Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010

 

San Bonaventura (2)

 

Għeżież ħuti,

 

Il-ġimgħa l-oħra tkellimt dwar il-ħajja u l-personalità ta’ San Bonaventura minn Bagnoregio. Dalgħodu nixtieq inkompli bil-preżentazzjoni tiegħu, billi nieqaf fuq parti mill-opra letterarja tiegħu u mit-tagħlim tiegħu.

 

Kif għidt diġà, San Bonaventura, fost il-ħafna merti li għandu, kellu dak li interpreta awtentikament u fedelment il-figura ta’ San Franġisk ta’ Assisi, minnu meqjum u studjat bi mħabba kbira. B’mod partikulari, fi żmien San Bonaventura kien hemm kurrent ta’ Patrijiet Minuri, imsejħa “spiritwali”, li kienu qed isostnu li ma’ San Franġisk tnediet fażi totalment ġdida tal-istorja, deher il-“Vanġelu etern”, li dwaru jitkellem l-Apokalissi, li kellu jieħu post it-Testment il-Ġdid. Dan il-grupp kien jistqarr li l-Knisja issa kien spiċċalha r-rwol tagħha fl-istorja, u flokha kellha tidħol komunità kariżmatika ta’ rġiel ħielsa mmexxija mill-Ispirtu fil-qalb tagħhom, jiġifieri l-“Franġiskani spiritwali”. L-ideat ta’ dan il-grupp kienu msejsa fuq il-kitbiet ta’ abbati Ċisterċensi, Ġwakkin minn Fiore, li miet fl-1202. Fl-opri tiegħu, hu stqarr li l-istorja kellha ritmu Trinitarju. It-Testment il-Qadim kien iqisu bħala ż-żmien tal-Missier, imbagħad warajh iż-żmien tal-Iben, żmien il-Knisja. Wara, kien fadal jistennew it-tielet żmien, dak tal-Ispirtu s-Santu. Allura l-istorja kollha kellha tiġi interpretata bħala storja ta’ progress: mis-severità tat-Testment il-Qadim għal-libertà relattiva ta’ żmien l-Iben, fil-Knisja, sal-libertà sħiħa ta’ Wlied Alla, fi żmien l-Ispirtu s-Santu, li kellu jkunu ukoll finalment il-perjodu tal-paċi bejn il-bnedmin, tar-rikonċiljazzjoni tal-popli u tar-reliġjonijiet. Ġwakkin minn Fiore kien qajjem it-tama li l-bidu taż-żmien il-ġdid kellu joħroġ minn monakiżmu ġdid. U allura nifhmu li grupp ta’ Franġiskani ħasbu li setgħu jagħrfu f’San Franġisk ta’ Assisi dak li kellu jibda dan iż-żmien ġdid u fl-Ordni tiegħu raw il-komunità taż-żmien il-ġdid – il-komunità taż-żmien tal-Ispirtu s-Santu, li kellha tħalli warajha l-Knisja ġerarkika, biex tniedi l-Knisja ġdida tal-Ispirtu, li ma tibqax marbuta iżjed mal-istrutturi qodma.

 

Għalhekk kien hemm ir-riskju gravi li l-messaġġ ta’ San Franġisk, il-fedeltà umli tiegħu għall-Vanġelu u għall-Knisja, jinftiehmu ħażin ħafna, u dan l-ekwivoku ġab miegħu viżjoni żbaljata tal-Kristjaneżmu fil-ġabra sħiħa tiegħu.

 

San Bonaventura, li fl-1257 sar Ministru Ġenerali tal-Ordni Franġiskan, sab ruħu quddiem tensjoni gravi fi ħdan l-istess Ordni tiegħu appuntu minħabba min kien qed jappoġġja l-imsemmi kurrent tal-“Franġiskani spiritwali”, suppost ispirati minn Ġwakkin minn Fiore. Sewwasew biex iwieġeb lil dan il-grupp u jerġa’ jgħaqqad l-Ordni, San Bonaventura studja b’reqqa kbira l-kitbiet awtentiċi ta’ Ġwakkin minn Fiore u dawk attribwiti lilu u, huwa u jżomm f’moħħu l-ħtieġa li jippreżenta korrettement il-figura u l-messaġġ tal-maħbub tiegħu San Franġisk, ried jesponi viżjoni ġusta tat-teoloġija tal-istorja. San Bonaventura affronta l-problema proprju fl-aħħar opra tiegħu, ġabra ta’ konferenzi lill-monaċi tal-istudju Pariġin, li kienet baqgħet mhux kompluta u li waslet għandna grazzi għat-traskrizzjonijiet ta’ dawk li semgħuh, intitolata Hexaëmeron, jiġifieri spjegazzjoni allegorika tas-sitt ijiem tal-ħolqien. Il-Missirijiet tal-Knisja kienu jqisu s-sitt jew sebat ijiem tar-rakkont fuq il-ħolqien bħala profezija tal-istorja tad-dinja, tal-umanità. Is-sebat ijiem għalihom kienu jirrappreżentaw is-seba’ perjodi tal-istorja, iżjed tard interpretati wkoll bħal seba’ millennji. Ma’ Kristu nkunu dħalna fl-aħħar wieħed, jiġifieri s-sitt perjodu tal-istorja, li warajh imbagħad jasal is-Sibt il-kbir ta’ Alla. San Bonaventura jissupponi din l-interpretazzjoni storika tar-relazzjoni tal-jiem tal-ħolqien, imma b’mod ħafna ħieles u innovattiv. Għalih żewġ fenomeni ta’ żmienu jagħmlu meħtieġa interpretazzjoni ġdida tal-mixja tal-istorja.

 

L-ewwel: il-figura ta’ San Franġisk, il-bniedem kollu kemm hu magħqud ma’ Kristu sal-komunjoni tal-pjagi, kważi alter Christus, u ma’ San Franġisk il-komunità ġdida maħluqa minnu, differenti mill-monakiżmu magħruf sa dak iż-żmien. Dan il-fenomenu kien jesiġi interpretazzjoni ġdida, bħala xi ħaġa ġdida li Alla wera f’dak iż-żmien.

 

It-tieni: il-pożizzjoni ta’ Ġwakkin minn Fiore, li kienet tħabbar monakiżmu ġdid u żmien għalkollox ġdid tal-istorja, lil hemm mir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid, kienet titlob tweġiba.

 

Bħala Ministru Ġeneral tal-Ordni tal-Franġiskani, Bonaventura malajr ra li bil-kunċett spiritwalistiku, imnebbaħ minn Ġwakkin minn Fiore, l-Ordni ma setax jitmexxa, imma loġikament kien miexi lejn l-anarkija. Għalih il-konsegwenzi kienu tnejn:

 

L-ewwel: il-bżonn prattiku ta’ strutturi u ta’ inseriment fir-realtà tal-Knisja ġerarkika, tal-Knisja reali, kien jeħtieġ fundament teoloġiku, anki għaliex l-oħrajn, dawk li kienu jsegwu l-kunċett spiritwalista, kienu qed juru li għandhom fundament teoloġiku.

 

It-tieni: waqt li wieħed iżomm f’moħħu r-realiżmu li hemm bżonn, ma jridx jitlef il-karattru ġdid tal-figura ta’ San Franġisk.

 

Xi tweġiba ta San Bonaventura għall-esiġenza prattika u teorika? Mit-tweġiba tiegħu hawn nista’ nagħti biss ġabra skematika ħafna u mhix kompluta f’xi punti:

 

San Bonaventura ċaħad l-idea tar-ritmu Trinitarju tal-istorja. Alla hu wieħed għall-istorja kollha u ma jinqasamx fi tliet divinitajiet. Għalhekk, l-istorja hija waħda, anki jekk hi mixja u – skont San Bonaventura – mixja ta’ progress.

 

Ġesù Kristu huwa l-aħħar kelma ta’ Alla – fih Alla qal kollox, u ta u lissen lilu nnifsu. Iktar minnu nnifsu Alla ma jistax jgħid u lanqas jagħti. L-Ispirtu s-Santu huwa Spirtu tal-Missier u tal-Iben. Kristu nnifsu jgħid hekk dwar l-Ispirtu s-Santu: “…ifakkarkom dak kollu li għidtilkom” (Ġw 14:26), “jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom” (Ġw 16:15). Allura ma hemmx Vanġelu ieħor ogħla, lanqas ma hemm Knisja oħra li rridu nistennew. Għalhekk anki l-Ordni ta’ San Franġisk irid ikun parti minn din il-Knisja, mill-fidi tagħha, mill-ordinament ġerarkiku tagħha.

 

Dan ma jfissirx li l-Knisja ma tiċċaqlaqx, hi mwaħħla fil-passat u ma jistax ikun hemm ġdid fiha. “Opera Christi non deficiunt, sed proficiunt”, l-opri ta’ Kristu ma jmorrux lura, ma jonqoshom xejn, imma jimxu ’l quddiem, jgħid il-Qaddis fl-ittra De tribus quæstionibus. Hekk San Bonaventura jifformula espliċitament l-idea tal-progress, u din hi ħaġa ġdida f’konfront mal-Missirijiet tal-Knisja u ma’ parti kbira mill-kontemporanji tiegħu. Għal San Bonaventura Kristu m’għadux iżjed, kif kien għall-Missirijiet tal-Knisja, it-tmiem, imma l-qalba tal-istorja; ma’ Kristu l-istorja mhux tintemm, imma tibda żmien ġdid. Konsegwenza oħra hija din li ġejja: sa żmienu kienet b’saħħitha l-idea li l-Missirijiet tal-Knisja kienu l-quċċata assoluta tat-teoloġija, u l-ġenerazzjonijiet ta’ wara setgħu jkunu biss dixxipli tagħhom. Anki San Bonaventura jagħraf fil-Missirijiet għalliema dejjiema, imma l-fenomenu ta’ San Franġisk jagħtih ċertezza li l-għana tal-kelma ta’ Kristu hu bla tarf u li anki fil-ġenerazzjonijiet ġodda jistgħu jidhru dwal ġodda. L-uniċità ta’ Kristu tiggarantixxi wkoll il-ġdid u t-tiġdid fiż-żminijiet kollha tal-istorja.

 

Ċertament, l-Ordni Franġiskan – hekk jisħaq – jappartieni għall-Knisja ta’ Ġesù Kristu, għall-Knisja Appostolika u ma jistax jiżviluppa f’xi spiritwaliżmu utopiku. Imma, fl-istess waqt, hu validu l-karattru ġdid ta’ dan l-Ordni fil-konfront tal-monakiżmu klassiku, u San Bonaventura – kif għidt fl-aħħar Katekeżi – iddefenda dan il-ġdid kontra l-attakki tal-Kleru sekulari ta’ Pariġi: il-Franġiskani ma għandhomx monasteru fiss, jistgħu jkunu preżenti ma’ kullimkien biex iħabbru l-Vanġelu. Proprju din il-qasma mill-istabbiltà, karatteristika tal-monakiżmu, favur flessibbiltà ġdida, raddet lill-Knisja d-dinamiżmu missjunarju tagħha.

 

Hawn forsi nagħmlu tajjeb jekk ngħidu li anki llum jeżistu viżjonijiet li jaraw l-istorja kollha tal-Knisja fit-tieni millennju bħala mixja li sejra lura darba għal dejjem; xi wħud dan jarawh iseħħ diġà dritt minn wara t-Testment il-Ġdid. Fir-realtà, “Opera Christi non deficiunt, sed proficiunt”, l-opri ta’ Kristu ma jmorrux lura, imma jimxu ’l quddiem. X’kienet tkun il-Knisja mingħajr l-ispiritwalitajiet ġodda taċ-Ċisterċensi, tal-Franġiskani u d-Dumnikani, l-ispiritwalità ta’ Santa Tereża ta’ Avila u ta’ San Ġwann tas-Salib, u l-bqija? Illum ukoll tgħodd din l-istqarrija: “Opera Christi non deficiunt, sed proficiunt”, jimxu ’l quddiem. San Bonaventura jgħallimna l-ġabra waħda flimkien tad-dixxerniment meħtieġ, anki sever, tar-realiżmu sobrju u tal-ftuħ għal kariżmi ġodda li jagħti Kristu, fl-Ispirtu s-Santu, lill-Knisja tiegħu. U waqt li nsibu min itenni din l-idea li kollox sejjer lura, hemm ukoll l-idea l-oħra, dik ta’ “utopiżmu spiritwalistiku”, li qed tirrepeti ruħha. Fil-fatt, nafu kif wara l-Konċilju Vatikan II xi wħud kienu konvinti li kollox kien ġdid, li din kienet Knisja oħra, li l-Knisja ta’ qabel il-Konċilju kienet spiċċat u kien se jkollna oħra, totalment “oħra”. Utopiżmu anarkiku! U għall-grazzja ta’ Alla t-tmuniera għorrief tad-dgħajsa ta’ Pietru, il-Papa Pawlu VI u l-Papa Ġwanni Pawlu II, minn naħa ddefendew il-karattru ġdid tal-Konċilju u mill-oħra, fl-istess waqt, iddefendew l-uniċità u l-kontinwità tal-Knisja, li hi dejjem Knisja ta’ midinbin u dejjem post ta’ Grazzja.

 

F’dan is-sens, San Bonaventura, bħala Ministru Ġeneral tal-Franġiskani, qabad linja ta’ tmexxija li fiha kien ċar daqs il-kristall li l-Ordni l-ġdid ma setax, bħala komunità, jgħix fl-istess “livell eskatoloġiku” ta’ San Franġisk, li fih hu lemaħ antiċipata d-dinja futura, imma – immexxi, fl-istess waqt, minn realiżmu san u mill-kuraġġ spiritwali – kellu joqrob l-iktar possibbli lejn l-ogħla twettiq tad-Diskors tal-Muntanja, li għal San Franġisk kien ir-regola, imqar jekk iżomm f’moħħu l-limitazzjonijiet tal-bniedem, imtebba’ bid-dnub oriġinali.

 

Hekk naraw li għal San Bonaventura t-tmexxija ma kinitx sempliċiment xi ħaġa li kellu jagħmel, imma kienet fuq kollox il-ħsieb u t-talb. Fil-bażi tat-tmexxija tiegħu nsibu dejjem it-talb u l-ħsieb; id-deċiżjonijiet kollha tiegħu joħorġu mir-riflessjoni, mill-ħsieb imdawwal mit-talb. Il-kuntatt intimu tiegħu ma’ Kristu sieħeb dejjem il-ħidma tiegħu ta’ Ministru Ġenerali u għalhekk kiteb serje ta’ kitbiet teoloġiċi-mistiċi, li jesprimu r-ruħ tat-tmexxija tiegħu u juru l-fehma tiegħu li jmexxi l-Ordni minn ġewwa, jiġifieri li jmexxi mhux biss bil-kmand u bl-istrutturi, imma billi jiggwida u jdawwal l-erwieħ, u jorjentahom lejn Kristu.

 

Minn dawn il-kitbiet tiegħu, li huma r-ruħ tat-tmexxija tiegħu u juru t-triq li għandu jimxi kemm wieħed waħdu u kemm il-komunità, nixtieq insemmi biss waħda, il-kapulavur tiegħu, l-Itinerarium mentis in Deum, li huwa “manwal” ta’ kontemplazzjoni mistika. Dan il-ktieb ħasbu f’post ta’ spiritwalità profonda: il-muntanja tal-Verna, fejn San Franġisk kien irċieva l-pjagi. Fid-daħla l-awtur juri x’kienu ċ-ċirkustanzi li taw bidu għal din il-kitba tiegħu: “Jiena u nimmedita fuq il-possibbiltajiet tar-ruħ li titla’ fl-għoli u tilħaq lil Alla, dehret quddiemi, fost l-oħrajn, dik il-ġrajja tal-għaġeb li seħħet f’dak il-post lill-imqaddes Franġisku, jiġifieri l-viżjoni tas-Serafin bil-ġwienaħ f’għamla ta’ Kurċifiss. U jiena u nimmedita fuqu, dritt rajt li din il-viżjoni kienet qed toffrili l-estasi kontemplattiva tal-istess missier Franġisku kif ukoll it-triq li twassal għal għandu” (Il-Mixja tar-Ruħ lejn Alla, Prologu, 2, f’Opere di San Bonaventura. Opuscoli Teologici /1, Roma 1993, p. 499).

 

Is-sitt iġwienaħ tas-Serafin allura jsiru s-simbolu tas-sitt tappi li waħda wara l-oħra jwasslu lill-bnieem għall-għarfien ta’ Alla permezz tal-osservazzjoni tad-dinja u tal-ħlejjaq u permezz tal-esplorazzjoni tar-ruħ infisha bil-fakultajiet tagħha, sal-għaqda gratifikanti mat-Trinità permezz ta’ Kristu, fuq ix-xebh ta’ San Franġisk ta’ Assisi. L-aħħar kelmiet tal-Itinerarium ta’ San Bonaventura, li jwieġbu għall-mistoqsija fuq kif tista’ tilħaq din il-komunjoni mistika ma’ Alla, ta’ min iniżżilhom fil-qiegħ ta’ qalbu: “Jekk trid taf kif isiru ħwejjeġ bħal dawn (il-komunjoni mistika ma’ Alla), staqsi lill-grazzja, mhux lill-għerf; lix-xewqa, mhux lid-dehen, lit-tnehid tat-talb mhux lit-tagħlim tal-ittra; lill-għarus, mhux lill-imgħallem; lil Alla, mhux lill-bniedem; liċ-ċpar, mhux lid-dija; tistaqsix lid-dawl, iżda lin-nar li jagħmlek ħuġġieġa waħda kollok kemm int u jbiddlek f’Alla bi ħlewwa tal-għaġeb u bi mħabba liema bħalha… Nidħlu fis-sħaba mudlama, insikktu fina t-tħassib żejjed, il-ġibdiet ta’ qalbna u l-ħolm ta’ moħħna; ngħaddu flimkien ma’ Kristu Msallab minn din id-dinja għal għand il-Missier, biex, wara li nkunu rajnieh, biex hu jurina l-Missier u ngħidu flimkien ma’ Filippu: ikun biżżejjed għalina (ibid., VII, 6).

 

Għeżież ħbieb, nilqgħu l-istedina li jagħmlilna San Bonaventura, id-Duttur Serafiku, u nidħlu fl-iskola tal-Imgħallem divin: nisimgħu l-Kelma tiegħu tal-ħajja u tal-verità, li tidwi fil-ġewwieni ta’ ruħna. Insaffu l-ħsibijiet tagħna u l-għemejjel tagħna, biex hu jista’ jgħammar fina, u aħna nistgħu nagħrfu l-Leħen divin tiegħu, li jiġbidna lejn l-hena veru.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard