Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 14 ta’ Mejju 2008

 

Psewdo-Djonisju l-Arjopagita

 

Għeżież ħuti,

 

Illum, f’din il-mixja tal-katekeżijiet fuq il-Missirijiet tal-Knisja, nixtieq nieqaf nitkellem ftit fuq figura pjuttost misterjuża: teologu tas-sitt seklu, li ismu ma nafuhx, u li kiteb taħt il-psewdonimu ta’ Djonisju l-Arjopagita. B’dan il-psewdonimu hu kien qed jirriferi għas-silta mill-Iskrittura li għadna kemm smajna, jiġifieri l-ġrajja rrakkuntata minn San Luqa fil-kapitlu 17 tal-Atti tal-Appostli, fejn jingħad kif Pawlu pprietka fl-Arjopagu ta’ Ateni, għal élite tad-dinja kbira intellettwali Griega, imma fl-aħħar il-parti l-kbira tas-semmiegħa ma wrewx interess, u telqu ’l hemm waqt li kważi żżuffjettaw bih; imma xi wħud, San Luqa jgħidilna li kienu ftit, resqu lejn Pawlu u fetħu qalbhom għall-fidi. L-evanġelista jagħtina żewġ ismijiet: Djonisju, membru tal-Arjopagu, u ċerta mara, Damaris.

 

Jekk l-awtur ta’ dawn il-kotba ħames sekli wara għażel il-psewdonimu ta’ Djonisju l-Arjopagita, dan ifisser li l-fehma tiegħu kienet li jqiegħed l-għerf Grieg għall-qadi tal-Vanġelu, jgħin il-laqgħa bejn il-kultura u l-intelliġenza Griega u t-tħabbira ta’ Kristu; ried jagħmel dak li kellu f’moħħu dan Djonisju, jiġifieri li l-ħsieb Grieg jiltaqa’ mat-tħabbira ta’ San Pawl; billi kien Grieg, sar dixxiplu ta’ San Pawl u allura dixxiplu ta’ Kristu.

 

Għaliex ħeba ismu u għażel dan il-psewdonimu? Parti mit-tweġiba diġà ngħatatilna: ried proprju jesprimi din il-fehma fundamentali tal-ħsieb tiegħu. Imma hemm żewġ ipoteżijiet dwar dan l-anonimat mgħotti minn psewdonimu. L-ewwel ipoteżi tgħid: kienet falsifikazzjoni intenzjonata, li biha ried jiddata l-opri tiegħu lura fl-ewwel seklu, fi żmien San Pawl, biex hekk il-produzzjoni letterarja tiegħu jagħtiha awtorità kważi appostolika. Imma aħjar minn din l-ipoteżi – li ftit naraha kredibbli – hemm l-oħra: jiġifieri li hu ried proprju jagħmel att ta’ umiltà. Ma jagħtix ġieħ lil ismu, ma joħloqx monument għalih innifsu bl-opri tiegħu, imma tassew jaqdi lill-Vanġelu, joħloq teoloġija ekkleżjali, mhux individwali, mibnija fuqu nnifsu. Fir-realtà hu rnexxielu jibni teoloġija li, bla dubju, nistgħu niddatawha għas-sitt seklu, imma mingħajr ma nattribwuha għal waħda mill-figuri ta’ dak iż-żmien: hija teoloġija xi ftit jew wisq diżindividwalizzata, jiġifieri teoloġija li tesprimi ħsieb komuni f’lingwaġġ komuni. Kien żmien ta’ polemiċi qliel wara l-Konċilju ta’ Kalċedonja; imma hu, fis-seba’ Epistola tiegħu, jgħid: “Ma rridx noħloq polemiċi; qed nitkellem sempliċiment fuq il-verità, qed infittex il-verità”. U d-dawl tal-verità minnu nnifsu jwaqqa’ l-iżbalji u jixħet dija fuq dak li hu tajjeb. B’dan il-prinċipju hu saffa l-ħsieb Grieg u qiegħdu f’sintonija mal-Vanġelu. Dan il-prinċipju, li hu juri fis-seba’ Epistola tiegħu, hu wkoll espressjoni ta’ spirtu veru ta’ djalogu: li jfittex mhux il-ħwejjeġ li jifirdu, imma jfittex il-Verità fiha nfisha; din imbagħad iddawwal u ġġarraf l-iżbalji.

 

Għalhekk, imqar jekk it-teoloġija ta’ dan l-awtur hija, biex ngħidu hekk, “soprapersonali”, tabilħaqq ekkleżjali, aħna nistgħu nqegħduha fis-seklu 6. Għaliex? L-ispirtu Grieg, li hu poġġa għas-servizz tal-Vanġelu, iltaqa’ miegħu fil-kotba ta’ ċertu Proklu, li miet fis-sena 485 f’Ateni: dan l-awtur kien ġej mill-Platoniżmu tardiv, kurrent ta’ ħsieb li kien bidel il-filosofija ta’ Platun f’għamla ta’ reliġjon filosofika, li l-għan tagħha fl-aħħar mill-aħħar kien li toħloq apoloġija kbira tal-politeiżmu Grieg u tirritorna, wara s-suċċess tal-Kristjaneżmu, lejn ir-reliġjon antika Griega. Fir-realtà riedet turi li d-divinitajiet kienu l-qawwiet li qed jaħdmu fil-kożmu. Il-konsegwenza kienet li aktar kellu jitqies veru l-politeiżmu milli l-monoteiżmu, b’Alla wieħed ħallieq. Kienet sistema kbira kożmika ta’ divinitajiet, ta’ qawwiet misterjużi, dik li wera Proklu, li għalih f’dan il-kożmu deifikat il-bniedem seta’ jsib l-aċċess għad-divinità. Imma hu kien jagħżel bejn it-toroq għas-sempliċi, li ma kinux fi grad li jogħlew sal-qċaċet tal-verità – għalihom ċerti riti anki superstizzjużi aktarx kienu biżżejjed – u t-toroq iżjed għorrief, li allura riedu jissaffew biex jaslu sad-dawl pur.

 

Dan il-ħsieb, kif nistgħu naraw, hu profondament anti-Kristjan. Din hi reazzjoni tardiva kontra r-rebħa tal-Kristjaneżmu. Użu anti-Kristjan ta’ Platun, meta kien diġà fis-seħħ użu Kristjan tal-filosfu kbir. Interessanti li dan il-Psewdo-Djonisju indenja jinqeda proprju b’dan il-ħsieb biex juri l-verità ta’ Kristu; bidel dan l-univers politeistiku f’kożmu maħluq minn Alla – fl-armonija tal-kożmu ta’ Alla fejn il-qawwiet kollha jagħtu ġieħ lil Alla – u juri din l-armonija kbira, din is-sinfonija tal-kożmu mis-serafini għall-anġli u l-arkanġli, għall-bniedem u għall-ħlejjaq kollha li flimkien jirriflettu l-ġmiel ta’ Alla u jagħtuh ġieħ. Hekk hu bidel ix-xbieha politeista f’eloġju lill-Ħallieq u l-ħlejjaq tiegħu. Hekk nistgħu niskopru l-karatteristiċi essenzjali tal-ħsieb tiegħu: hu qabelxejn għanja kożmika ta’ tifħir lil Alla. Il-ħolqien kollu jitkellem dwar Alla u hu eloġju lil Alla. Ladarba l-ħlejqa tfaħħar lil Alla, it-teoloġija tal-Psewdo-Djonisju ssir teoloġija liturġika: lil Alla nsibuh fuq kollox billi nagħtuh ġieħ, u mhux biss bir-riflessjoni tagħna; u l-liturġija mhijiex xi ħaġa li nibnu aħna, xi ħaġa li nivvintaw biex nagħmlu esperjenza reliġjuża f’ċertu perjodu ta’ żmien; fiha aħna nkantaw mal-kor tal-ħlejjaq u nidħlu fl-istess realtà kożmika. U proprju hekk il-liturġija, li minn barra tidher biss ekkleżjastika, issir wiesgħa u kbira, issir is-sħubija tagħna mal-lingwaġġ tal-ħlejjaq kollha. Huwa jgħid: ma tistax titkellem dwar Alla b’mod astratt; li titkellem dwar Alla dejjem hu hymnèin – li tgħanni lil Alla bl-għanja kbira tal-ħlejjaq, li hi riflessa u kkonkretizzata fit-tifħir liturġiku. Madankollu, imqar jekk it-teoloġija tiegħu hi kożmika, ekkleżjali u liturġika, hija wkoll profondament personali. Hu ħareġ bl-ewwel teoloġija kbira mistika. Anzi, il-kelma “mistika” miegħu tikseb tifsira ġdida. Sa dak iż-żmien għall-Insara din il-kelma kienet bħall-kelma “sagramentali”, jiġifieri dak li hu tal-mystèrion, tas-sagrament. Miegħu l-kelma “mistika” ssir iżjed personali, iżjed intima: tesprimi l-mixja tar-ruħ lejn Alla. U kif insibuh lil Alla? Hawn nosservaw mill-ġdid element importanti fid-djalogu tiegħu bejn filosofija Griega u Kristjaneżmu, bejn ħsieb pagan u fidi biblika. Fid-dehra, dak li jgħid Platun u dak li tgħid il-filosofija kbira fuq Alla hu bil-wisq ogħla, u bil-wisq iktar “veru”; il-Bibbja tidher pjuttost “barbara”, sempliċi, illum kieku jgħidu ‘prekritika’; imma hu josserva li proprju dan hu meħtieġ, għax hekk nistgħu nifhmu li l-ogħla kunċetti dwar Alla qatt ma jaslu għall-veru kobor tiegħu; qatt ma huma preċiżi. Ix-xbihat bibliċi, fir-realtà, ifehmuna li Alla hu ’l fuq minn kull kunċett; fis-sempliċità tagħhom, iktar milli fil-kunċetti għoljin, aħna nsibu l-wiċċ ta’ Alla u nintebħu bin-nuqqas ta’ ħila tagħna li nesprimu tassew min Hu tassew. Hekk nitkellmu – l-istess Psewdo-Djonisju jagħmel dan – dwar “teoloġija negattiva”. Nistgħu aktar faċilment ngħidu x’mhuwiex Alla, milli nesprimi x’inhu tassew. B’dan ix-xbihat biss jista’ jkollna ħjiel tal-wiċċ veru tiegħu li, mill-banda l-oħra, hu konkret ħafna: huwa Ġesù Kristu. U mqar jekk Djonisju, fuq il-passi ta’ Proklu, jurina l-armonija tal-kori tas-sema, fejn donnu kollox jiddependi minn kollox, il-mixja tagħna lejn Alla tibqa’ ħafna mbiegħda minnu, u huwa jisħaq li, fl-aħħar mill-aħħar, it-triq lejn Alla hu Alla nnifsu, li qorob lejna f’Ġesù Kristu.

 

U hekk, teoloġija kbira u misterjuża ssir ukoll konkreta ħafna kemm fl-interpretazzjoni tal-liturġija u kemm fid-diskors dwar Ġesù Kristu: b’dan kollu, dan Djonisju l-Arjopagita ħalla influwenza qawwija fuq it-teoloġija Medjevali kolha, fuq it-teoloġija mistika kollha kemm tal-Lvant u kemm tal-Punent, u kważi reġa’ ġie skopert fis-seklu 13 fuq kollox minn San Bonaventura, it-teologu kbir Franġiskan li f’din it-teoloġija mistika sab l-istrument kunċettwali biex jinterpreta l-wirt hekk sempliċi u hekk profond ta’ San Franġisk: Bonaventura ma’ Djonisju fl-aħħar jgħidilna li l-imħabba tara iżjed mir-raġuni. Fejn hemm id-dawl tal-imħabba ma jaħkmux iżjed id-dlamijiet tar-raġuni; l-imħabba tara, l-imħabba hi għajn u l-esperjenza tagħtina iżjed milli tagħtina r-riflessjoni. Din l-esperjenza Bonaventura jaraha f’San Franġisk: hija l-esperjenza ta’ mixja umli ħafna, realistika ħafna, jum wara jum; din hi li tmur ma’ Kristu, tilqa’ s-salib tiegħu. F’dan il-faqar u f’din l-umiltà – fl-umiltà li tingħax anki fl-ekkleżjalità – hemm esperjenza ta’ Alla li hi ogħla minn dik li naslu għaliha bir-riflessjoni: fiha mmissu tassew il-qalb ta’ Alla.

 

Illum teżisti attwalità ġdida ta’ Djonisju l-Arjopagita: hu jidher bħala medjatur kbir fid-djalogu modern bejn il-Kristjaneżmu u t-teoloġiji mistiċi tal-Asja, li l-karatteristika magħrufa tagħhom qiegħda fil-konvinzjoni li ma tistax tgħid min hu Alla; dwaru tista’ titkellem biss f’forom negattivi; fuq Alla tista’ titkellem biss b’dak li “mhux”, u hu biss jekk tidħol f’din l-esperjenza tal-“mhux” li tista’ tilħqu. U hawn naraw kemm huma qrib ta’ xulxin il-ħsieb tal-Arjopagita u dak tar-reliġjonijiet Asjatiċi: hu llum jista’ jkun medjatur kif kien darba bejn l-ispirtu Grieg u l-Vanġelu.

 

Hawn naraw li d-djalogu ma jaċċettax is-superfiċjalità. Proprju meta wieħed jidħol fil-profondità tal-laqgħa ma’ Kristu li jinfetaħ ukoll l-ispazju vast għad-djalogu. Meta wieħed jiltaqa’ mad-dawl tal-verità, jintebaħ li huwa dawl għal kulħadd; jgħibu l-polemiċi u jibda jsir possibbli li nifhmu lil xulxin jew tal-inqas nitkellmu wieħed mal-ieħor, nersqu lejn xulxin. Il-mixja tad-djalogu tfisser proprju li fi Kristu nersqu qrib ta’ Alla fil-profondità tal-laqgħa tagħna miegħu, fl-esperjenza tal-verità li tiftħilna qalbna għad-dawl u tgħinna nidħlu f’laqgħa mal-oħrajn: id-dawl tal-verità, id-dawl tal-imħabba. U fl-aħħar mill-aħħar jgħidilna: fittxu t-triq tal-esperjenza, tal-esperjenza umli tal-fidi, ta’ kuljum. Il-qalb hekk tikber u tista’ tara u ddawwal anki r-raġuni biex tilmaħ il-ġmiel ta’ Alla. Nitolbu lill-Mulej jgħinna anki llum inqiegħdu għas-servizz tal-Vanġelu l-għerf ta’ żminijietna, u niskopru mill-ġdid il-ġmiel tal-fidi, il-laqgħa ma’ Alla fi Kristu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard