Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 19 ta’ Settembru 2007

 

San Ġwann Kriżostmu

I: Is-snin f’Antjokja

 

Għeżież ħuti,

 

Din is-sena jaħbat is-sittax-il ċentinarju mill-mewt ta’ San Ġwann Kriżostmu (407-2007). Ġwanni ta’ Antjokja, imsejjaħ il-Kriżostmu, jiġifieri “Fomm id-deheb” għall-elokwenza tiegħu, tista’ tgħid għadu ħaj illum, anki minħabba l-opri tiegħu. Kopista anonimu ħalla miktub li dawn “jaqsmu d-dinja kollha bħal leħħiet tal-beraq”. Il-kitbiet tiegħu jgħinu lilna wkoll, kif għenu lill-fidili ta’ żmienu, li ripetutement kienu mċaħħda minnu minħabba l-eżilji tiegħu, biex ngħixu mal-kotba tiegħu, minkejja l-assenza tiegħu. Dan hu dak li hu stess issuġġerixxa mill-eżilju f’waħda mill-ittri tiegħu (ara Lil Olimpja, Ittra 8,45).

 

Imwieled lejn is-sena 349 f’Antjokja tas-Sirja (illum Antakya, fin-nofsinhar tat-Turkija), wettaq il-ministeru presbiterali tiegħu għal xi ħdax-il sena, sat-397, meta, maħtur Isqof ta’ Kostantinopli, ħaddem fil-kapitali tal-Imperu l-ministeru episkopali qabel iż-żewġ eżilji, b’distanza qasira bejniethom, bejn l-403 u l-407. Illum nillimitaw ruħna biex inħarsu lejn is-snin tal-Kriżostmu f’Antjokja.

 

Iltim minn missieru sa minn età ċkejkna, għex ma’ ommu, Antusa, li xettlet fih sensibbiltà umana qawwija u fidi Nisranija profonda. Fl-istudji superjuri tiegħu, inkurunati mill-korsijiet tal-filosofija u tar-rettorika, kellu bħala mgħallem lil Libanju, pagan, l-aktar rettoriku ċelebri ta’ żmienu. Fl-iskola tiegħu, Ġwanni sar l-ikbar oratur taż-żmien tal-qedem Grieg tardiv.  Mgħammed fit-368 u ffurmat għall-ħajja ekkleżjastika mill-Isqof Melezju, minnu ġie istitwit lettur fit-371. Dan il-fatt immarka l-ingress uffiċjali tal-Kriżostmu fil-cursus ekkleżjastiku. Mit-367 sat-372 iffrekwenta l-Asceterius, għamla ta’ seminarju ta’ Antjokja, flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ, li xi wħud minnhom imbagħad laħqu Isqfijiet, taħt il-gwida tal-eseġeta famuż Djodoru ta’ Tarsu, li introduċa lil Ġwanni għall-eseġesi storika-letterali, karatteristika tat-tradizzjoni ta’ Antjokja.

 

Imbagħad għal erba’ snin twarrab qalb l-eremiti fuq il-muntanja Silpju fil-qrib. Kompla b’dan iż-żmien imwarrab għal sentejn oħra, li għexhom waħdu fi grotta taħt il-gwida ta’ “anzjan”. F’dak iż-żmien iddedika ruħu għalkollox għall-meditazzjoni tal-“liġijiet ta’ Kristu”, il-Vanġeli u speċjalment l-Ittri ta’ Pawlu. Meta marad, ma setax ifiq waħdu, u allura kellu jirritorna fil-komunità Nisranija ta’ Antjokja (ara Palladju, Ħajja 5). Il-Mulej – ifisser il-bijografu – indaħal permezz tal-mard fil-waqt it-tajjeb biex jippermetti lil Ġwanni jwieġeb għas-sejħa vera tiegħu. Fil-fatt hu stess kiteb li, meta tiġi quddiemu l-alternattiva li jagħżel bejn it-taħbit tat-tmexxija tal-Knisja u t-trankwillità tal-ħajja monastika, kien jippreferi għal elf darba s-servizz pastorali (ara Is-saċerdozju 6,7): proprju għal dan ħassu msejjaħ il-Kriżostmu. U hawn isseħħ il-bidla deċiżiva tal-istorja vokazzjonali tiegħu: Ragħaj tal-erwieħ il-ħin kollu! L-intimità mal-Kelma ta’ Alla, ikkultivata tul is-snin tal-eremitaġġ, kienet immaturat fih l-urġenza irreżistibbli li jipprietka l-Vanġelu, li jagħti lill-oħrajn dak li hu kien irċieva fis-snin tal-meditazzjoni. L-ideal missjunarju għalhekk xeħtu, b’qalb imkebbsa bin-nar, fil-kura pastorali.

 

Bejn it-378 u t-379 irritorna fil-belt. Djaknu fit-381 u presbiteru fit-386, sar predikatur ċelebri fil-knejjes tal-belt tiegħu. Niseġ omeliji kontra l-Arjani, u warajhom dawk kommemorattivi tal-martri ta’ Antjokja u oħrajn fuq il-festi liturġiċi ewlenin: hawn għandna tagħlim kbir tal-fidi fi Kristu, anki fid-dawl tal-Qaddisin tiegħu. It-387 kienet is-“sena erojka” ta’ Ġwanni, dik tal-hekk imsejħa “rewwixta tal-istatwi”. Il-poplu kisser l-istatwi imperjali, b’sinjal ta’ protesta kontra ż-żieda fit-taxxi. Qed naraw kif ċerti ħwejjeġ fl-istorja ma jinbidlu qatt! F’dawk il-jiem tar-Randan u ta’ biża’, minħabba l-kastigi qliel min-naħa tal-Imperatur, hu żamm it-22 Omelija qawwija fuq l-istatwi, bl-għan li jwassal għall-penitenza u għall-konverżjoni. Segwa l-perjodu tal-kura pastorali serena (387-397).

 

Lill-Kriżostmu nsibuh fost il-Padri l-iżjed prolifiċi: tiegħu waslulna 17-il trattat, iżjed minn 700 omelija awtentika, il-kummentarji għal Mattew u għal Pawlu (Ittri lir-Rumani, lill-Korintin, lill-Efesin u lil-Lhud), u 241 ittra. Ma kienx teologu spekulattiv. Imma għaddielna t-tagħlim tradizzjonali u żgur tal-Knisja fi żmien ta’ kontroversji teoloġiċi mqajma fuq kollox mill-Arjaniżmu, jiġifieri miċ-ċaħda tad-divinità ta’ Kristu. Huwa għalhekk xhud ta’ min joqgħod fuqu tal-iżvilupp dommatiku milħuq mill-Knisja fis-seklu 4 u 5. Tiegħu hija teoloġija għalkollox pastorali, li fiha nsibu għaddej il-ħin kollu t-tħassib tal-koerenza bejn il-ħsieb espress mill-kelma u l-ħajja. Hija din, b’mod partikulari, it-tema ewlenija tal-katekeżijiet tiegħu l-ġmiel tagħhom, li bihom hu kien iħejji lill-katekumeni biex jirċievu l-Magħmudija. Qrib mewtu, kiteb li l-valur tal-bniedem jinsab fl-“għarfien eżatt tad-duttrina vera u tal-ħajja tajba” (Ittra mill-eżilju). Iż-żewġ ħwejjeġ, l-għarfien tal-verità u l-ħajja tajba, imorru flimkien: l-għarfien irid jittraduċi ruħu f’ħajja. Kull intervent tiegħu mmira dejjem biex jiżviluppa fil-fidili t-tħaddim tal-intelliġenza, tal-vera raġuni, biex wieħed jifhem u jittraduċi fil-prattika l-esiġenzi morali u spiritwali tal-fidi.

 

Ġwanni Kriżostmu ħsiebu kien kif se jsieħeb bil-kitbiet tiegħu l-iżvilupp sħiħ tal-persuna, fid-dimensjoni fiżika, intellettwali u reliġjuża. Id-diversi fażijiet tal-iżvilupp huma pparagunati ma’ kemm ibħra jeżistu f’oċean immens: “L-ewwel fost dawn l-ibħra hi t-tfulija” (Omelija 81,5 fuq il-Vanġelu ta’ Mattew). Fil-fatt “proprju f’din l-ewwel età jidhru l-inklinazzjonijiet għall-vizzju u għall-virtù”. Għalhekk il-liġi ta’ Alla għandha sa mill-bidu tkun imnaqqxa fir-ruħ “bħal fuq tavla tax-xama’” (Omelija 3,1 fuq il-Vanġelu ta’ Ġwanni): fil-fatt din hi l-età l-iżjed importanti. Irridu nżommu quddiem għajnejna kemm hu fundamentali li f’din l-ewwel fażi tal-ħajja jidħlu tassew fil-bniedem l-orjentamenti kbar li jagħtu l-perspettiva t-tajba lill-ħajja. Il-Kriżostmu allura jirrakkomanda: “Sa mill-iċken età għammru lit-tfal b’armi spiritwali, u għallmuhom jagħmlu b’idejhom is-salib fuq ġbinhom” (Omelija 12,7 fuq l-Ewwel Ittra lill-Korintin). Imbagħad jiġu l-adolexxenza u ż-żgħożija: “Wara t-tfulija jiġi l-baħar tal-adolexxenza, fejn l-irjieħ jonfħu bil-qawwa…, għax fina tikber… il-konkupixxenza” (Omelija 81,5 fuq il-Vanġelut ta’ Mattew). Fl-aħħar nett jaslu l-għerusija u ż-żwieġ: “Wara ż-żgħożija tiġi l-età tal-persuna matura, li fiha jaslu l-impenji tal-familja: huwa ż-żmien li wieħed ifittex mara” (ibid.). Hu jfakkar x’inhuma l-għanijiet taż-żwieġ, u jagħnihom – b’sejħa għall-virtù tat-temperanza – b’nisġa għanja ta’ relazzjonijiet personali. Il-miżżewġin imħejjija tajjeb hekk jimbarraw it-triq lid-divorzju: kollox iseħħ fil-ferħ u l-ulied jistgħu jiġu edukati fil-virtù. Meta mbagħad titwieled l-ewwel tarbija, din tkun “bħal pont; it-tlieta jsiru ġisem wieħed, għax il-wild jgħaqqad flimkien iż-żewġ partijiet” (Omelija 12,5 fuq l-Ittra lill-Kolossin), u t-tlieta jsawru “familja waħda, Knisja żgħira” (Omelija 20,6 fuq l-Ittra lill-Efesin).

 

Il-predikazzjoni tal-Kriżostmu normalment kienet issir tul il-liturġija, “imkien” li fih il-komunità tinbena bil-Kelma u l-Ewkaristija. Hawn il-ġemgħa miġbura tesprimi l-Knisja waħda (Omelija 8,7 fuq l-Ittra lir-Rumani), l-istess kelma hi indirizzata kullimkien lil kulħadd (Omelija 24,2 fuq l-Ewwel Ittra lill-Korintin), u l-komunjoni Ewkaristika ssir sinjal effikaċi ta’ għaqda (Omelija 32,7 fuq il-Vanġelu ta’ Mattew). Il-pjan pastorali tiegħu kien imdaħħal fil-ħajja tal-Knisja, li fiha l-fidili lajċi bil-Magħmudija jassumu l-uffiċċju saċerdotali, regali u profetiku. Lill-fidil lajk hu jgħidlu: “Lilek ukoll il-Magħmudija tagħmlek sultan, saċerdot u profeta” (Omelija 3,5 fuq it-Tieni Ittra lill-Korintin). Minn hawn joħroġ id-dmir fundamentali tal-missjoni, għax kull wieħed u waħda b’xi mod hu responsabbli mis-salvazzjoni tal-oħrajn: “Dan hu l-prinċipju tal-ħajja soċjali tagħna… li ma jinteressaniex biss minna nfusna!” (Omelija 9,2 fuq il-Ġenesi). Kollox iseħħ bejn żewġt itruf: il-Knisja kbira u l-“Knisja żgħira”, il-familja, f’relazzjoni reċiproka.

 

Kif tistgħu taraw, għeżież ħuti, din il-lezzjoni tal-Kriżostmu fuq il-preżenza awtentikament Nisranija tal-fidili lajċi fil-familja u fis-soċjetà, tibqa’ llum ukoll attwali iżjed minn qatt qabel. Nitolbu lill-Mulej biex jagħmilna doċli għat-tagħlim ta’ dan l-Imgħallem kbir tal-fidi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard