Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 15 ta’ Settembru 2010

 

Santa Kjara ta’ Assisi

 

Għeżież ħuti,

 

Waħda mill-qaddisin l-aktar maħbuba hi bla dubju ta’ xejn Santa Kjara ta’ Assisi, li għexet fis-seklu 13, fl-istess żmien ta’ San Franġisk. Ix-xhieda tagħha turina kemm il-Knisja kollha hi midjuna lejn nisa qalbiena u għanja fil-fidi bħalma kienet hi, kapaċi jimbuttaw b’mod deċiżiv għat-tiġdid tal-Knisja.

 

Min kienet, mela, Kjara ta’ Assisi? Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija għandna għejun żguri: mhux biss il-bijografiji qodma, bħal dik ta’ Tumas ta’ Celano, imma anki l-Atti tal-proċess tal-kanonizzazzjoni li mexxa l-Papa xhur biss wara l-mewt ta’ Kjara u li fihom insibu x-xhieda ta’ dawk li għexu qrib tagħha għal tul ta’ żmien.

 

Imwielda fl-1193, Kjara kienet ġejja minn familja aristokratika u sinjura. Ċaħdet in-nobbiltà u l-għana biex tgħix umli u fqira, u addottat il-forma ta’ ħajja li ppropona Franġisku ta’ Assisi. Imqar jekk qrabatha, kif kien jiġri dak iż-żmien, kienu qed ifasslulha żwieġ ma’ xi ħadd importanti, Kjara, ta’ 18-il sena, b’ġest kuraġġjuż imnebbaħ mix-xewqa qawwija li timxi wara Kristu u mill-amirazzjoni li kellha lejn Franġisku, ħalliet id-dar ta’ missierha u, fil-kumpanija ta’ seħbitha, Bona ta’ Guelfuccio, marret bil-moħbi għand l-Aħwa Minuri fil-knisja ċkejkna tal-Porzjunkola. Kienet il-lejla ta’ Ħadd il-Palm tas-sena 1211. Qalb il-kommozzjoni ġenerali li nħolqot, seħħ ġest simboliku ħafna: waqt li sħabu żammew f’idejhom imsiebaħ mixgħula, Franġisku qatgħalha xuxitha u Kjara xeddet fuqha tonka ħarxa ta’ penitenza. Minn dak il-mument kienet saret l-għarusa verġni ta’ Kristu, umli u fqira, u kkonsagrat ruħha kollha kemm hi lilu. Bħal Kjara u sħabha, għadd bla tarf ta’ nisa matul l-istorja ssaħħru mill-imħabba għal Kristu li, fil-ġmiel tal-Persuna Divina tiegħu, jimla lil qalbhom. U l-Knisja kollha, permezz tal-vokazzjoni mistika taż-żwieġ tal-verġni kkonsagrati, tidher bħala dak li hija għal dejjem: l-Għarusa sabiħa u safja ta’ Kristu.

 

F’waħda mill-erba’ ittri li Kjara bagħtet lil Sant’Anjeże ta’ Praga, bint is-Sultan tal-Boemja, i riedet timxi fuq il-passi tagħha, hi tkellimha dwar Kristu, l-Għarus maħbub tagħha, b’espressjonijiet ta’ bejn il-miżżewġin, li jistgħu jgħaġġbuna, imma jmissulna qalbna: “L-imħabba tiegħu tagħmlek kasta, it-tgħanniqa tiegħu tagħmlek aktar safja, u aktar ma tersaq lejh, aktar issir safja; aktar ma tagħmlu tiegħek, aktar titwettaq fil-verġinità. Għaliex is-setgħa tiegħu tgħaddi kull setgħa oħra, il-ġenerożità tiegħu hija akbar minn kull ġmiel ieħor, l-imħabba tiegħu tisboq kull ħlewwa, u t-tjieba tiegħu ma tistax titfisser bil-kliem. Issa inti tinsab maħtufa fit-tgħanniqa tiegħu, u huwa żejjinlek sidrek b’ħaġar prezzjuż… u qegħedlek fuq rasek kuruna ta’ deheb imnaqqxa bis-siġill tal-qdusija tiegħu” (L-ewwel ittraFF, 2862).

 

Fuq kollox fil-bidu tal-esperjenza reliġjuża tagħha, Kjara sabet fi Franġisku ta’ Assisi mhux biss mgħallem biex timxi fuq it-tagħlim tiegħu, imma anki ħabib tal-qalb. Il-ħbiberija bejn dawn iż-żewġ qaddisin hija aspett sabiħ u importanti ħafna. Fil-fatt, meta żewġt erwieħ safja u mkebbsa bl-istess imħabba għal Alla jiltaqgħu, fil-ħbiberija ta’ xulxin huma jsibu l-ħeġġa tassew qawwija biex jimxu fit-triq tal-perfezzjoni. Il-ħbiberija hi wieħed mis-sentimenti umani l-iżjed nobbli u għolja li l-Grazzja divina ssaffi u tibdel. Bħal San Franġisk u Santa Kjara, anki qaddisin oħra għexu ħbiberija qawwija fil-mixja tagħhom lejn il-perfezzjoni Nisranija, bħal San Franġisk de Sales u Santa Ġwanna Franġiska de Chantal. Hu fil-fatt proprju San Franġisk de Sales li jikteb: “Kemm hi ħaġa sabiħa li nistgħu nħobbu fuq l-art kif inħobbu fis-Sema, u nitgħallmu nħobbu lil xulxin f’din id-dinja kif għad nagħmlu għal dejjem fl-oħra. Hawn m’iniex nitkellem fuq is-sempliċi mħabba karitattiva, għax dik għandu jkollna għall-bnedmin kollha; qed nitkellem fuq l-imħabba spiritwali, li fiha, tnejn, tlieta jew iżjed jaqsmu ma’ xulxin id-devozzjoni, l-imħabbiet spiritwali u jsiru tabilħaqq ruħ waħda” (Daħla għall-ħajja devota III, 19).

 

Wara li qattgħet xi xhur f’komunitajiet monastiċi oħra, hija u tirreżisti għall-pressjonijiet tal-familjari tagħha li għall-bidu ma approvawx l-għażla tagħha, Kjara marret tgħix flimkien mal-ewwel sħab tagħha fil-knisja ta’ San Damjan fejn l-Aħwa Minuri kienu rranġaw kunvent ċkejken għalihom. F’dak il-monasteru għexet għal fuq erbgħin sena sa mewtha, li seħħet fl-1253. Waslitilna deskrizzjoni minn dak iż-żmien stess ta’ kif kienu jgħixu dawn in-nisa f’dawk is-snin, fil-bidu tal-moviment Franġiskan. Din insibuha fir-rakkont ta’ ammirazzjoni minn isqof Fjamming li kien qed iżur l-Italja, Ġakbu ta’ Vitry, li jistqarr li sab għadd kbir ta’ rġiel u nisa, minn kull klassi soċjali, li “wara li kienu jinżgħu minn kull proprjetà minħabba Kristu, kienu jħallu d-dinja. Jissejħu patrijiet minuri u sorijiet minuri u huma miżmumin b’ġieħ kbir mill-Papa u l-kardinali… In-nisa… jgħixu flimkien f’xi ospizji mhux bogħod mill-ibliet, u ma jaċċettaw l-ebda proprjetà, imma jgħixu bil-ħidma ta’ jdejhom. Jitnikktu u jitħawdu ħafna meta jaraw kif il-kjeriċi u l-lajċi jżommuhom fil-ġieħ iktar milli jkunu jridu huma” (Ittra ta’ Ottubru 1216FF, 2205.2207).

 

Ġakbu ta’ Vitry kien għaref biżżejjed biex jagħraf karatteristika tal-ispiritwalità Franġiskana li għaliha Kjara kienet sensibbli ħafna: ir-radikalità tal-faqar imsieħba mill-fiduċja sħiħa fil-Providenza divina. Għal dan il-għan, hi mxiet b’determinazzjoni kbira, u kisbet mingħand il-Papa Girgor IX jew, aktarx, diġà mingħand il-Papa Innoċenz III, l-hekk imsejjaħ Privilegium Paupertatis (ara FF, 3279). Skont dan, Kjara u sħabha ta’ San Damjan ma seta’ jkollhom ebda proprjetà materjali tagħhom. Kienet eċċezzjoni tassew straordinarja fid-dawl tad-Dritt Kanoniku ta’ dak iż-żmien u l-awtoritajiet ekkleżjastiċi tawha din il-konċessjoni għax apprezzaw il-frott ta’ qdusija evanġelika li huma għarfu fl-istil ta’ ħajja ta’ Kjara u ħutha s-sorijiet. Dan juri wkoll kif anki fis-sekli tal-Medjuevu, ir-rwol tan-nisa ma kien xejn sekondarju, imma wieħed konsiderevoli. Dwar dan, ta’ min ifakkar li Kjara kienet l-ewwel mara fl-istorja tal-Knisja li nisġet Regola miktuba, imqiegħda għall-approvazzjoni tal-Papa, biex il-kariżma ta’ Franġisku ta’ Assisi tibqa’ ħajja fil-komunitajiet femminili kollha li diġà kienu bdew joktru fi żmienha stess u li xtaqu jitnebbħu mill-eżempju ta’ Franġisku u ta’ Kjara.

 

Fil-kunvent ta’ San Damjan Kjara ħaddnet b’mod erojku l-virtujiet li minnhom għandu jingħaraf kull Nisrani: l-umiltà, l-ispirtu ta’ tjieba u ta’ penitenza, il-karità. Imqar jekk kienet is-superjura, riedet tkun hi li taqdi lis-sorijiet morda, u kienet tagħmel ukoll ħidmiet mill-aktar baxxi: fil-fatt, il-karità tegħleb kull reżistenza u min iħobb ikun lest iwettaq kull sagrifiċċju bil-ferħ. Il-fidi tagħha fil-preżenza reali tal-Ewkaristija tant kienet kbira li, għal darbtejn, seħħ fatt tal-għaġeb. Bl-ostensjoni waħidha tas-Santissmu Sagrament, biegħdet lis-suldati merċenarji Saraċini, li kienu waslu biex jaħbtu għall-kunvent ta’ San Damjan u jagħmlu ħerba mill-belt ta’ Assisi.

 

Anki dawn l-episodji, bħal mirakli oħra, li tagħhom inżammet it-tifkira, wasslu lill-Papa Alessandru IV biex jikkanonizzaha sentejn biss wara mewtha, fl-1255, u jagħmlilha eloġju sħiħ fil-Bolla tal-kanonizzazzjoni li fiha naqraw: “O kemm hi qawwija s-saħħa ta’ dan id-dawl, u x’qawwa li tgħammex għandha din il-għajn hekk safja! Tabilħaqq, dan id-dawl kien magħluq bejn il-ħitan ta’ monasteru, u b’danakollu xerred barra minnhom raġġi jgħammxuk bid-dawl tagħhom. Kien miġbur fid-djuq ta’ monasteru, u xorta waħda xxerred ma’ kullimkien fid-dinja. Inżamm ġewwa, u l-leħħa tiegħu ġriet barra ma’ kullimkien. Klara kienet iżżomm is-skiet, imma l-fama tagħha kienet tgħajjat. Inħbiet fil-kenn ta’ ċella, iżda xxandret fl-ibliet” (FF, 3284). U huwa proprju hekk, għeżież ħbieb: huma l-qaddisin li jibdlu d-dinja għall-aħjar, jittrasformawha fit-tul, u jagħtuha l-enerġija li l-imħabba mnebbħa mill-Vanġelu biss tista’ tqanqal. Il-qaddisin huma l-benefatturi kbar tal-umanità!

 

L-ispiritwalità ta’ Santa Kjara, is-sinteżi tal-proposta tagħha ta’ qdusija, hi miġbura fir-raba’ ittra lil Sant’Anjeże ta’ Praga. Santa Kjara tinqeda bi xbieha magħrufa ħafna fil-Medjuevu, li ġejja minn żmien il-Padri, jiġifieri l-mera. U tistieden lil ħabibtha ta’ Praga biex tfittex ir-rifless tagħha f’dik il-mera ta’ perfezzjoni ta’ kull virtù li hu l-Mulej innifsu. Hi tiktbilha: “Int tassew hienja! Lilek ġie mogħti li tieħu sehem f’din l-ikla mqaddsa biex tkun tista’ tingħaqad bil-qawwa kollha ta’ qalbek ma’ Dak li l-qtajjiet tas-sema jixxennqu jħarsu lejn ġmielu. L-imħabba tiegħu thenni, il-kontemplazzjoni tiegħu trodd is-saħħa mill-ġdid, u t-tjieba tiegħu ixxabba’. Il-ħlewwa tiegħu tfawwar ir-ruħ u t-tifkira tiegħu ddawwal il-moħħ. Il-fwieħa tiegħu tqajjem il-mejtin, u d-dehra glorjuża tiegħu timla bil-hena liċ-ċittadini kollha ta’ Ġerusalemm tas-sema. U għax din id-dehra tiegħu hija dija tal-glorja eterna, raġġ tad-dawl ta’ dejjem, u mera bla tebgħa, kuljum ħares f’din il-mera, o reġina, għarusa ta’ Ġesù Kristu, u ħares sewwa lejn wiċċek fiha l-ħin kollu, biex tkun tista’ tiżżejjen kollok kemm int, minn ġewwa u minn barra… F’din il-mera inti tara jirriflettu l-faqar hieni, l-umiltà qaddisa u l-imħabba li tisboq kull kliem” (Ir-raba’ ittraFF, 2901-2903).

 

Bi gratitudni lejn Alla li jagħtina l-qaddisin biex ikellmu lil qalbna u joffrulna eżempju ta’ ħajja Nisranija biex nimitawh, nixtieq nagħlaq bl-istess kelmiet ta’ barka li Santa Kjara nisġet għal ħutha s-sorijiet u sal-lum il-Klarissi, li jiżvolġu rwol prezzjuż fil-Knisja bit-talb u bil-ħidma tagħhom, jgħożżu b’devozzjoni kbira. Huma espressjonijiet li fihom toħroġ il-ħlewwa kollha tal-maternità spiritwali tagħha: “Inberikkom kemm indum ħajja, u wkoll wara mewti, kemm nista’ u aktar milli nista’, bil-barkiet kollha li bihom l-istess Missier il-ħniena bierek u għad ibierek fis-smewwiet u fuq l-art lil uliedu spiritwali, u li bihom kull missier u omm spiritwali jbierku u għad ibierku lill-ulied spiritwali tagħhom. Amen” (FF, 2856).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard