Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 7 ta’ Novembru 2007

 

San Ġirolmu

I: Ħajja u kitbiet

 

Għeżież ħuti,

 

Illum se nieqfu bl-attenzjoni tagħna fuq San Ġirolmu, Missier tal-Knisja li qiegħed il-Bibbja fiċ-ċentru ta’ ħajtu: ittraduċieha fl-ilsien Latin, ikkummentaha fl-opri tiegħu u fuq kollox ħabrek biex jgħixha konkretement tul il-ħajja twila tiegħu fuq din l-art, minkejja li kien magħruf kemm il-karattru li tatu n-natura kien diffiċli u fokuż.

 

Ġirolmu twieled fi Stridon lejn it-347 minn familja Nisranija, li żguratlu formazzjoni b’saħħitha, u bagħtitu wkoll Ruma biex jipperfezzjona l-istudji tiegħu. Sa minn meta kien żagħżugħ ħass il-ġibda lejn il-ħajja tad-dinja (ara Ep. 22,7), imma rebħu fih ix-xewqa u l-interess għar-reliġjon Nisranija. Irċieva l-Magħmudija lejn it-366, inxteħet għall-ħajja axxetika u, f’Aquileia fejn mar joqgħod, daħal fi grupp ta’ Nsara mħeġġa, li hu sejjaħlu kważi “kor tal-beati” (Kronaka tas-sena 374), miġbura madwar l-Isqof Valerjanu. Imbagħad telaq lejn il-Lvant u għex ħajja ta’ eremita fid-deżert ta’ Chalcis, fin-nofsinhar ta’ Aleppo (ara Ep. 14,10), fejn iddedika ruħu serjament għall-istudji. Ipperfezzjona l-għarfien tiegħu tal-Grieg, beda l-istudju tal-Għebrajk (ara Ep. 125,12), ittraskriva kodiċi u opri Patristiċi (ara Ep. 5,2). Il-meditazzjoni, is-solitudni, il-kuntatt mal-Kelma ta’ Alla kabbru s-sensibbiltà Nisranija tiegħu. Ħassu magħfus iktar bit-toqol ta’ dak li għadda minnu fiż-żgħożija (ara Ep. 22,7) u seta’ jara sew il-kutrast bejn mentalità pagana u ħajja Nisranija: kuntrast li sar iktar ċelebri bil-“viżjoni” drammatika u ħajja, li tagħha hu ħallielna r-rakkont. Fiha deherlu li kien qed jiġi fflaġellat quddiem Alla, għax kien “Ċiċerunjan u mhux Kristjan” (ara Ep. 22,30).

 

Fit-382 mar Ruma: hawn il-Papa Damasu, li kien jaf bil-fama tiegħu ta’ axxeta u l-kompetenza tiegħu ta’ studjuż, riedu bħala segretarju u kunsillier tiegħu; ħeġġu biex jibda t-traduzzjoni ġdida Latina tat-testi bibliċi għal raġunijiet pastorali u kulturali. Xi persuni mill-aristokrazija Rumana, fuq kollox nisa nobbli bħal Pawla, Marċella, Asella, Lea u oħrajn, xewqana li jħabirku ’l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni Nisranija u li jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom tal-Kelma ta’ Alla, għażluh bħala l-gwida spiritwali tagħhom u mgħallem fil-metodu biex jaqbdu f’idejhom u jaqraw it-testi sagri. Dawn in-nisa nobbli tgħallmu wkoll il-Grieg u l-Għebrajk.

 

Wara l-mewt tal-Papa Damasu, Ġirolmu ħalla Ruma fit-385 u beda pellegrinaġġ, l-ewwel fl-Art Imqaddsa, xhud sieket tal-ħajja ta’ Kristu fuq din l-art, imbagħad fl-Eġittu, art magħżula minn bosta rħieb (ara Kontra Rufinu 3,22; Ep. 108,6-14). Fit-386 waqaf Betlehem, fejn, grazzi għall-ġenerożità tan-nobbli Pawla, inbnew monasteru maskili, ieħor femminili u ospizju għall-pellegrini li kienu jmorru l-Art Imqaddsa, “bil-ħsieb fuq Marija u Ġużeppi li ma kinux sabu fejn jieqfu għal ftit” (Ep. 108,14). F’Betlehem baqa’ sal-mewt, u hemm kompla jwettaq attività intensa: ikkummenta l-Kelma ta’ Alla; iddefenda l-fidi, ħadha qatta’ bla ħabel kontra diversi ereżiji; ħeġġeġ lill-monaċi għall-perfezzjoni; għallem il-kultura klassika u Nisranija lill-alljievi żgħażagħ; laqa’ b’qalb pastorali lill-pellegrini li kienu jżuru l-Art Imqaddsa. Miet fiċ-ċella tiegħu, qrib l-għar tat-Twelid, fit-30 ta’ Settembru 419/420.

 

Bil-preparazzjoni letterarja u l-għerf wiesa’ li kellu Ġirolmu seta’ jirrevedi u jittraduċi bosta testi bibliċi: ħidma prezzjuża għall-Knisja Latina u għall-kultura tal-Punent. Fuq il-bażi tat-testi oriġinali fl-Għebrajk u fil-Grieg, u grazzi għall-konfront ma’ verżjonijiet ta’ qabel, hu għamel ir-reviżjoni tal-erba’ Vanġeli fl-ilsien Latin, imbagħad tas-Salterju u ta’ parti kbira mit-Testment il-Qadim. Waqt li żamm quddiem għajnejh l-oriġinal Għebrajk u Grieg, is-Settanta, il-verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim li kienet tmur lura għal qabel il-bidu tal-Kristjaneżmu, u tal-verżjonijiet Latini ta’ qabel, Ġirolmu, megħjun imbagħad minn kollaboraturi oħra, seta’ joffri traduzzjoni aħjar: din hi l-hekk imsejħa Vulgata, it-test “uffiċjali” tal-Knisja Latina, li ġie magħruf bħala tali mill-Konċilju ta’ Trento u li, wara r-reviżjoni riċenti, jibqa’ t-test “uffiċjali” tal-Knisja fl-ilsien Latin. Interessanti nosservaw il-kriterji li żamm magħhom dan il-biblista kbir fl-opra tiegħu ta’ traduttur. Isemmihom hu stess, meta jistqarr li qed jirrispetta mqar l-ordni tal-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa, għax fihom, jgħid, “anki l-ordni tal-kelmiet huwa misteru” (Ep. 57,5), jiġifieri rivelazzjoni. Barra minn hekk jisħaq fuq il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għat-testi oriġinali: “F’każ li tqum diskussjoni bejn il-Latini fuq it-Testment il-Ġdid, dwar in-nuqqas ta’ ftehim fil-qari tal-manuskritti, nirrikorru għall-oriġinal, jiġifieri għat-test Grieg, li fih inkitbet ir-Rabta l-Ġdida. Bl-istess mod għat-Testment il-Qadim, jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn it-testi Griegi u Latini, nirrikorru għat-test oriġinali, l-Għebrajk; hekk dak kollu li jnixxi mill-għajn, nistgħu nsibuh mill-ġdid fin-nixxigħat” (Ep. 106,2). Barra minn hekk, Ġirolmu kkummenta wkoll diversi testi bibliċi. Għalih il-kummentarji għandhom joffru għadd ta’ opinjonijiet, “hekk li l-qarrej prudenti, wara li jkun qara d-diversi tifsiriet u wara li jkun għaraf diversi pariri – li hu jaċċetta jew jiċħad –, jiġġudika hu liema hi l-aktar waħda li jista’ joqgħod fuqha u, bħal espert fit-tisrif tal-flus, jirrifjuta l-munita falza” (Kontra Rufinu 1,16).

 

B’enerġija brillanti ħadha kontra l-eretiċi li kienu qed jikkontestaw it-tradizzjoni u l-fidi tal-Knisja. Wera wkoll l-importanza u l-validità tal-letteratura Nisranija, li issa kienet saret kultura tassew denja li tiġi kkonfrontata ma’ dik klassika: dan għamlu billi niseġ id-De viris illustribus (Il-bnedmin illustri), opra li fiha Ġirolmu jippreżenta l-bijografiji ta’ fuq mitt awtur Nisrani. Kiteb ukoll bijografiji ta’ monaċi, biex flimkien ma’ toroq spiritwali oħra wera l-ideal monastiku; barra dan, ittraduċa diversi opri ta’ awturi Griegi. Fl-aħħar nett, fl-Epistolarju importanti, kapulavur tal-letteratura Latina, Ġirolmu joħroġ bil-karatteristiċi tiegħu ta’ bniedem kolt, ta’ axxeta u ta’ gwida tal-erwieħ.

 

X’nistgħu nitgħallmu aħna minn San Ġirolmu? Qabelxejn jidhirli li nistgħu nitgħallmu nħobbu l-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura Mqaddsa. Jgħid San Ġirolmu: “Min ma jafx l-Iskrittura, ma jafx lil Kristu” (Kummentarju għal Iżaija, prol.). Għalhekk huwa importanti li kull Nisrani jgħix f’kuntatt u djalogu personali mal-Kelma ta’ Alla, mogħtija lilna fl-Iskrittura Mqaddsa. Dan id-djalogu tagħna magħha dejjem għandu jkollu żewġ dimensjonijiet: minn naħa, għandu jkunu djalogu tassew personali, għax Alla jitkellem ma’ kull wieħed u waħda minna permezz tal-Iskrittura Mqaddsa u għandu messaġġ għal kull persuna. Jeħtieġ naqraw l-Iskrittura Mqaddsa mhux bħala kelma tal-imgħoddi, imma bħala Kelma ta’ Alla, indirizzata lilna wkoll, biex infittxu nifhmu xi jrid jgħid lilna l-Mulej. Imma biex ma naqgħux fl-individwaliżmu rridu nżommu quddiem għajnejna li l-Kelma ta’ Alla ngħatatilna proprju biex nibnu l-komunjoni, biex ningħaqdu fil-verità fil-mixja tagħna lejn Alla. Għalhekk, imqar jekk hi dejjem Kelma personali, hija wkoll Kelma li tibni komunitajiet, li tibni lill-Knisja. Għalhekk għandna naqrawha f’komunjoni mal-Knisja ħajja. Il-post ipprivileġġjat tal-qari u tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla hija l-Liturġija, li fiha, biċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma u l-preżenza tal-Ġisem ta’ Kristu fis-Sagrament, inwettqu l-Kelma fil-ħajja tagħna u nagħmluha preżenti fostna. Ma rridu qatt ninsew li l-Kelma ta’ Alla tittraxxendi ż-żminijiet. Il-fehmiet umani jiġu u jmorru. Dak li llum hu modernissmu, għada jkun xiħ għakka. Il-Kelma ta’ Alla, imma, hija Kelma tal-ħajja ta’ dejjem, iġġorr fiha l-eternità, dak li jibqa’ għal dejjem. Meta nġorru fina l-Kelma ta’ Alla, allura nkunu nġorru fina l-etern, il-ħajja ta’ dejjem.

 

U hekk nagħlaq b’kelma ta’ San Ġirolmu lil San Pawlinu ta’ Nola. Fiha l-eseġeta kbir jesprimi sewwasew din ir-realtà, jiġifieri li fil-Kelma ta’ Alla nirċievu l-eternità, il-ħajja ta’ dejjem. Jgħid San Ġirolmu: “Infittxu li nitgħallmu fuq din l-art dawk il-veritajiet li jibqgħu sħaħ anki fis-sema” (Ep. 53,10).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard