Laikos

 

    -    Aktar katekeżi mill-Papa Benedittu XVI dwar personalitajiet kbar tal-Knisja.

 

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Awwissu 2010

 

San Tarċisju

 

Għeżież ħuti,

 

Nixtieq nesprimi l-ferħ tiegħi li ninsab hawn illum fostkom, f’din il-Pjazza, fejn ġejtu kollkom festa għal din l-Udjenza Ġenerali, li qed tara l-preżenza hekk sinifikattiva tal-Pellegrinaġġ Ewropew tal-Abbatini! Għeżież tfal, adolexxenti u żgħażagħ, nagħtikom merħba! Billi l-parti l-kbira tal-abbatini preżenti fil-Pjazza huma ta’ lingwa Ġermaniża, se ndur qabelxejn lejhom u nkellimhom fl-ilsien matern tiegħi.

 

Għeżież abbatini u ħbieb, għeżież pellegrini ta’ lingwa Ġermaniża, merħba hawn f’Ruma! Insellmilkom ilkoll minn qalbi. Magħkom insellem lill-Kardinal Segretarju tal-Istat Tarcisio Bertone; jismu Tarċisju bħall-Patrun tagħkom. Kellkom il-kortesija li tistednuh u hu, li jġorr l-isem ta’ Tarċisju, jinsab kuntent li jista’ jkun hawn fost l-abbatini tad-dinja u fost l-abbatini Ġermaniżi. Insellem lill-għeżież Ħuti fl-Episkopat u fis-Saċerdozju, u lid-Djakni, li xtaqu jieħdu sehem f’din l-Udjenza. Nirringrazzja minn qalbi lill-Isqof Awżiljarju ta’ Basel, Mons. Martin Gächter, President taċ-“Cœtus Internationalis Ministrantium”, għall-kelmtejn ta’ tislima li għamilli, għad-don kbir tal-istatwa ta’ San Tarċisju u għax-xalla li tani. Nirringrazzjah, f’isimkom, anki għall-ħidma kbira li qed iwettaq fostkom, flimkien mal-kollaboraturi u dawk li għamlu possibbli din il-laqgħa ta’ ferħ. Ir-radd il-ħajr tiegħi imur ukoll għall-promuturi Żvizzeri u lil dawk li ħadmu b’bosta modi biex issir l-istatwa ta’ San Tarċis.

 

Ġejtu f’għadd kbir! Diġà tirt fuq Pjazza San Pietru bil-ħelikopter u rajt l-ilwien kollha u l-ferħ kollu, li hawn f’din il-Pjazza! U hekk intom mhux biss qed toħolqu ambjent ta’ festa fil-Pjazza, imma iktar qed tferrħuli qalbi! Grazzi! L-istatwa ta’ San Tarċisju waslet għandna wara pellegrinaġġ twil. F’Settembru 2008 ġiet ippreżentata fl-Iżvizzera, fil-preżenza ta’ 8,000 abbati: żgur li xi wħud minnkom kienu preżenti hemm. Mill-Iżvizzera għaddiet il-Lussemburgu sa ma waslet l-Ungerija. Illum qed nilqgħuha b’festa, bil-ferħ li nistgħu nsiru nafu aħjar lil din il-figura tal-ewwel sekli tal-Knisja. Imbagħad l-istatwa – kif diġà qal Mons. Gächter – se titqiegħed fil-Katakombi ta’ San Kallistu, fejn San Tarċisju ġie midfun. Dak li nawgura lil kulħadd hu li dak il-post, jiġifieri l-Katakombi ta’ San Kallistu u din l-istatwa, jistgħu jsiru punt ta’ riferiment għall-abbatini u għal dawk li jixtiequ jimxu wara Ġesù iżjed mill-qrib fil-ħajja saċerdotali, reliġjuża u missjunarja. Ilkoll nistgħu nħarsu lejn dan iż-żagħżugħ qalbieni u sod, u nġeddu l-impenn tagħna ta’ ħbiberija mal-Mulej innifsu biex nitgħallmu ngħixu dejjem miegħu, fil-mixja li turina l-Kelma tiegħu u x-xhieda ta’ tant qaddisin u martri, li tagħhom, permezz tal-Magħmudija, sirna aħwa.

 

Min kien San Tarċisju? Ma tantx nafu. Ninsabu fl-ewwel sekli tal-istorja tal-Knisja, biex inkunu preċiżi, fit-tielet seklu; jirrakkuntaw li kien żagħżugħ li kien jiffrekwenta l-Katakombi ta’ San Kallistu hawn Ruma u kien fidil ħafna lejn l-impenji Nsara tiegħu. Kien iħobb ħafna l-Ewkaristija u, minn bosta elementi, nikkonkludu li, aktarx, kien akkoltu, jiġifieri abbati. Kienu snin fejn l-Imperatur Valerjanu kien qed jippersegwita bl-aħrax lill-Insara, li kienu mġiegħla jiltaqgħu bil-moħbi fid-djar privati jew, xi drabi, anki fil-Katakombi, biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, jitolbu u jiċċelebraw il-Quddiesa. Anki d-drawwa li jwasslu l-Ewkaristija lill-ħabsin u lill-morda kienet bdiet issir dejjem iżjed perikoluża. Jum wieħed, meta s-saċerdot staqsa, kif kien jagħmel is-soltu, min kien lest iwassal l-Ewkaristija lil aħwa oħra li kienu qed jistennewha, resaq iż-żagħżugħ Tarċisju u qallu: “Ibgħat lili”. Dak it-tfajjel kien jidher għadu żgħir ħafna għal servizz hekk impenjattiv! “Iż-żgħożija tiegħi”, qal Tarċisju, “tkun l-aħjar kenn għall-Ewkaristija”. Is-saċerdot, konvint, fdalu dak il-Ħobż prezzjuż u qallu: “Tarċisju, ftakar li l-kura dgħajfa tiegħek qed tiġi fdata b’teżor tas-Sema. Evita t-toroq l-aktar iffullati u tinsiex li l-ħwejjeġ qaddisa m’għandhomx jintremew f’ħalq il-klieb u lanqas il-ġawhar f’ħalq il-qżieqeż. Lest tħares b’fedeltà u fis-sod il-Misteri Mqaddsa?”. “Lest immut”, wieġeb deċiż Tarċisju, “pjuttost milli nitlaqhom minn idejja”. Fit-triq iltaqa’ ma’ xi ħbieb, li resqu lejh u stednuh jissieħeb magħhom. Meta weġibhom le, huma – li kienu pagani – bdew jissuspettaw u jinsistu iktar sa ma ntebħu li hu kien qed iross xi ħaġa ma’ sidru u li donnu kien qed jiddefendiha. Ippruvaw jaħtfuhielu imma għalxejn; il-ġlieda bdiet tiqliel dejjem iżjed, fuq kollox meta saru jafu li Tarċisju kien Nisrani; bdew jagħtuh daqqiet b’saqajhom, jixħtulu l-ġebel, imma hu ma ċediex. Nofsu mejjet, ġie meħud għand is-saċerdot minn wieħed uffiċjal Pretorjan jismu Kwadratu, li anki hu, bil-moħbi, kien sar Nisrani. Wasal għandu bla ħajja, imma marsusa ma’ sidru kien għadu qed iġorr biċċa drapp bl-Ewkaristija fiha. Ġie midfun dritt fil-Katakombi ta’ San Kallistu. Il-Papa Damasu kiteb skrizzjoni għal fuq il-qabar ta’ San Tarċisju, li tgħid li ż-żagħżugħ miet fis-sena 257. Il-Martiroloġju Ruman jagħtina d-data tal-15 ta’ Awwissu u fl-istess Martiroloġju nsibu wkoll tradizzjoni orali sabiħa, li tgħid li fuq il-ġisem ta’ San Tarċisju ma nstabx is-Sagrament Imqaddes, la f’idejh, lanqas ġo ħwejġu. Ġie spjegat li l-partikola kkonsagrata, li l-martri ċkejken iddefenda b’ħajtu stess, kienet saret laħam minn laħmu, u għalhekk intgħaġnet ma’ ġismu stess, ostja waħda safja offruta lil Alla.

 

Għeżież abbatini, ix-xhieda ta’ San Tarċisju u din it-tradizzjoni sabiħa jgħallmuna l-imħabba profonda u l-qima kbira li għandu jkollna lejn l-Ewkaristija: hija ġid prezzjuż, teżor li l-valur tiegħu ma jitkejjilx, hija l-Ħobż tal-ħajja, hija Ġesù nnifsu li jsir ikel, sostenn u qawwa għall-mixja tagħna ta’ kuljum u triq miftuħa lejn il-ħajja ta’ dejjem; hija l-ogħla don li Ġesù ħallielna.

