Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Palazz Appostoliku ta’ Castel Gandolfo

L-Erbgħa 13 ta’ Awwissu 2008

 

Santa Edith Stein u San Massimiljanu Marija Kolbe

 

Għeżież ħuti,

 

Wara li rġajt lura minn Bressanone, fejn stajt inqatta’ xi żmien ta’ mistrieħ, inħossni kuntent li qed niltaqa’ magħkom u nsellmilkom, għeżież nies ta’ Castel Gandolfo, u intom, pellegrini, li ġejtu hawn illum biex iżżuruni. Irrid għal darb’oħra nirringrazzja li dawk kollha li laqgħuni u ħadu ħsieb tal-waqfa tiegħi fil-muntanji. Kienu jiem ta’ rilassament fil-kwiet, li tulhom ma waqaftx infakkar lill-Mulej f’dawk li fdaw ruħhom fit-talb tiegħi. U huma tassew ħafna dawk li jiktbuli u jitolbuni nitlob għalihom. Juruni l-ferħ tagħhom, imma wkoll it-tħassib tagħhom, il-proġetti ta’ ħajjithom, imma wkoll il-problemi tal-familja u fuq ix-xogħol, ix-xewqat u t-tamiet li jġorru f’qalbhom, flimkien mat-tbatijiet marbuta mal-inċertezzi li l-umanità qed tgħix bħalissa. Nista’ niżgura lil f’kulħadd niftakar, speċjalment waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ kuljum tal-quddiesa u jiena u nitlob ir-Rużarju mqaddes. Naf tajjeb li l-ewwel servizz li nista’ nagħti lill-Knisja u lill-umanità hu proprju dak tat-talb, għax meta nitlob inkun qed nerħi f’idejn il-Mulej b’fiduċja l-ministeru li hu stess fdali, flimkien max-xorti tal-komunità ekkleżjali u ċivili kollha.

 

Min jitlob ma jitlef qatt it-tama, imqar meta jsib ruħu f’qagħdiet ibsin u saħansitra umanament ta’ qtigħ il-qalb. Dan tgħallimhulna l-Iskrittura Mqaddsa u dan tagħti xhieda tiegħu l-istorja kollha tal-Knisja. Fil-fatt, kemm eżempji nistgħu nsibu ta’ sitwazzjonijiet li fihom kien proprju t-talb li wieżen il-mixja tal-qaddisin u tal-poplu Nisrani! Fost ix-xhieda ta’ żmienna nixtieq insemmi dik ta’ żewġ qaddisin li l-festa tagħhom qed nagħmluha f’dawn il-jiem: Tereża Beneditta tas-Salib, Edith Stein, li l-festa tagħha ċċelebrajnieha fid-9 ta’ Awwissu, u Massimiljanu Marija Kolbe li se nfakkru għada, l-14 ta’ Awwissu, lejlet is-Solennità tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija. It-tnejn li huma għalqu l-ħajja tagħhom fuq din l-art bil-martirju fil-lager ta’ Auschwitz. Fid-dehra, il-ħajjiet tagħhom jistgħu jitqiesu telfa, imma proprju fil-martirju tagħhom jilma l-ġmiel kollu tal-Imħabba li tegħleb id-dlamijiet tal-egoiżmu u tal-mibegħda. Lil San Massimiljanu Kolbe jattribwulu dawn il-kelmiet li lissen qalb il-ħruxija tal-persekuzzjoni Nażista: “Il-mibegħda mhijiex qawwa kreattiva: l-imħabba biss hi”. U tal-imħabba kienet prova erojka l-offerta ġeneruża li hu għamel tiegħu nnifsu biex jieħu post ħabib priġunier tiegħu, offerta li laħqet il-quċċata tagħha fil-mewt fil-bunker tal-ġuħ, fl-14 ta’ Awwissu 1941.

 

Edith Stein, fis-6 ta’ Awwissu ta’ wara, tlitt ijiem qabel il-mewt traġika tagħha, hija u tkellem lil xi sorijiet ħutha tal-Monasteru ta’ Echt, fl-Olanda, qaltilhom: “Jiena lesta għal kollox. Ġesù jinsab ukoll hawn f’nofsna. Sa issa stajt nitlob tajjeb ħafna u għidt b’qalbi kollha: Ave, Crux, spes unica. Xi xhieda li rnexxielhom jiskampaw il-massakru orribbli rrakkontaw li Tereża Beneditta tas-Salib, waqt li bl-abitu Karmelitan fuqha kienet taf li tinsab miexja lejn il-mewt tagħha, kienet tingħaraf mill-imġiba tagħha mimlija paċi u l-atteġġjament seren tagħha u l-imġiba kalma u attenta tagħha għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd. It-talb kien is-sigriet ta’ din il-Qaddisa Kompatruna tal-Ewropa, li “mqar wara li sabet il-verità fil-paċi tal-ħajja kontemplattiva, waslet biex tgħix bl-aktar mod sħiħ il-misteru tas-Salib” (Ittra appostolika Spes ædificandi: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XX, 2, 1999, pag. 511).

 

“Ave Marija!”: kienet l-aħħar invokazzjoni fuq fomm San Massimiljanu Marija Kolbe huwa u jagħti driegħu lil dak li kien se joqtlu b’injezzjoni ta’ aċidu karboliku. X’kommozzjoni naraw kif, meta wieħed idur b’umiltà u fiduċja lejn il-Madonna, dan hu dejjem għajn ta’ kuraġġ u ta’ serenità. Aħna u nitħejjew biex niċċelebraw is-Solennità tal-Assunta, li hi waħda mill-egħżeż tifkiriet Marjani għat-tradizzjoni Nisranija, inġeddu l-fiduċja tagħna f’Dik li mis-Sema tħares bi mħabba ta’ omm fuqna f’kull ħin. Fil-fatt dan hu li aħna ngħidu fit-talba familjari tas-Sliema, meta nitolbuha titlob għalina “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard