jmur jinġabar għall-kwiet ma’ xi monaċi Franki fi Spoleto, fejn seta’ jserraħ fuq il-protezzjoni ta’ Karlu Manju. B’danakollu t-tensjoni fil-Monasteru ta’ San Vinċenz ma kkalmatx, u xi sena wara, meta mal-mewt tal-abbati li ħa post Autpert ġie elett sewwasew Potone (782), it-tilwim reġa’ ħa n-nar u waslu biex akkużaw lill-abbati l-ġdid u ressquh għall-ġudizzju ta’ Karlu Manju. Dan bagħat lill-kontestanti għand it-tribunal tal-Papa, li sejħilhom Ruma. Sejjaħ ukoll bħala xhud lil Autpert li, imma, matul il-vjaġġ miet ħabta u sabta, forsi maqtul, fit-30 ta’ Jannar 784.

 

Ambroġ Autpert kien monaku u abbati fi żmien immarkat minn tensjonijiet politiċi kbar, li ħallew il-marka tagħhom ukoll fuq il-ħajja fil-monasteri. Dwar dan għandna kemm-il darba eku fit-tħassib li jesprimi fil-kitbiet tiegħu. Ngħidu aħna, hu jikkritika l-kontradizzjoni bejn id-dehra esterna mill-isbaħ tal-monasteri u t-telqa tal-monaċi: żgur li b’din il-kritika kellu fil-mira tiegħu anki l-istess abbazija tiegħu. Għaliha hu kiteb il-Ħajja tat-tliet fundaturi bl-għan ċar li joffri lill-ġenerazzjoni ġdida ta’ monaċi punt ta’ riferiment li miegħu setgħu jqabblu ruħhom. Għan simili nsibu wkoll wara t-trattat axxetiku ċkejken Conflictus vitiorum et virtutum (“Kunflitt bejn il-vizzji u l-virtujiet”), li kellu suċċess kbir fil-Medjuevu u ġie ppubblikat fl-1473 f’Utrecht taħt isem Girgor il-Kbir u sena wara fi Strasbourg taħt dak ta’ Santu Wistin. Fih Ambroġ Autpert irid jgħallem lill-monaċi b’mod konkret kif għandhom jaffrontaw it-taqbida spiritwali jum wara jum. B’mod sinifikattiv hu japplika l-istqarrija ta’ 2 Tim 3:12: “U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni” mhux iżjed għall-persekuzzjoni minn barra, imma għall-attakk li n-Nisrani jkollu jħabbat wiċċu miegħu fih innifsu min-naħa tal-qawwiet tal-ħażen. Jiġu ppreżentati fi speċi ta’ disputa 24 koppja ta’ ġellieda: kull vizzju jipprova jwaqqa’ lir-ruħ b’raġunamenti sottili, waqt li l-virtù rispettiva tirribatti dawn l-insinwazzjonijiet billi preferibbilment tinqeda bi kliem mill-Iskrittura.

 

F’dan it-trattat dwar il-kunflitt bejn vizzji u virtujiet, kontra l-cupiditas (ir-regħba) Autpert ipoġġi l-contemptus mundi (l-istmerrija tad-dinja), li ssir figura importanti fl-ispiritwalità tal-monaċi. Din l-istmerrija tad-dinja mhijiex stmerrija tal-ħolqien, tal-ġmiel u tat-tjieba tal-ħolqien u tal-Ħallieq, imma stmerrija tal-viżjoni qarrieqa tad-dinja li r-regħba tippreżentalna u tipprova tbellgħalna. Hi tipprova tikkonvinċina illi li “jkollna” hu l-ogħla valur ta’ min aħna, tal-ħajja tagħna fid-dinja biex nidhru importanti. U hekk tiffalsifika l-ħolqien tad-dinja u teqred id-dinja. Autpert imbagħad josserva li l-kilba għall-ġid li kellhom l-għonja u s-setgħanin fis-soċjetà ta’ żmienu kienet teżisti wkoll fi ħdan l-erwieħ tal-monaċi, u għalhekk jikteb trattat li jsemmi De cupiditate, fejn, mal-Appostlu Pawlu jikkundanna sa mill-bidu r-regħba bħala l-għerq tal-ħażen kollu. Jikteb: “Mill-art ħafna xewk ippuntat jispunta minn bosta għeruq; imma fil-qalb tal-bniedem il-ponot tal-vizzji kollha jitilgħu minn għerq wieħed, ir-regħba” (De cupiditate 1: CCCM 27B, p. 963). Dan hu punt importanti li, fid-dawl tal-kriżi ekonomika dinjija ta’ bħalissa, naraw kemm hu attwali. Naraw li proprju minn dan l-għerq tar-regħba twieldet din il-kriżi. Ambroġ jimmaġina l-oġġezzjoni li l-għonja u s-setgħanin setgħu jagħmlu u jgħidu: imma aħna m’aħniex monaċi, għalina ma jgħoddux ċerti esiġenzi axxetiċi. U hu jwieġeb: “Hu minnu dak li qed tgħidu, imma għalikom ukoll, skont il-manjiera tal-klassi tagħkom u l-qies ta’ kemm tifilħu, tgħodd it-triq wieqfa u dejqa, għax il-Mulej uriena biss żewġ bibien u żewġ toroq (jiġifieri l-bieb id-dejjaq u dak wiesa’, it-triq wieqfa u dik komda); ma wriniex it-tielet bieb u t-tielet triq” (loc. cit., p. 978). Għalih hu ċar li l-istili ta’ ħajja huma differenti ħafna minn xulxin. Imma mqar għall-bniedem ta’ din id-dinja, anki għall-għani jgħodd id-dmir li jitqabad kontra r-regħba, kontra x-xewqa li jkollu, li jidher, kontra l-kunċett falz ta’ libertà bħala fakultà li jqassam u juża kollox kif jidhirlu hu. Anki l-għani jrid isib it-triq it-tajba tal-verità, tal-imħabba u allura tal-ħajja tajba. Allura Autpert, bħala ragħaj prudenti tal-erwieħ, imbagħad, fi tmiem il-prietka penitenzjali tiegħu, jagħraf jagħti kelma ta’ faraġ: “Tkellimt mhux kontra r-rgħiba, imma kontra r-regħba, mhux kontra n-natura, imma kontra l-vizzju” (loc. cit., p. 981).

 

L-opra l-aktar importanti ta’ Ambroġ Autpert żgur mhux forsi hi l-kummentarju tiegħu ta’ għaxar kotba dwar l-Apokalissi: wara dawn is-sekli kollha, dan jibqa’ l-ewwel kummentarju wiesgħa fid-dinja Latina fuq l-aħħar ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa. Din l-opra kienet frott ta’ ħidma ta’ bosta snin, li hu żvolġa f’żewġ tappi bejn is-snin 758 u 767, jiġifieri qabel l-elezzjoni tiegħu bħala abbati. Fid-daħla tiegħu, hu juri bi preċiżjoni l-għejun li ħa minnhom, li xejn ma kienet ħaġa normali fil-Medjuevu. Permezz ta’ dik li aktarx hi l-aktar għajn sinifikattiva tiegħu, il-kummentarju tal-Isqof Primasju ta’ Adrumetano, miġbur lejn nofs is-seklu 6, Autpert imiss mal-interpretazzjoni li kien ħalla tal-Apokalissi l-Afrikan Tikonju, li kien għex ġenerazzjoni qabel Santu Wistin. Ma kienx Kattoliku; kien mill-Knisja xiżmatika Donatista; imma kien teologu kbir. F’dan il-kummentarju tiegħu, fl-Apokalissi hu jilmaħ fuq kollox rifless il-misteru tal-Knisja. Tikonju kien wasal għall-konvinzjoni li l-Knisja hi ġisem maqsum f’żewġ partijiet: parti minnhom, jgħid hu, hi ta’ Kristu, imma hemm parti oħra tal-Knisja li hi tax-xitan. Wistin qara dan il-kummentarju u kiseb ġid minnu, imma saħaq bil-qawwa li l-Knisja hi f’idejn Kristu, tibqa’ l-Ġisem tiegħu, u miegħu ssawwar suġġett wieħed, parteċipi fil-medjazzjoni tal-grazzja. Għalhekk jisħaq li l-Knisja ma tista’ qatt tkun mifruda minn Ġesù Kristu. Fil-mod kif jaqra l-Apokalissi, jixbah lil dak ta’ Tikonju, Autpert mhux tant interessat fit-tieni miġja ta’ Kristu fl-aħħar taż-żminijiet, daqskemm fil-konsegwenzi tal-ewwel miġja tiegħu, l-inkarnazzjoni f’ġuf il-Verġni Marija, fuq il-Knisja tal-preżent. U jagħtina kelma importanti ħafna: fir-realtà Kristu “jeħtieġ li fiha, li aħna l-Ġisem tiegħu, jitwieled, imut u jqum ta’ kuljum” (In Apoc. III: CCCM 27, p. 205). Fil-kuntest tad-dimensjoni mistika li għandu kull Nisrani, hu jħares lejn Marija bħala xempju tal-Knisja, mudell għalina lkoll, għax fina u fostna wkoll irid jitwieled Kristu. Fuq il-passi tal-Padri li kienu jilmħu fil-“mara liebsa x-xemx” tal-Apok 12:1 ix-xbieha tal-Knisja, Autpert jargumenta: “Il-Verġni mbierka u qaddisa… ta’ kuljum tiled ġnus ġodda, li minnhom jissawwar il-Ġisem ġenerali tal-Medjatur. Allura ma nistagħġbux li hi, li fil-ġuf imqaddes tagħha l-Knisja nfisha xerqilha tkun magħquda ma’ Ġismu, hija figura tal-Knisja nfisha”. F’dan is-sens Autpert jilmaħ rwol deċiżiv li għandha l-Verġni Marija fl-opra tal-Fidwa (ara wkoll l-omeliji tiegħu In purificatione s. Mariæ u In adsumptione s. Mariæ). Il-qima kbira tiegħu u l-imħabba qawwija li kellu lejn l-Omm ta’ Alla xi drabi jnebbħuh kliem li b’xi mod jantiċipa lil dak ta’ San Bernard u tal-mistika Franġiskana, imma mingħajr ma jiżvija lejn forom diskutibbli ta’ sentimentaliżmu, għax hu qatt ma jifred lil Marija mill-misteru tal-Knisja. Bir-raġun għalhekk li Ambroġ Autpert hu meqjus l-ewwel Marjologu kbir tal-Punent. Mad-devozzjoni li, fil-fehma tiegħu, għandha teħles lir-ruħ mir-rabta mal-pjaċiri tad-dinja u dawk li jgħaddu, hu jħoss li għandu jingħaqad l-istudju profond tax-xjenzi mqaddsa, fuq kollox il-meditazzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa, li hu jsejħilha “sema bla tarf, abbiss misterjuż” (In Apoc. IX). Fit-talba sabiħa li biha jagħlaq il-kummentarju tiegħu għall-Apokalissi, biex jagħfas fuq il-prijorità li għandha l-imħabba f’kull tiftix teoloġiku tal-verità, hu jdur lejn Alla b’dawn il-kelmiet: “Meta aħna nistħarrġuk bil-moħħ tagħna, ma nagħrfukx kif tassew int; meta nħobbuk, aħna nilħquk”.

 

Illum nistgħu naraw f’Ambroġ Autpert personalità li għexet fi żmien ta’ strumentalizzazzjoni politika qawwija tal-Knisja, fejn in-nazzjonaliżmu u t-tribaliżmu kienu sfiguraw il-wiċċ tal-Knisja. Imma hu, qalb dawn id-diffikultajiet kollha li narawhom aħna wkoll, għaraf jiskopri l-veru wiċċ tal-Knisja f’Marija, fil-qaddisin. U hekk għaraf jifhem xi jfisser tkun Kattoliku, tkun Nisrani, tgħix il-Kelma ta’ Alla, tidħol f’dan l-abbiss u hekk tgħix il-misteru tal-Omm ta’ Alla: tagħti ħajja ġdida lill-Kelma ta’ Alla, toffri għall-Kelma ta’ Alla ġismek fiż-żmien ta’ issa. U bl-għarfien teoloġiku kollu tiegħu, bil-profondità tal-għerf tiegħu, Autpert għaraf jifhem li bis-sempliċi tiftix teoloġiku Alla ma jista’ qatt jiġi magħruf tabilħaqq bħala dak li hu. Hija biss l-imħabba li tasal għalih. Nisimgħu dan il-messaġġ u nitolbu lill-Mulej jgħinna ngħixu l-misteru tal-Knisja llum, f’dan iż-żmien tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard