L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

Il-Ftuħ ta' bibien ġodda fis-Santwarju Ħniena Divina, San Pawel tat-Tarġa.

 

"Minna jiddependi li aħna nimbuttaw il-bieb biex nidħlu u niltaqgħu ma’ Ġesù"

L-Arċisqof Charles Scicluna

17 ta' Lulju 2016

"Din il-ġimgħa smajna artisti jiċċelebraw il-libertà li jkasbru lil Alla, u llum għandna artisti li qegħdin hawnhekk li bix-xogħol tagħhom iridu jfaħħruh  ..."

Monsinjur Arċisqof Charles Scivluna, 17 ta' Lulju 2016

Nhar il-Ħadd 17 ta' Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna inawgura u bierek il-bibien ġodda tas-Santwarju Ħniena Divina, f'San Pawl Tat-Tarġa, in-Naxxar.

Isma d-diskors tal-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna [...]

L-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza numeruża tagħkom. Jiena nixtieq noffri ftit riflessjonijiet mhux biss fuq dak li qed niċċelebraw illejla imma anke fuq is-sinifikat profond tiegħu.

Illejla esperjenzajna sintesi ta’ diversi espressjonijiet tal-arti - qegħdin niċċelebraw ix-xogħol straordinarjament sabiħ ta’ Austin, il-mużika tal-kor u tas-solisti u l-espressjoni poetika tal-Professur Friggieri.

F’din il-ġimgħa partikolari, din is-sintesi tal-arti hija sinifikattiva ħafna. Smajna artisti jiċċelebraw il-libertà li jkasbru lil Alla, u llum għandna artisti li qegħdin hawnhekk li bix-xogħol tagħhom iridu jfaħħruh. Din il-ġimgħa hija sintesi tal-kultura dominanti li timxi bil-paradossi.

Jiena nixtieq nirringrazzja lill-artisti li llejla wrewna espressjoni għolja ta’ vera libertà, il-libertà li tuża’ t-talent tiegħek biex, bħalma qal il-Kanonku Fr Michael, jagħtuna messaġġ profond. Messaġġ li fl-istess ħin huwa messaġġ ta’ tama, mhux messaġġ distruttiv li jkasbar, jivvilifika u jieħu pjaċir iweġġa’ s-sentimenti ta’ ħaddieħor, imma huwa messaġġ li jurina togħma, għalkemm żgħira, tat-Traxxendent.

Nixtieq nirringrazzja lill-artisti, lill-iskulturi, lill-mużiċisti, lill-poeti tal-preżenza tagħhom. L-arti kontemporanja qed jinfetħilha bieb illum biex tgħaddi u ssib it-tama l-ġdida. Jiena nistedinha hi li kisbet il-libertà li tkasbar - jekk tista’ ssejħilha vera libertà - li ma tgħaddix min dak is-sqaq mudlam, imma l-arti tuża’ l-arti tagħha biex tibni u mhux biex tkisser, biex tfaħħar u mhux biex tkasbar. Il-ġudizzji fuq il-politiċi ma nagħmluhx aħna, tagħmlu l-istorja.

 

It-tieni riflesjoni li xtaqt nagħmel huwa fuq dawk il-par idejn stampati - sirna nafu li huma s-signature ta’ Fr Michael, ma ninsewha qatt - li jirraprezentaw ukoll lil kull wieħed u waħda minna. L-ewwel nett nieħu l-opportunità, la għedna li huma l-idejn ta’ Fr Michael, għax inti rringrazzjajt lil kulħadd u jien irrid nirringrazzjawk tal-leadership tiegħek għax aħna nafu kif sibtu dan il-post u nafu wkoll kif inhu llum. U jekk hemm oċean ta’ ħniena bejn Alla u l-umanità, bejn dak li kien u dak li hu dal-post, hemm oċean ta’ intrapriża u ta’ kuraġġ li għandha isem u kunjom: Fr Michael Agius.

Jiena nixtieq - ippermettili Austin - nikkumenta ftit għax inti taf li la wellidt l-opra tiegħek, għandha ħajja li ma tiddependix minnek, inkluż l-interpretazzjoni. Ma naħsibx li tiddejjaq li l-opra tiegħek ikollha ħafna interpretazzjonijiet, imma waħda milli għamilt jien, meta qiegħed fiżikament quddiem l-arti tiegħek, Austin, hija l-fatt li dawk l-idejn li inti ridt stampati fuq is-sodda tal-oċean tal-ħniena, jikkorrispondu għall-idejn ta’ Ġesù li qed jistiednu. Hemm par idejn hemm fuq li huma ta’ Ġesù Salvatur li qed jgħidulna: “ejjew għandi, intom ilkoll li intom imħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħħkom”. Dawk l-idejn huma r-risposta tagħna, li qed jimbuttaw il-bieb biex nidħlu.

Par idejn oħra għax tal-Mulej huma wkoll bħal tagħna għax sar bniedem u aħna li nużaw l-idejn tal-laħam tagħna, nidħlu mill-bieb biex insiru bħalu: ulied Alla. Għalhekk id-Divinità tiltaqa’ mal-umanità, f’dan l-oċean ta’ ħniena u mħabba, imma r-risposta tal-bniedem li hija umana, tħalli stampa, tiffossilizza fuq il-wiċċ tal-oċean, imma tittrasforma ruħha għaliex inti tħalli l-istampa tiegħek li mhijiex fiżika, hija sempliċiment dak li ħallejt, għax l-id ormaj se tagħmel xi ħaġa oħra u allura, għalkemm hemm il-ġisem li ħalla l-impronta, il-ġisem m’għadux hemm.

 

Hemm ukoll il-misteru tat-Traxxendenza, dik l-impronta tal-idejn li saret mill-laħam u l-għadam imma issa hija impronta biss. L-immaġini li għażilt hija sfida wkoll għaliex peress li qegħdin fuq blata sedimentarja li mimlija fossili anke ġurassiċi, għandna l-periklu li l-fidi tagħna ssir fossila. Jiena t-talba tiegħi hija li meta jiġu nies u ġenerazzjonijiet warajna u dak il-bieb tal-bronż jibqa’ hawn imma aħna ma nkunux hawn, jibqa’ biss l-impronta tagħna, ma jgħidux: ‘darba kien hawn poplu li kien jemmen f’Ġesù Kristu’. Dawk il-par idejn ifakkruni fil-mistoqsija li għamel Ġesù fl-Evanġelju: “meta jiġi bin il-bniedem, taħsbu li se jsib il-fidi?”. Hija waħda mill-mistoqsijiet li Ġesù għażel ma jirrispondix. Għax ma kienx jaf ir-risposta? Le, għaliex ir-risposta tiddependi minna, għax il-fidi ma jimponihielekx. Il-Mulej, jiftaħ idejh biex jilqgħek, jgħannqek, iħobbok, bl-idejn ippjagati tiegħu, l-idejn li għandhom il-marka tal-imsiemer anke fl-irxoxt tiegħu. Ir-risposta għal dik l-impronta tal-idejn  hija li aħna nimbuttaw il-bieb biex nidħlu u niltaqgħu ma’ Ġesù, tiddependi minna.

 

Jiena nara wkoll sinjal ta’ tama fil-fatt li fil-ħamsin protagonista li għażilt għal kull damma tal-kuruna tal-ħniena, għażilt iċ-ċittadini tal-futur: dawn it-trabi minn sentejn l-isfel. Ifhem x’għamilt b’idejk. Inti għamilt portrait gallery għax Fr Michael spjegali li dawk huma t-trabi vera, anke bil-gażaża hemm wieħed għoġobni dak tal-gażaża għaliex we always have our needs even when we grow. Hemm tarbija tibki iżjed mill-oħra, bħalna wkoll, imma jekk ma tibkix, sewwa? Anke meta tkun kbir - dawn huma kollha ċittadini li se jikbru. Jiena nawgura li jikbru fil-fidi, nawgura li dawk il-ħamsin uċuħ tat-trabi jgħaddu wkoll mill-bieb fejn jimbuttaw u jilqgħu l-istedina ta’ Ġesù. Imma nafu wkoll li d-dinja, bħalma għamel Erodi għat-trabi ta’ Betlehem minn sentejn l-isfel, trid tikkanċellahom. Inti tajthom futur fil-bronż, aħna nixtiequ nagħtuhom futur, fil-kultura ta’ akkoljenza, fil-kultura li tibqa’ tħares lejn it-Traxxendent, mhux bħalma xi ħadd qal:  ‘confabulations of a sick mind’  imma ‘aspirations of a human heart’.

 

Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lill-komunità li tinġabar hawn biex titlob. Nirringrazzjakom talli dan l-ispazju bil-preżenza tagħkom huwa spazju tal-Knisja, mhux biex nipposseduh imma biex niċċelebraw li aħna, minkejja d-dgħufijiet tagħna, qegħdin infittxu, għandna għatx kbir għall-Ħniena Divina, dik il-kelma: ‘jiena nafda fik’. Meta inti tafda tkun iżjed faċli tħobb, iżjed faċli tobdi, iżjed faċli ssegwi lil dak li jkun.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Santa Fawstina biex tgħallimna hi li tatna din il-profezija ta’ mħabba għas-seklu għoxrin, wieħed u għoxrin u l-kumplament, nitolbuha biex timla l-qalb tagħna b’dan l-għatx għall-ħniena ta’ Ġesù. L-oċean li hi tkellmet dwaru u li ispiraha bih Ġesù stess, isir mhux biss tama għal ġenerazzjonijiet futuri imma wkoll ħerqa biex aħna npoġġu l-pala ta’ jdejna fuq il-bieb, nimbuttawh u niftħu għax Ġesù huwa l-Bieb, Ġesù huwa t-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14, 6). Huwa r-Ragħaj bħalma qalilna Oliver, huwa dak li jagħti ħajtu għall-merħla, għalhekk huwa ir-Ragħaj it-Tajjeb (Ġw 10, 11), huwa Ragħaj attraenti, huwa Ragħaj sabiħ.

Nirringrazzjaw lil Alla li għandna nies bħal Austin, għandna nies bħas-solisti, għandna nies bħal Oliver li bl-arti tagħhom, bil-poeżija tagħhom, jagħtuna togħma sabiħa tal-ġenna. Kunu mberkin.


Isma' d-diskors tal-Kanunku Fr Michael Agius - Rettur tas-Santwarju Ħniena Divina [...]