 

Indur fuqkom hawn preżenti u, permezz tagħkom, fuq l-abbatini kollha tad-dinja! Aqdu b’ġenerożità lil Ġesù preżenti fl-Ewkaristija. Hija ħidma importanti, li tagħtikom li tkunu partikularment qrib tal-Mulej u li tikbru fi ħbiberija vera u profonda miegħu. Ħarsu b’għira qaddisa din il-ħbiberija fil-qalb tagħkom kif għamel San Tarċisju, dejjem lesti li timpenjaw ruħkom, li tissieltu u li tagħtu ħajjitkom biex Ġesù jasal għand il-bnedmin kollha. Intom ukoll wasslu lit-tfal tamparkom id-don ta’ din il-ħbiberija, bil-ferħ, b’ħeġġa, bla biża’, biex jistgħu jħossu li intom tafu dan il-Misteru, li hu veru u li tħobbuh! Kull darba li tersqu qrib l-altar, għandkom ix-xorti li tassistu għall-ġest kbir ta’ mħabba ta’ Alla, li jibqa’ jrid jingħata lil kull wieħed u waħda minna, ikun qrib tagħna, jgħinna, jagħtina l-qawwa biex ngħixu tajjeb. Bil-konsagrazzjoni – dan tafuh – dik il-biċċa ħobż żgħira ssir il-Ġisem ta’ Kristu, dak l-inbid jinbidel fid-Demm ta’ Kristu. Intom xortikom tajba li tistgħu tgħixu mill-qrib dan il-misteru tal-għaġeb! Wettqu bi mħabba, b’devozzjoni u b’fedeltà d-dmir tagħkom ta’ abbatini; tidħlux il-knisja għaċ-Ċelebrazzjoni b’mod superfiċjali, imma ħejju qalbkom għall-Quddiesa! Meta tgħinu lis-saċerdoti tagħkom fil-qadi tal-altar tkunu qed tagħtu sehemkom biex Ġesù jkun iktar qrib, b’mod li l-persuni jistgħu jħossu u jintebħu iktar: hu jinsab hawn; ikkollaboraw biex hu jistgħu jkun iżjed preżenti fid-dinja, fil-ħajja ta’ kuljum, fil-Knisja u kullimkien. Għeżież ħbieb! Intom qed tnewlu lil Ġesù jdejkom, ħsibijietkom, ħinkom. Hu mhux sa jonqos milli jħallaskom lura, u jagħtikom il-veru ferħ u jurikom fejn hu l-aktar ferħ sħiħ. San Tarċisju wriena li l-imħabba tista’ twassalna saħansitra għad-don tal-ħajja meta fin-nofs hemm il-ġid veru, il-veru ġid, il-Mulej.

 

Minna aktarx mhux mitlub il-martirju, imma Ġesù qed jitlobna l-fedeltà fil-ħwejjeġ iż-żgħar, il-ġabra interjuri, il-parteċipazzjoni interjuri, il-fidi tagħna u l-isforz li nżommu dan it-teżor preżenti fil-ħajja ta’ kuljum. Qed jitlobna l-fedeltà fil-ħidmiet ta’ kuljum, ix-xhieda ta’ mħabbtu, billi mmorru l-knisja b’konvinzjoni interjuri u għall-ferħ tal-preżenza tiegħu. Hekk nistgħu naqsmu wkoll ma’ ħbiebna li Ġesù hu ħaj. F’dan l-impenn, ħa tgħinna l-interċessjoni ta’ San Ġwann Marija Vianney, li llum hi t-Tifkira liturġika tiegħu, ta’ dan il-Kappillan umli Franċiż, li bidel komunità ċkejkna u hekk radd lid-dinja dawl ġdid. L-eżempju ta’ San Tarċisju u San Ġwann Marija Vianney jimbuttana ta’ kuljum biex inħobbu lil Ġesù u nwettqu r-rieda tiegħu, kif għamlet il-Verġni Marija, fidila sal-aħħar lejn Binha. Grazzi mill-ġdid lil kulħadd! Il-Mulej iberikkom f’dawn il-jiem u nawguralkom vjaġġ tajjeb lura lejn pajjiżkom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard