Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 16 ta’ Jannar 2008

 

Santu Wistin

II: L-aħħar snin u l-mewt

 

Għeżież ħuti,

 

Illum, bħall-Erbgħa li għadda, nixtieq inkellimkom fuq l-Isqof kbir ta’ Ippona, Santu Wistin. Erba’ snin qabel ma miet, hu ried jagħżel is-suċċessur tiegħu. Għalhekk, fis-26 ta’ Settembru 426, ġabar il-poplu fil-Bażilika tal-Paċi, f’Ippona, biex jippreżenta lill-fidili dak li kien għażel għal din il-ħidma. Qalilhom: “F’din il-ħajja lkoll għad irridu mmutu, imma ħadd minna qatt ma jaf bl-eżatt l-aħħar jum ta’ din il-ħajja. Madankollu fit-tfulija nittamaw li naslu għall-adolexxenza; fl-adolexxenza għaż-żgħożija; fiż-żgħożija għall-età adulta; fl-età adulta għall-età matura; fl-età matura għax-xjuħija. M’aħniex ċerti li għad naslu, imma nittamaw. Bil-maqlub, ix-xjuħija m’għandha quddiemha l-ebda perjodu ieħor fiex nittamaw; l-istess tul tagħha hu inċert… Jiena, bir-rieda ta’ Alla, wasalt f’din il-belt fl-aqwa ta’ ħajti; imma issa ż-żgħożija tiegħi għaddiet u jiena kważi xjaħt” (Ep. 213,1). U hawn Wistin semma lis-suċċessur li kien fassal fi ħsiebu, is-saċerdot Erakliju. Il-ġemgħa nfexxet f’ċapċipa ta’ approvazzjoni hija u ttenni għal 23 darba: “Irroddu ħajr lil Alla! Kull ġieħ lil Kristu!”. B’akklamazzjonijiet oħra l-fidili approvaw ukoll dak li Wistin kien qal dwar x’kellu f’moħħu għall-futur tiegħu: xtaq jiddedika s-snin li kien fadallu quddiemu għall-istudju fil-fond tal-Iskrittura Mqaddsa (ara Ep. 213,6).

 

Fil-fatt, is-snin li ġew wara kienu erba’ snin ta’ ħidma intellettwali straordinarja: wassal fi tmiemhom opri importanti, qabad oħrajn mhux b’inqas impenjattivi, żamm dibattiti pubbliċi mal-eretiċi – dejjem fittex id-djalogu –, indaħal biex jippromovi l-paċi fil-provinċji Afrikani attakkati mit-tribujiet barbari tan-Nofsinhar. F’dan is-sens kiteb lill-Konti Darju, li kien mar l-Afrika biex ifittex ftehim bejn il-Konti Bonifaċju u l-Qorti imperjali, li min-nuqqas ta’ qbil ta’ bejniethom kienu qed japprofittaw it-trubijiet tal-Mawri għall-ħbit tagħhom: “Aqwa mill-glorja”, stqarrlu fl-ittra, “hu li xxejjen il-gwerra bil-kelma, flok toqtol lill-bnedmin bix-xabla, u ġġib jew iżżomm il-paċi bil-paċi u mhux bil-gwerra. Ċertament, anki dawk li jiġġieldu, jekk huma tajbin, bla dubju ta’ xejn qed ifittxu l-paċi, imma bil-prezz tat-tixrid tad-demm. Imma int, għall-kuntrarju, ġejt mibgħut proprju biex ma tħalli lil ħadd ifittex li jxerred id-demm” (Ep. 229,2). B’xorti ħażina, it-tama ta’ paċifikazzjoni tat-territorji Afrikani sfat fix-xejn: f’Mejju 429 il-Vandali, mistiedna fl-Afrika b’inkejja mill-istess Bonifaċju, għaddew mill-istrett ta’ Ġibiltà u daħlu fil-Mawritanja. L-invażjoni ma damitx ma laħqet il-provinċji għonja Afrikani l-oħra. F’Mejju jew f’Ġunju 430 “il-qerrieda tal-Imperu Ruman”, kif sejħilhom Possidju lil dawk il-barbari (Ħajja 30,1), kienu waslu qrib Ippona, u dawruha b’assedju.

 

Fil-belt kien fittex il-kenn ukoll Bonifaċju, li, wara li aktar tard kien irrikonċilja ruħu mal-qorti, issa kien qed ifittex ta’ xejn li jżomm lill-invażuri milli jidħlu. Il-bijografu Possidju jfisser l-uġigħ ta’ qalb ta’ Wistin: “Id-dmugħ kien, iktar mis-soltu, ħobżu lejl u nhar u, issa li kien wasal fit-tarf ta’ ħajtu, iktar minn oħrajn kaxkar xjuħitu fl-imrar u fin-niket” (Ħajja 28,6). U jfisser: “Fil-fatt, dak il-bniedem ta’ Alla kien qed jara quddiemu l-massakri u l-qerdiet tal-bliet; id-djar fil-kampanja mġarrfa u n-nies tal-post maqtula mill-għedewwa jew maħruba jew imxerrda; il-knejjes privati tas-saċerdoti u tal-ministri, il-verġni mqaddsa u r-reliġjużi mxerrda ma’ kull naħa; fosthom, uħud imutu taħt it-torturi, oħrajn maqtula bis-sejf, oħrajn mixħuta l-ħabs, wara li tilfu l-integrità tar-ruħ u tal-ġisem u anki l-fidi, mgħakksa mill-għedewwa f’jasar twil ta’ tbatija” (ibid., 28,8).

 

Imqar jekk imdaħħal fiż-żmien u għajjien, Wistin xorta waħda baqa’ għaddej, ifarraġ lilu nnifsu u lill-oħrajn bit-talb u bil-meditazzjoni dwar il-pjanijiet misterjużi tal-Providenza. Dwar hekk, kien jitkellem fuq ix-“xjuħija tad-dinja” – u tassew kienet xjaħet din id-dinja Rumana –, kien jitkellem fuq din ix-xjuħija kif diġà kien għamel snin qabel biex ifarraġ lill-maħruba mill-Italja, meta fis-sena 410 il-Goti ta’ Alariku kienu invadew il-belt ta’ Ruma. Fix-xjuħija, kien jgħid, l-uġigħ joktor: sogħla, katarru, żlieġ fl-għajnejn, ansjetà, għeja. Imma jekk id-dinja tixjieħ, Kristu jibqa’ dejjem żagħżugħ. U allura l-istedina: “La tibqax lura milli terġa’ ssir żagħżugħ f’għaqda ma’ Kristu, anki f’dinja li xjaħet. Hu qed jgħidlek: La tibżax, iż-żgħożija tiegħek tiġġedded bħal dik tal-ajkla” (ara Sermones 81,8). Għalhekk in-Nisrani m’għandux iċedi lanqas f’sitwazzjonijiet ibsin, imma għandu jħabrek biex jgħin lil min hu fil-bżonn. U dan hu li d-Duttur kbir jissuġġerixxi fi tweġiba lill-Isqof ta’ Tjabe, Onoratu, li kien staqsieh jekk, taħt il-biża’ tal-invażjonijiet barbariċi, Isqof jew qassis jew kull bniedem ieħor tal-Knisja setax jaħrab biex isalva ħajtu: “Meta l-periklu hu komuni għal kulħadd, jiġifieri għall-Isqfijiet, kjeriċi u lajċi, dawk li għandhom bżonn tal-oħrajn m’għandhomx jiġu abbandunati minn dawk li lilhom jeħtieġu. F’dan il-każ ħa jmorru kollha kemm huma f’postijiet fiż-żgur; imma jekk xi wħud ikollhom jibqgħu, m’għandhomx jiġu abbandunati minn dawk li għandhom id-dmir li jgħinuhom bil-ministeru mqaddes, hekk li jew isalvaw flimkien jew flimkien iġarrbu dak li l-Missier tal-familja jridhom ibatu” (Ep. 228,2). U jagħlaq hekk: “Din hi l-ogħla prova tal-imħabba” (ibid., 3). Kif nistgħu f’dawn il-kelmiet ma nagħrfux il-messaġġ erojku li tant saċerdoti, mal-medda tas-sekli, laqgħu u għamlu tagħhom?

 

Intant il-belt ta’ Ippona baqgħet tirreżisti. Id-dar-monasteru ta’ Wistin kienet fetħet bibienha biex tilqa’ lill-kollegi fl-episkopat li kienu qed jitolbu ospitalità. Fost dawn kien hemm ukoll Possidju, li kien diġà dixxiplu tiegħu, u li allura seta’ jħallilna x-xhieda diretta ta’ dawk l-aħħar jiem drammatiċi. “Fit-tielet xahar ta’ dak l-assedju”, jirrakkonta, “inxteħet fis-sodda bid-deni: kienet l-aħħar marda tiegħu” (Ħajja 29,3). Ix-xwejjaħ imqaddes approfitta minn dak iż-żmien li saflaħħar kellu fuq idejh biex jiddedika ruħu b’iktar intensità għat-talb. Kien iħobb jgħid li ħadd, Isqof, relġjuż jew lajk, tidher kemm tidher impekkabbli l-imġiba tiegħu, ma jista’ jaffronta l-mewt mingħajr il-penitenza xierqa. Għalhekk hu kontinwament kien itenni bid-dmugħ f’għajnejh is-Salmi penitenzjali, li tant drabi kien qal mal-poplu (ara ibid., 31,2).

 

Aktar ma beda jaqleb għall-agħar, aktar l-Isqof fix-xifer ta’ ħajtu ħass il-bżonn tas-solitudni u tat-talb: “Biex ma jtellfu ħadd mill-ġabra tiegħu, xi għaxart ijiem qabel ma ħareġ minn ġismu, talab lilna li konna hemm biex ma nħallu lil ħadd jidħol f’kamartu barra mis-sigħat li fihom it-tobba kienu jiġu jżuruh jew meta neħdulu x’jiekol. Ix-xewqa tiegħu kienet obduta bir-reqqa u f’dak iż-żmien kollu huwa kien ikun miġbur fit-talb” (ibid., 31,3). Ħa l-aħħar nifsijiet fit-28 ta’ Awwissu 430: il-qalb kbira tiegħu saflaħħar kienet straħet f’Alla.

 

“Għall-aħħar riti ta’ ġismu”, jgħarrafna Possidju, “ġie offrut is-sagrifiċċju lil Alla, li għalih assistejna aħna, u mbagħad ġie midfun” (Ħajja 31,5). Ġismu, f’data li ma nafuhiex biċ-ċert, ġie ttrasferit f’Sardinja u minn hawn, lejn is-sena 725, f’Pavia, fil-Bażilika ta’ San Pietru in Ciel d’oro, fejn għadu jistrieħ sal-lum. L-ewwel bijografu tiegħu jagħtina dwaru dan l-aħħar ġudizzju: “Lill-Knisja ħallielha kleru kbir ħafna fil-għadd, kif ukoll monasteri ta’ rġiel u ta’ nisa mimlija b’persuni mogħtija bil-voti għall-kastità taħt l-ubbidjenza tas-superjuri tagħhom, flimkien mal-bibljoteki b’kotba u diskorsi tiegħu u ta’ qaddisin oħra, mnejn nafu liema kien, bi grazzja ta’ Alla, il-mertu tiegħu u l-kobor tiegħu fil-Knisja, u li fihom il-fidili dejjem jistgħu jerġgħu jsibuh ħaj” (Ħajja 31,8). Huwa ġudizzju li nistgħu ningħaqdu miegħu aħna wkoll: fil-kitbiet tiegħu anki aħna “nerġgħu nsibuh ħaj”. Meta naqra l-kitbiet ta’ Santu Wistin ma niħux l-impressjoni li hu bniedem li miet ftit jew wisq 1,600 sena ilu, imma nħossu bħal bniedem ta’ żmienna: ħabib, kontemporanju li jkellimni, ikellimna bil-fidi tiegħu friska u attwali. F’Santu Wistin li jkellem lilna, ikellem lili fil-kitbiet itegħu, nilmħu l-attwalità permanenti tal-fidi tiegħu; tal-fidi li ġejja minn Kristu, Verb etern inkarnat, Bin Alla u Bin il-bniedem. U nistgħu naraw li din il-fidi mhijiex ħaġa tal-bieraħ, imqar jekk ipprietkata lbieraħ; hi dejjem ħaġa tal-lum, għax tabilħaqq Kristu hu lbieraħ, illum u dejjem. Huwa t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Hekk Santu Wistin jinkuraġġina biex nafdaw ruħna f’idejn dan Kristu dejjem ħaj u b’dan il-mod insibu t-triq għall-ħajja ta’ dejjem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard