Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2007

 

Ewsebju ta’ Ċesarija

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-istorja tal-Kristjaneżmu tal-qedem hi fundamentali d-distinzjoni bejn l-ewwel tliet sekli u dawk li ġew wara l-Konċilju ta’ Niċea fis-sena 325, l-ewwel wieħed ekumeniku. Kważi bħal “ċappetta” bejn iż-żewġ perjodi hemm l-hekk imsejħa “żvolta Kostantinjana” u l-paċi tal-Knisja, kif ukoll il-figura ta’ Ewsebju, Isqof ta’ Ċesarija fl-Palestina. Hu kien l-esponent l-iżjed ikkwalifikat tal-kultura Nisranija ta’ żmienu f’kuntesti varji ħafna, mit-teoloġija għall-eseġesi, mill-istorja għat-tagħlim erudit. Ewsebju hu fuq kollox magħruf bħala l-ewwel storiku tal-Kristjaneżmu, imma kien ukoll l-ikbar filologu tal-Knisja tal-qedem.

 

F’Ċesarija, fejn aktarx seħħ it-twelid ta’ Ewsebju lejn is-sena 260, Oriġene kien sab kenn minn Lixandra, u hemm kien waqqaf skola u bibljoteka enormi. Proprju fuq dawn l-istess kotba tgħallem, xi deċennju wara, iż-żagħżugħ Ewsebju. Fis-sena 325, bħala Isqof ta’ Ċesarija, hu ħa sehem bi rwol ta’ protagonista fil-Konċilju ta’ Niċea. Iffirma fil-Kredu tiegħu u l-istqarrija tad-divinità sħiħa tal-Iben ta’ Alla, li għalhekk ġie ddefinit li għandu “l-istess sustanza” tal-Missier (homooúsios tõ Patrí). Dan prattikament hu l-istess Kredu li aħna ngħidu kull nhar ta’ Ħadd fil-Liturġija Mqaddsa. Ammiratur sinċier ta’ Kostantinu, li kien ta l-paċi lill-Knisja, Ewsebju min-naħa tiegħu kellu stima u kunsiderazzjoni għolja tiegħu. Lill-Imperatur, barra fl-opri tiegħu, iċċelebrah ukoll b’diskorsi uffiċjali, li għamel fl-għoxrin u fit-tletin anniversarju mit-tlugħ tiegħu fuq it-tron, u wara mewtu, li seħħet fit-337. Sentejn jew tlieta wara miet Ewsebju wkoll.

 

Studjuż li qatt ma heda, fl-għadd ta’ kitbiet tiegħu Ewsebju jirrifletti u jiġbor it-tliet sekli ta’ Kristjaneżmu, tliet sekli taħt persekuzzjoni, u jieħu ħafna mill-għejun Insara u pagani kkonservati fuq kollox fil-bibljoteka kbira ta’ Ċesarija. Hekk, minkejja l-importanza oġġettiva tal-opri apoloġetiċi, eseġetiċi u duttrinali tiegħu, il-fama dejjiema ta’ Ewsebju tibqa’ marbuta qabelxejn mal-għaxar kotba tal-Istorja Ekkleżjastika tiegħu. Huwa l-ewwel wieħed li kiteb Storja tal-Knisja, li tibqa’ fundamentali grazzi għall-għejun li Ewsebju poġġielna għad-dispożizzjoni tagħna darba għal dejjem. B’din l-Istorja hu rnexxielu jsalva milli jintesew żgur bosta ġrajjiet, persunaġġi u opri letterarji tal-Knisja tal-qedem. Għalhekk għandna hawn għajn ewlenija għall-għarfien tal-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu.

 

Nistgħu nistaqsu kif bena u b’liema intenzjonijiet ġabar din l-opra ġdida tiegħu. Fil-bidu tal-ewwel ktieb l-istoriku jniżżel f’punti l-argumenti li ħa jittratta fix-xogħol tiegħu: “Għandi l-fehma li niżżel bil-kitba s-suċessjoni tal-Appostli mqaddsa u ż-żminijiet li għaddew, ibda minn dawk tal-Feddej tagħna sa żmienna; il-ħwejjeġ kbar kollha li jingħad li seħħu tul l-istorja tal-Knisja; isem dawk kollha li mexxew u ggwidaw denjament l-aktar djoċesijiet illustri u dawk li f’kull ġenerazzjoni kienu messaġġiera tal-Kelma divina bil-kelma u bil-kitba; u liema u kemm kienu u f’liema perjodu ta’ żmien dawk li b’xewqa għall-ġdid, wara li tkaxkru kemm felħu fl-iżball, saru interpreti u promoturi ta’ duttrina qarrieqa, u bħal ilpup qliel bla ħniena ta’ xejn ħarbtu l-merħla ta’ Kristu; … u b’kemm u liema mezzi u f’liema żminijiet il-pagani ħaduha kontra l-Kelma divina; u l-bnedmin kbar li, biex jiddefenduha, għaddew minn tiġrib kbir ta’ demm u ta’ torturi; u fl-aħħar nett ix-xhieda ta’ żmienna, u l-ħniena u t-tjieba tal-Feddej tagħna lejna lkoll” (1,1,1-2). B’dan il-mod Ewsebju jħaddan diversi oqsma: is-suċċessjoni tal-Appostli bħala l-qafas tal-Knisja, it-tixrid tal-Messaġġ, l-iżbalji, imbagħad il-persekuzzjonijiet min-naħa tal-pagani u x-xhieda kbira li hija d-dawl f’din l-Istorja. F’dan kollu għalih jidhru l-ħniena u t-tjieba tal-Feddej. Ewsebju hekk iniedi l-istorjografija ekkleżjastika, u bir-rakkont tiegħu jasal sat-324, sena li fiha Kostantinu, wara t-telfa ta’ Liċinju, ġie maħtur l-uniku imperatur ta’ Ruma. Kienet is-sena ta’ qabel il-Konċilju kbir ta’ Niċea li mbagħad offra s-“summa” ta’ dak li l-Knisja – duttrinalment, moralment u anki ġuridikament – kienet tgħallmet f’dawn it-tliet mitt sena.

 

Il-kwotazzjoni li għadna kemm ġibna mill-ewwel ktieb tal-Istorja Ekkleżjastika fiha ripetizzjoni li żgur saret apposta. Għal tliet darbiet fi ftit linji nsibu t-titlu Kristoloġiku ta’ Feddej, u jsir riferiment ċar għall-“ħniena tiegħu” u għat-“tjieba tiegħu”. Hekk nistgħu nifhmu x’inhi l-perspettiva fundamentali tal-istorjografija Ewsebjana: din tiegħu hi storja “Kristoċentrika”, li fiha ftit ftit jinkixef il-misteru tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin. Bi stagħġib ġenwin, Ewsebju jagħraf “li fost il-bnedmin kollha tad-dinja kollha kemm hi, Ġesù biss hu msejjaħ, mistqarr u magħruf bħala Kristu [jiġifieri Messija u Feddej tad-dinja], li hu mfakkar b’dan l-isem kemm mill-Griegi u kemm mill-barbari, li sal-lum mid-dixxipli tiegħu mxerrda mad-dinja kollha hu mweġġaħ bħala sultan, ammirat bħala iżjed minn profeta, igglorifikat bħala saċerdot veru u waħdieni ta’ Alla; u iktar minn dan kollu, bħala Logos ta’ Alla li kien sa minn dejjem u qabel kull żmien, hu rċieva mingħand il-Missier ġieħ li jistħoqqlu kull qima, u hu adurat bħala Alla. Imma l-aktar ħaġa tal-għaġeb hi li aħna l-ikkonsagrati tiegħu niċċelebrawh mhux biss bl-ilħna u l-ħoss ta’ kliemna, imma b’ruħna kollha, hekk li nqiegħdu qabel l-istess ħajjitna x-xhieda li nagħtu tiegħu” (1,3,19-20). U hekk tfeġġ fil-wiċċ karatteristika oħra, li tibqa’ kostanti fl-istorjografija antika tal-Knisja: hija l-“fehma morali” li tippresiedi fir-rakkont. L-istħarriġ storiku qatt ma hu fini fih innifsu; mhux magħmul biss biex wieħed jagħraf il-passat; pjuttost, jipponta b’mod deċiżiv lejn il-konverżjoni u lejn xhieda awtentika ta’ ħajja Nisranija min-naħa tal-fidili. Hu gwida għalina stess.

 

B’dan il-mod Ewsebju jisfida b’mod ħaj in-nies ta’ fidi f’kull żmien dwar il-mod ta’ kif għandhom iħarsu lejn il-ġrajjiet tal-istorja u tal-Knisja b’mod partikulari. Hu jisfida wkoll lilna: x’atteġġjament għandna quddiem il-ġrajjiet tal-Knisja? Hu l-atteġġjament ta’ min juri interess biss għall-kurżità, forsi anki billi jfittex akkost ta’ kollox is-sensazzjonaliżmu u l-iskandaluż? Jew hu l-atteġġjament mimli mħabba, u miftuħ għall-misteru, ta’ min – bil-fidi – jaf li jista’ jsib fl-istorja tal-Knisja s-sinjali tal-imħabba ta’ Alla u l-opri kbar tas-salvazzjoni li hu għamel? Jekk dan hu l-atteġġjament tagħna, ma nistgħux ma nħossuniex imħeġġin biex inwieġbu b’mod iżjed koerenti u ġeneruż, biex nagħtu xhieda ta’ ħajja iżjed Nisranija, biex inħallu s-sinjali tal-imħabba ta’ Alla anki lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

“Hemm misteru”, kien iħobb itenni bla waqfien dak l-istudjuż eminenti tal-Missirijiet tal-Knisja li kien il-Kardinal Jean Daniélou: “Hemm kontenut moħbi fl-istorja… Il-misteru hu dak tal-opri ta’ Alla, li jwettqu fiż-żmien ir-realtà awtentika, moħbija wara dak li jidher… Imma din l-istorja li Alla jwettaq għall-bniedem, ma jwettaqhiex mingħajru. Jekk nieqfu mal-kontemplazzjoni tal-‘ħwejjeġ kbar’ ta’ Alla nkunu naraw biss aspett wieħed tal-affarijiet. Quddiemhom hemm it-tweġiba tal-bniedem” (Saggio sul mistero della storia, ed. Tal., Brescia 1963, p. 182). Tant sekli wara, illum ukoll Ewsebju ta’ Ċesarija jistieden lil min jemmen, jistieden lilna, biex nistagħġbu, biex nikkontemplaw fl-istorja l-għemejjel kbar ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin. U bl-istess enerġija hu jistedinna għall-konverżjoni ta’ ħajjitna. Fil-fatt, quddiem Alla li ħabbna daqshekk, ma nistgħux nibqgħu weqfin. Dak li titlob minna l-imħabba hu li l-ħajja kollha tkun orjentata għall-imitazzjoni tal-Maħbub. Ejjew mela nagħmlu minn kollox biex fil-ħajja tagħna nħallu marka trasparenti tal-imħabba ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard