Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo

L-Erbgħa 18 ta’ Awwissu 2010

 

San Piju X

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nieqaf fuq il-figura tal-Predeċessur tiegħi San Piju X, li s-Sibt li ġej niċċelebraw it-Tifkira liturġika tiegħu, u nagħfas fuq xi karatteristiċi li jistgħu jkunu ta’ siwi anki għar-Ragħajja u l-fidili ta’ żmienna.

 

Giuseppe Sarto, għax hekk kien jismu, twieled f’Riese (Treviso) fl-1835 minn familja ta’ bdiewa, u wara l-istudji fis-Seminarju ta’ Padova, ta’ 23 sena ġie ordnat saċerdot. L-ewwel kien viċi-parroku f’Tombolo, imbagħad kappillan f’Salzano, u wara kanonku tal-Katidral ta’ Treviso bl-inkarigu ta’ kanċillier tal-isqof u direttur spiritwali tas-Seminarju djoċesan. F’dawn is-snin ta’ esperjenza pastorali għanja u ġeneruża, il-futur Papa wera dik l-imħabba qawwija lejn Kristu u lejn il-Knisja, dik l-umiltà u sempliċità u dik l-imħabba kbira lejn dawk l-iżjed fil-bżonn, li kienu karatteristiċi tal-ħajja kollha tiegħu. Fl-1884 ġie nnominat Isqof ta’ Mantova u fl-1893 Patrijarka ta’ Venezja. Fl-4 ta’ Awwissu 1903 ġie elett Papa, ministeru li laqa’ b’ċera eżitazzjoni, għax ma kienx iħossu denn ta’ ħidma hekk għolja.

 

Il-pontifikat ta’ San Piju X ħalla marka li ma titħassarx fuq l-istorja tal-Knisja u kien ikkaratterizzat minn sforz qawwi ta’ riforma, miġbura fil-motto tiegħu Instaurare omnia in Christo“Inġeddu kollox fi Kristu”. Fil-fatt, l-interventi tiegħu kienu jolqtu d-diversi oqsma tal-ħajja tal-Knisja. Sa mill-bidu ddedika ruħu għar-riorganizzazzjoni tal-Kurja Rumana; imbagħad beda l-ħidmiet għat-tfassil tal-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku, ippromulgat mis-Suċċessur tiegħu Benedittu XV. Wara dan, ippromova r-reviżjoni tal-istudji u tal-“iter” ta’ formazzjoni tas-saċerdoti futuri, u waqqaf ukoll bosta Seminarji reġjonali, mgħammra b’bibljoteki tajbin u professuri ppreparati. Qasam ieħor importanti kien dak tal-formazzjoni duttrinali tal-Poplu ta’ Alla. Sa mis-snin li fihom kien kappillan kien ġabar hu stess katekiżmu u matul l-episkopat f’Mantova kien ħadem biex isir katekiżmu wieħed, jekk mhux universali, tal-inqas Taljan. Ta’ ragħaj veru li kien, kien fehem li l-qagħda ta’ żmienu, anki minħabba l-fenomenu tal-emigrazzjoni, kienet żiedet fil-ħtieġa ta’ katekiżmu li kull fidil seta’ jirriferi għalih indipendentement mill-post jew iċ-ċirkustanzi ta’ ħajtu. Bħala Papa ħejja test ta’ tagħlim Nisrani għad-Djoċesi ta’ Ruma, li mbagħad tqassam mal-Italja kollha u fid-dinja. Dan il-Katekiżmu msejjaħ “ta’ Piju X” kien għal ħafna gwida żgura biex jitgħallmu l-veritajiet tal-fidi minħabba l-lingwaġġ sempliċi, ċar u preċiż tiegħu kif ukoll l-effikaċja espożittiva.

 

Ta attenzjoni kbira lir-riforma tal-Liturġija, b’mod partikulari tal-mużika sagra, biex twassal lill-fidili għal ħajja iktar profonda ta’ talb u sehem iktar sħiħ fis-Sagramenti. Fil-Motu proprju Tra le sollecitudini (1903, l-ewwel sena tal-pontifikat tiegħu), hu jistqarr li l-veru spirtu Nisrani għandu l-għajn ewlenija u indispensabbli tiegħu fis-sehem attiv fil-misteri mqaddsa u fit-talba pubblika u solenni tal-Knisja (ara ASS 36 [1903], 531). Għaldaqstant irrakkomanda li kulħadd kellu jersaq aktar ta’ spiss lejn is-Sagramenti, bil-frekwenza ta’ kuljum tat-Tqarbin, imħejji tajjeb, u billi naqqas kif ra xieraq l-età tal-Ewwel Tqarbina tat-tfal għal xi seba’ snin, “meta tifel jibda jirraġuna” (ara S. Congr. de Sacramentis, Decretum Quam singulari: AAS 2 [1910], 582).

 

Fidil lejn id-dmir tiegħu li jwettaq lil ħutu fil-fidi, San Piju X, quddiem xi tendenzi li kienu qed jidhru fil-qasam teoloġiku lejn tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu XX, interviena fermament, u kkundanna l-“Moderniżmu”, biex iħares lill-fidili minn kunċetti żbaljati u jippromovi approfondiment xjentifiku tar-Rivelazzjoni f’armonija mat-Tradizzjoni tal-Knisja. Fis-7 ta’ Mejju 1909, bl-Ittra appostolika Vinea electa, waqqaf l-Istitut Pontifiċju Bibliku. L-aħħar xhur ta’ ħajtu kienu tturmentati mis-sinjali tal-gwerra fuq ix-xefaq. L-appell lill-Kattoliċi tad-dinja, imniedi fit-2 ta’ Awwissu 1914, biex jesprimi “n-niket u mrar” għas-siegħa preżenti, kien il-karba ta’ wġigħ il-qalb ta’ missier li kien qed jara lil uliedu jeħduha kontra xulxin. Miet ftit wara, fl-20 ta’ Awwissu, u l-fama ta’ qdusija tiegħu minnufih bdiet tixtered qalb il-poplu Nisrani.

 

Għeżież ħuti, San Piju X lilna lkoll jgħallimna li fil-bażi tal-azzjoni appostolika tagħna, fid-diversi oqsma li fihom naħdmu, għandu jkun hemm dejjem għaqda personali intima ma’ Kristu, biex nitrawmu u nikbru fiha jum wara jum. Din hi l-qalba tat-tagħlim kollu tiegħu, tal-impenn pastorali kollu tiegħu. Jekk inkunu nnamrati mal-Mulej biss nistgħu nkunu kapaċi nwasslu lill-bnedmin għand Alla u niftħulhom qalbhom għall-imħabba ħanina tiegħu, u hekk niftħu lid-dinja għall-ħniena ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard