Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Sala Pawlu VI

L-Erbgħa 8 ta’ Settembru 2010

 

Santa Ildegarda ta’ Bingen (2)

 

Għeżież ħuti,

 

Illum nixtieq nerġa’ naqbad u nkompli r-riflessjoni fuq Santa Ildegarda ta’ Bingen, figura importanti femminili tal-Medjuevu, li spikkat għall-għerf spiritwali u l-qdusija ta’ ħajjitha. Il-viżjonijiet mistiċi ta’ Ildegarda jixbhu lil dawk tal-profeti tat-Testment il-Qadim: esprimiet ruħha bil-kategoriji kulturali u reliġjużi ta’ żmienha biex tinterpreta fid-dawl ta’ Alla l-Iskrittura Mqaddsa u tapplikaha għad-diversi ċirkustanzi tal-ħajja. Hekk, dawk kollha li kienu jisimgħuha kienu jħossuhom imħeġġin jipprattikaw stil ta’ ħajja Nisranija koerenti u ħawtiela. F’ittra lil San Bernard, il-mistika Ġermaniża tistqarr: “Il-viżjoni taħkem dak kollu li jien: ma narax bl-għajnejn tal-ġisem, imma dan jidher lili fl-ispirtu tal-misteri… Naf x’inhi t-tifsira profonda ta’ dak li hemm fis-Salterju, fil-Vanġeli u f’kotba oħra, li jintwerew lili fil-viżjoni. Dan iħeġġeġ bħal fjamma f’sidri u fir-ruħ tiegħi, u jgħallimni nifhem dak it-test fil-fond tiegħu” (Epistolarium pars prima I-XC: CCCM 91).

 

Il-viżjonijiet mistiċi ta’ Ildegarda huma mimlija b’kontenut teoloġiku. Jagħmlu riferiment għall-ġrajjiet prinċipali tal-istorja tas-salvazzjoni, u jħaddmu lingwaġġ prinċipalment poetiku u simboliku. Ngħidu aħna, fl-opra l-aktar magħrufa tagħha, intitolata Scivias, jiġifieri “Int taf it-toroq”, hi tiġbor f’35 viżjoni l-ġrajjiet tal-istorja tas-salvazzjoni, tal-ħolqien tad-dinja sal-aħħar taż-żminijiet. Bl-aspetti karatteristiċi tas-sensibbiltà femminili, Ildegarda, proprju fit-taqsima ċentrali tal-opra tagħha, tiżviluppa t-tema taż-żwieġ mistiku bejn Alla u l-umanità li seħħ fl-Inkarnazzjoni. Fuq is-siġra tas-Salib isseħħ il-festa tat-tieġ tal-Iben ta’ Alla mal-Knisja, l-għarusa tiegħu, mimlija bil-grazzji u li għandha l-ħila trodd lil Alla wlied ġodda, fl-imħabba tal-Ispirtu s-Santu (ara Visio tertiaPL 197, 453c).

 

Diġà minn dawn iż-żewġ riferenzi qosra naraw kif anki t-teoloġija tista’ tirċievi kontribut partikulari min-nisa, għax huma kapaċi jitkellmu dwar Alla u l-misteri tal-fidi bl-intelliġenza u s-sensibbiltà partikulari tagħhom. Għalhekk inħeġġeġ lil dawk in-nisa kollha li jiżvolġu dan is-servizz biex iwettquh bi spirtu ekkleżjali profond, u jseddqu r-riflessjoni tagħhom bit-talb u billi jħarsu lejn l-għana kbir, li sa issa f’parti minnu għadu mhux esplorat, tat-tradizzjoni mistika Medjevali, fuq kollox lejn dak irrappreżentat minn mudelli kollha dawl, bħalma hi appuntu Ildegarda ta’ Bingen.

 

Il-mistika Ġermaniża hija wkoll l-awtriċi ta’ kitbiet oħra, li tnejn minnhom huma partikularment importanti għax, bħal Scivias, fihom il-viżjonijiet mistiċi tagħha: dawn huma l-Liber vitæ meritorum (Ktieb tal-merti tal-ħajja) u l-Liber divinorum operum (Ktieb tal-opri divini), imsejjaħ ukoll De operatione Dei. Fl-ewwel wieħed insibu mfissra viżjoni unika u tal-għaġeb ta’ Alla li jgħajjex il-kożmu bil-qawwa u bid-dawl tiegħu. Ildegarda tisħaq fuq ir-relazzjoni profonda bejn il-bniedem u Alla u tfakkarna li l-ħolqien kollu, li l-bniedem hu fil-quċċata tiegħu, jirċievi l-ħajja mit-Trinità. Il-kitba tikkonċentra fuq ir-relazzjoni bejn virtujiet u vizzji, u għalhekk il-bniedem jeħtieġ ta’ kuljum jaffronta l-isfida tal-vizzji, li jbegħduh mill-mixja lejn Alla, u l-virtujiet, li huma ta’ ġid għalih. L-istedina hi biex jitbiegħed mill-ħażen biex jigglorifika lil Alla u biex, wara ħajja ta’ virtù, jidħol fil-ħajja “kollha ferħ”. Fit-tieni opra, meqjusa minn ħafna bħala l-kapulavur tagħha, tfisser mill-ġdid il-ħolqien fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla u ċ-ċentralità tal-bniedem, waqt li turi Kristoċentriżmu qawwi ta’ togħma Biblika-Patristika. Il-Qaddisa, li tippreżenta ħames viżjonijiet imnebbħin mill-Prologu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, terġa’ ġġib il-kelmiet li l-Iben jgħid lill-Missier: “L-opra kollha li inti ridt u li fdajtli, jiena wassaltha sat-tmiem, u ara li issa jiena fik, u int fija, u li aħna ħaġa waħda” (Pars III, Visio XPL 197, 1025a).

 

Fl-aħħar nett, f’kitbiet oħra, Ildegarda turi l-firxa wiesgħa ta’ interessi u d-dinamiżmu kulturali tal-monasteri femminili tal-Medjuevu, kuntrarju għall-preġudizzji li għadhom jeżistu fuq dik l-epoka. Lil Ildegarda jinteressawha l-mediċina u x-xjenzi naturali, kif ukoll il-mużika, billi kienet imżejna bit-talent artistiku. Nisġet ukoll innijiet, antifoni u għanjiet, miġbura taħt it-titlu Symphonia Harmoniæ Cælestium Revelationum (Sinfonija tal-armonija tar-rivelazzjonijiet tas-sema), li b’mod tant ferrieħi kienu jiġu esegwiti fil-monasteri tagħha, u hekk kienu joħolqu atmosfera ta’ serenità, u li waslu għandna wkoll. Għaliha, il-ħolqien kollu kemm hu huwa sinfonija tal-Ispirtu s-Santu, li hu fih innifsu ferħ u hena.

 

Il-popolarità li biha kienet imdawra Ildegarda kienet twassal lil ħafna nies biex ifittxuha. Għal din ir-raġuni għandna ħafna ittri tagħha. Lejha kienu jduru komunitajiet monastiċi maskili u femminili, isqfijiet u abbatijiet. Ħafna tweġibiet jibqgħu validi għalina wkoll. Ngħidu aħna, lil komunità reliġjuża femminili Ildegarda kitbitilha hekk: “Il-ħajja spiritwali għandha tkun ikkurata b’ħafna dedikazzjoni. Fil-bidu t-taħbit ikun iebes. Għax jitlob iċ-ċaħda tal-kapriċċ, tal-pjaċir tal-ġisem u ta’ ħwejjeġ oħra simili. Imma jekk tħalli l-qdusija ssaħħarha, ruħ qaddisa ssib ħelwa u ta’ min iħobbha l-istess stmerrija tad-dinja. Jeħtieġ biss li b’mod għaref inkunu attenti li r-ruħ ma tinxifx” (E. Gronau, Hildegard. Vita di una donna profetica alle origini dell’età moderna, Milano 1996, p. 402). U meta l-Imperatur Federiku Barbarossa ħoloq xiżma ekkleżjali billi ġab tliet antipapiet kontra l-Papa leġittimu Alessandru III, Ildegarda, imnebbħa mill-viżjonijiet tagħha, ma qagħditx lura milli tfakkru li mqar hu, l-imperatur, kien suġġett għall-ġudizzju ta’ Alla. Bil-kuraġġ li jikkaratterizza kull profeta, hi kitbet lill-Imperatur dawn il-kelmiet f’isem Alla: “Gwaj, gwaj għal din l-imġiba ħażina tal-kefrin li jżebilħuni! Agħti dlonk widen, o Re, jekk trid tgħix! Inkella x-xabla tiegħi stess tinfdek!” (ibid., p. 412).

 

Bl-awtorità spiritwali li biha kienet imżejna, fl-aħħar snin ta’ ħajjitha Ildegarda telqet fuq vjaġġ, minkejja l-età avvanzata u l-kundizzjonijiet skomdi tal-ġiri minn post għall-ieħor, biex tkellem lin-nies fuq Alla. Kulħadd kien jismagħha bil-qalb, anki meta kienet tuża ton iebes: kienu jqisuha messaġġiera mibgħuta minn Alla. Kienet fuq kollox issejjaħ lill-komunitajiet monastiċi u lill-kleru għal ħajja li taqbel mal-vokazzjoni tagħhom. B’mod partikulari, Ildegarda ħaditha kontra l-moviment tal-cátari Ġermaniżi. Dawn – cátari litteralment tfisser “puri” – kienu jappoġġajw riforma radikali tal-Knisja, fuq kollox biex jiġġieldu l-abbużi tal-kleru. Hi kienet iċċanfarhom bil-qawwa kollha u takkużahom li riedu jaqilbu ta’ taħt fuq l-istess natura tal-Knisja, hija u tfakkarhom li tiġdid veru tal-komunità ekkleżjali ma jinkisibx tant bil-bidla tal-istrutturi, daqskemm bi spirtu sinċier ta’ penitenza u mixja ħabrieka ta’ konverżjoni. Dan hu messaġġ li ma għandna qatt ninsew. Nitolbu dejjem lill-Ispirtu s-Santu, biex iqajjem fil-Knisja nisa qaddisa u qalbiena, bħal Santa Ildegarda ta’ Bingen, li, waqt li jgħożżu d-doni li rċivew mingħand Alla, jagħtu l-kontribut prezzjuż u speċifiku tagħhom għall-iżvilupp spiritwali tal-komunitajiet tagħna u tal-Knisja fi żmienna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard