Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku

 AMORIS LAETITIA,

Il-Ferħ tal-Imħabba

Kitba ta' Fr Reuben Deguara

 

 

1. ĦARSA ĠENERALI
 
Wara l-Misericordiae Vultus, il-Papa Franġisku, nhar it-8 ta’ April 2016, tana rigal ieħor: l-eżortazzjoni appostolika Amoris Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba). Inkitbet kollha mill-Papa nnifsu wara t-temmija taż-żewġ sessjonijiet tas-sinodu dwar il-familja li sar fl-2015 u tikkumplimenta Il-Misericordiae Vultus fl-elementi qawwija ta’ ħniena u ta’ maħfra. F’Il-Ferħ tal-Imħabba l-Papa juri li l-Knisja hi omm, li tagħder, tifhem, tissaporti u hi lesta, b’idejha miftuħa, biex tħaddan fiha lill-familji kollha, għax il-ferħ u l-paċi huma possibbli.
 
L-eżortazzjoni tibda hekk: “Il-ferħ tal-imħabba, li tingħax fil-familja, hu wkoll il-ferħ tal-Knisja.” Fiha l-Papa jifhem is-sitwazzjoni attwali tal-familja, u dan jagħmlu b’saqajh mal-art, għaliex jaf bid-diffikultajiet u l-isfidi li tiffaċċja l-familja. Huwa jħares b’ottimiżmu lejn dak li l-Knisja tista’ toffri lill-familji. Jaf li ħafna nies ma jilħqux il-livell ideali u ħafna huma dawk li mhumiex jgħixu kif il-Knisja tistenna miż-żwieġ. Għalhekk jgħidilna li l-attitudni tal-Knisja trid tkun bħal ta’ “sptar fi gwerra, disinjata biex iddewwi lill-feruti”. Il-Papa jgħid li kuħadd għandu jħossu parti mill-Knisja u għalhekk, anke min ilu mbiegħed mis-Sagramenti, għandu jiġi nkuraġġit biex gradwalment jerġa’ jkun sehem fil-komunita’ nisranija.”
 
It-ton tal-Papa f’Il-Ferħ tal-Imħabba hu wieħed ta’ tenerezzza, tant li din il-kelma nsibuha tnejn u għoxrin darba fl-eżortazzjoni. Il-Papa jkellimna b’mod familjari, bħal wieħed li jinsab viċin tan-nies u jagħmel mistoqsijiet tipiċi tal-ħlewwa tiegħu. Fl-istess waqt jurina d-dmirijiet tagħna lejna nfusna u fl-imħabba lejn l-oħrajn.  
 
Din l-eżortazzjoni hi ħafna itwal mill-Misericordiae Vultus. Fiha 325 paragrafu li fihom il-Papa jidħol ħafna fil-fond dwar suġġetti marbutin mal-familja, mar-relazzjoni bejn il-koppja, iż-żwieġ, is-sesswalità, it-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal. Iħeġġiġna ħalli nsibu ħin biex naqraw l-eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba, u naqrawha skont is-sitwazzjoni partikulari li ninsabu fiha, ta’ koppji, ta’ persuni mhux miżżewġa jew ta’ nies fil-pastorali u jqiegħed il-familja u l-imħabba fiċ-ċentru tal-Knisja, li hi “l-familja tal-familji”. Matul l-eżortazzjoni, il-Papa jerġa’ jippreżentalna l-wiċċ ta’ Alla, li ma jikkundannax imma li jrid jiġi “fuq il-mejda magħna” biex bi djalogu jagħmel eħfef il-mixja tagħna lejh, kuljum u dejjem aħjar.


 
2. INĦARSU B’UMILTÀ LEJN IR-REALTÀ TAL-FAMILJA
 
Fil-ħarġa tal-Flimkien ta’ Diċembru 2016 għamilna introduzzjoni għall-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Amoris Laetitia, Il-Ferħ tal-Imħabba. Fil-Flimkien tas-sena li qegħdin fiha se nagħtu titwila ħafifa lejn xi aspetti ta’ din l-ittra sabiħa.
 
Il-Papa Franġisku, persuna b’riġlejh mal-art, jurina li jifhem is-sitwazzjoni attwali tal-familja u għalhekk iħares lejn l-isfidi serji li l-familja tħabbat wiċċha magħhom u li l-kultura ta’ żmienna qiegħda dejjem iżżid. Jeżisti individwaliżmu esaġerat li qed jagħmilha diffiċli li persuna tagħti lilha nfisha b’mod ġeneruż lil persuna oħra. Filwaqt li nibżgħu mis-solitudni u nfittxu l-protezzjoni u l-fedeltà, ma nixtiqux ninqabdu f’relazzjoni li ttellifna mis-sodisfazzjon tax-xewqat personali tagħna. Dan qed ixejjen ir-rabtiet familjari u jwassal biex il-membri tal-familja jsiru gżira għalihom; jibdew ifittxu l-gost personali, ma jittollerawx lil xulxin, isiru arroganti u sa jaslu għall-vjolenza.
 
Realtà oħra fil-kultura ta’ żmienna hi l-ħeffa li biha xi wħud jgħaddu minn relazzjoni affettiva għal oħra. Għal ħafna l-imħabba hi bħal social network fejn tista’ tikkonnettja u tiskonnettja skont il-pjaċir tal-konsumatur. L-impenn fit-tul iqanqal biża’, il-ħin liberu sar ossessjoni u l-ħin kollu nagħmlu l-kalkoli bejnietna. It-tifrik fil-familja spiss iseħħ bejn adulti li jfittxu l-awtonomija minn xulxin u jiċħdu l-ideal nobbli li jibqgħu flimkien sal-aħħar ħalli jieħdu ħsieb xulxin u jwieżnu lil xulxin.
 
Hi r-realtà ta’ żmienna li ż-żgħażagħ jaqtgħu qalbhom milli jiffurmaw familja tant li f’xi pajjiżi ħafna żgħażagħ ikollhom jissospendu ż-żwieġ minħabba l-qagħda ekonomika tagħhom, l-istudju jew in-nuqqas ta’ xogħol. L-eżempji ta’ madwarhom u l-effett tal-ideoloġiji li jxejnu l-familja u l-esperjenza tal-falliment ta’ koppji oħra huma wkoll kawża ta’ skuraġġiment għaż-żgħażagħ li qed jiġu mirbuħa mill-attrazzjoni tal-konvivenza u qed iħarsu lejn ir-relazzjoni biss bħala ħaġa emottiva u romantika.
 
Il-Papa jelenka sfidi oħra tal-familja. Huma ħafna t-tfal li qed jitwieldu barra miż-żwieġ u l-abbuż fuq it-tfal hu realtà skandaluża. Isemmi l-immigrazzjoni sfurzata tal-familji, frott tal-gwerra, tal-persekuzzjoni u tal-faqar. Il-faqar estrem wassal lil xi familji biex saħansitra jbigħu lil uliedhom għall-prostituzzjoni jew it-traffikar tal-organi.
 
Quddiem dan kollu l-ħidma tal-Knisja mhix li tieħu post il-kuxjenzi imma li tifformahom biex il-persuni jagħmlu l-aħjar għażliet. Tkun qed tagħmel bħal Kristu li qatt ma naqas li bil-ħniena tiegħu jkun qrib tal-persuni dgħajfa, bħas-Samaritana u l-mara adultera.
 
 
 
3. IL-ĦARSA TA’ ĠESÙ FUQ IL-VOKAZZJONI TAL-FAMILJA
 
Fl-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia (Il-Ferħ tal-Imħabba), hemm miġbur fil-qosor it-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja. Il-Knisja tgħallem li Alla ħalaq kollox tajjeb, li ż-żwieġ hu “don” mill-Mulej (1 Kor 7,7), li għandu jingħata l-ġieħ li jixraqlu (1 Kor 7, 5) u li hu rabta li ma tinħallx.
 
Iż-żwieġ ġie inawgurat fil-ħolqien u sab it-tifsira tiegħu minn Ġesù Kristu, li mbagħad ġiet imħabbra mill-Knisja li hu waqqaf. L-eżempju ta’ Ġesù hu mudell għall-Knisja. Hu beda l-ħajja pubblika tiegħu bis-sinjal ta’ Kana, imwettaq f’festa ta’ tieġ. Qasam il-ħbiberija tal-ħajja ta’ kuljum mal-familja ta’ Lazzru u ta’ ħutu u mal-familja ta’ Pietru. Sema’ l-biki tal-ġenituri għal uliedhom, bħal fil-każ tal-armla ta’ Najm, tal-familja ta’ Ġajru u tal-mara Kananea.
 
Tiġi quddiem għajnejna l-familja ta’ Nazaret; it-tħabbira tal-anġlu, l-iva ta’ Marija u ta’ Ġużeppi, li ta l’isem lil Ġesù u ħa ħsieb Marija; il-festa tar-ragħajja meta waslu fl-għar ta’ Betlem, il-ħarba lejn l-Eġittu, il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju u l-ġrajja ta’ meta Ġesù ntilef fit-tempju. Hemm ukoll it-tletin sena twal li Ġesù għadda fis-satra tad-dar mal-familja tiegħu, jaħdem bħal irġiel oħra ta’ żmienu.
 
Fuq din il-kultura ta’ familja skont il-qalb t’Alla, il-Knisja tgħallimna li ż-żwieġ mhuwiex ċerimonja soċjali li hi vojta mill-impenn, mid-dedikazzjoni u mis-sagrifiċċju. Hu sinjal tar-rabta ta’ Kristu mal-Knisja. Hu vokazzjoni, għax hu tweġiba għas-sejħa tar-raġel u tal-mara li jgħixu f’imħabba bħal dik bejn Kristu u l-Knisja. Għalhekk hemm bżonn ħafna preparazzjoni meta l-għarajjes jaslu għaż-żwieġ tagħhom.
 
Iż-żwieġ hu rigal lil xulxin. Meta jilqgħu lil xulxin bil-grazzja ta’ Kristu, l-għarajjes li waslu għaż-żwieġ iwiegħdu li se jingħataw għalkollox għal xulxin, bil-fedeltà, u li dan l-impenn se jeħduh bis-serjetà. Dan hu possibbli bl-għajnuna tal-grazzja tas-Sagrament.
 
Kristu jiġi jiltaqà mal-għarajjes fis-Sagrament, jagħtihom il-qawwa li jimxu warajh ukoll meta l-ħajja tibda tkun iebsa, jerfagħhom meta jaqgħu, jgħinhom jaħfru lil xulxin u jagħtihom il-kuraġġ biex jaslu li joqogħdu għal xulxin.
 
Biż-żwieġ Nisrani, Alla jagħti lill-għarajjes il-ferħ tal-imħabba f’din id-dinja, li hu t-tħabbira tal-ferħ tat-“tieġ tal-Ħaruf”, jiġifieri l-ferħ ta’ meta Ġesù jilqa’ lilna lkoll fil-ferħ tal-Ġenna.



 
4. PARIRI MILL-GĦANJA TAL-IMĦABBA
 
Il-Papa Franġisku jieħu waħda waħda l-kwalitajiet tal-imħabba kif isemmihom San Pawl u jagħtina pariri li jgħinu biex ikollna l-għaqda, il-paċi u l-ferħ fil-familji tagħna.
 
L-imħabba tieħu paċenzja. Dan ma jfissirx li nħallu lil min jagħmel bina li jrid, bħallikieku aħna xi oġġett imma lanqas li nistennew li dejjem isir dak li rridu aħna. Tassew li fir-relazzjonijiet tagħna nsibu li mhux kollox kif konna ħsibna; il-karattru tal-oħrajn jista’ jdejjaqna, l-ideat jistgħu ma jaqblux ma tagħna, imma jrid jibqa’ fina s-sens ta’ mogħdrija. Kliemna għandu jkun bil-kalma, ukoll meta nkunu se nitilfu l-paċenzja.
 
L-imħabba ma tgħirx. Fil-familja rridu napprezzaw sinċerament lil xulxin u naċċettaw il-fatt li kull wieħed u waħda għandhom ħiliet u talenti differenti. Noqogħdu attenti li, minħabba l-għira, ma nixtiqux id-deni lill-oħrajn, forsi anke dawk qrib tagħna. Kulħadd għandu d-dritt li jkun kuntent, u għalhekk għandna nifirħu meta xi ħadd li nafu jkun għaddej minn żmien tajjeb.
 
L-imħabba ma titkabbarx. Issib min jagħtik l-impressjoni li jaf kollox. Imma min iħobb, jibqa’ lura milli jitkellem fuqu nnifsu, jaf fejn hu postu u ma jippretendix li jkun dejjem fiċ-ċentru. L-umiltà, min-naħa l-oħra, hi virtù sabiħa fil-familja, fejn ma tirbaħx l-idea ta’ min hu l-aqwa u ma ssirx kompetizzjoni ta’ min hu l-aktar intelliġenti, għax dan inaqqas l-imħabba.
 
L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq. Hawn tidħol l-imġiba fil-ħajja ta’ kuljum. Meta niġu biex nidħlu fil-ħajja ta’ persuna oħra, bħal fiż-żwieġ, dan jitlob delikatezza li ġġib fiduċja u rispett. Il-ġesti tagħna jridu jkunu ħelwin, b’manjieri tajba, bi kliem xieraq u b’kortesija. Dawn huma sinjali ta’ mħabba bi stil Nisrani.
 
L-imħabba ma tfittixx l-interessi tagħha. Li nħobbu lilna nfusna hi ħaġa tajba. Imma l-vera mħabba tfittex aktar li tħobb milli tiġi maħbuba. Mhux dan hu li jfittxu l-ġenituri fl-imġiba ma’ wliedhom? Irid ikun hemm ġenerożità li biha nkunu nistgħu nagħtu b’xejn u sal-aħħar. Dan jgħina biex, kif jgħid il-Papa, qatt ma nagħlqu l-ġurnata bla ma nagħmlu l-paċi fil-familja.
 
L-imħabba kollox taħfer. Meta xi ħadd iweġġagħna, tkun ħaġa sabiħa li naħfrulu jew naħfrulha, imma din ħadd ma jgħid li hi ħafifa. Bil-ħsieb li l-imħabba ta’ Alla hi bla kundizzjoni, inkunu nistgħu nħobbu lil hemm minn kull ħaġa u, għalkemm bi tbatija, jirnexxielna naħfru.
 
 
 
 
5. L-IMĦABBA DDEWWAQNA L-FERĦ TAL-ĠENNA
 
F’din l-eżortazzjoni, il-Papa Franġisku jfakkar fix-xena ħelwa tal-film Il-Festa ta’ Babette. Babette, mara żagħżugħa, kienet ħarbet minn Franza minħabba r-Rivoluzzjoni Franċiża u marret f’villaġġ tas-sajjieda fid-Danimarka. Laqgħuha żewġ aħwa nisa, ulied qassis twajjeb li kien imexxi komunità b’regoli stretti ħafna. Darba minnhom, biex tferraħ lin-nies, Babette għamlet ikla kif kienet issajjar f’Pariġi bħala koka f’ristorant ewlieni. Il-Papa jsemmi kif Babette, wara din l-ikla, irċeviet tgħanniqa rikonoxxenti kif ukoll din l-espressjoni sabiħa: “Kemm għad jifirħu bik l-anġli.”
 
Meta naraw lill-oħrajn jifirħu u jgawdu minħabba fina, inħossu fina xi ftit mill-Ġenna. Għalina li nemmnu, il-ferħ tal-miżżewġin irid ikun mibni fuq l-imħabba li tgħaqqadna ma’ Alla. Hu ferħ li jibqa’, differenti minn dak imqanqal mill-vanità ta’ min jaħseb fih innifsu u jinsa lill-oħrajn. Hu l-ferħ ta’ min iħobb tassew u li jifraħ bil-ġid tal-maħbub jew tal-maħbuba tiegħu. Hu sabiħ meta, bħal Babette fil-film, infittxu l-ġid tal-persuni l-oħra, u dan jgħodd ħafna bejn l-koppja miżżewġa. Il-ferħ li jiġi mill-imħabba vera f’din id-dinja jkompli fil-Ġenna.
 
Iż-żwieġ għandu l-karatteristiki kollha ta’ kif għandha tkun l-ikbar ħbiberija. Waħda minnhom hi li żewġ persuni jesprimu li se jibqgħu jinħabbu għal ħajjithom kollha. L-imħabba intima bejn ir-raġel u l-mara hi ta’ valur speċjali u qaddis. Iż-żwieġ fih ukoll wegħda formali li tesprimi xewqa għal stabbiltà li tgħin biex żewġ persuni jkomplu jibnu ħajjithom flimkien.
 
L-imħabba bejn koppja miżżewġa tista’ tisfuma meta nċedu għall-kultura moderna li l-affarijiet huma proviżorji, idumu għal żmien limitat u li nistgħu nibdlu l-mod ta’ ħajja tagħna skont kif jaqblilna. Din il-kultura twassal biex mal-ewwel diffikultà nwarrbu l-impenn li dħalna għalih b’tant preparazzjoni. Imma għal koppja li trid issalva ż-żwieġ, id-diffikultajiet li jinqalgħu jistgħu jsaħħu l-imħabba li kien hemm qabel. Jiġri li wara li l-koppja jkunu batew biex jaffrontaw id-diffikultà flimkien, jintebħu li dak li għaddew minnu ma kienx għalxejn. Ikunu kisbu xi ħaġa tajba, tgħallmu xi ħaġa flimkien u issa jistgħu japprezzaw iżjed dak li sewa sforz kbir lit-tnejn li huma. Irridu nkunu konvinti li l-provi li jinqalgħu maż-żmien jistgħu jintrebħu, imma jkun hemm bżonn id-don tal-grazzja t’Alla, li tgħin lill-koppja jkunu xhieda tal-fedeltà lil xulxin.
 
Il-grazzja ta’ Alla tgħaqqad il-ħafna valuri tas-Sagrament taż-Żwieġ u twassal lill-miżżewġin biex ikunu għotja libera lil xulxin, li tidher fis-sentimenti, fil-kliem u fil-ġesti li jaqsmu bejniethom fil-ħajja ta’ kuljum.


 
6. KULL TARBIJA HI RIGAL
 
Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni tiegħu Il-Ferħ tal-Imħabba, jgħid li l-imħabba ma tiqafx mar-raġel u l-mara, imma tkompli meta, bħala omm u missier, jilqgħu r-rigal tat-twelid ta’ tarbija fil-familja.
 
L-omm, waqt ix-xhur tat-tqala, tkun qed tikkollabora ma’ Alla biex iseħħ il-proċess ta’ ħajja ġdida u għandha s-sehem ta’ protagonista fil-miraklu tal-ħolqien. Il-Papa jħajjar lil kull mara li tinsab fit-tqala biex tieħu ħsieb il-ferħ li hemm ġo fiha ħalli ħadd ma jisirqilha l-ferħ tal-maternità. Hu jistieden lil dawk li se jwelldu biex ma jħallu xejn itellfilhom il-ferħ tagħhom; bħalma hu l-biża’, it-tħassib, il-kummenti tal-oħrajn jew xi problemi li jistgħu jitfaċċaw fil-familja, għax it-tarbija jixirqilha l-ferħ tal-ġenituri. L-imħabba tal-ġenituri hi sinjal tal-imħabba t’Alla l-Missier li jistenna bil-ħlewwa t-twelid ta’ kull tarbija, jaċċettaha bla kundizzjonijiet u jilqagħha b’idejh miftuħa beraħ.
 
Hu interessanti li l-Papa jagħmel riferenza għall-importanza tal-isem li jingħata lit-tarbija. Tajjeb li, bħala dawk li għandhom il-privileġġ li jagħtu l-isem lil uliedhom, il-ġenituri jifhmu li l-isem li se jagħżlu se jkun dak li t-tifel jew it-tifla se jibqgħu jissejħu bih tul ħajjithom kollha u għal dejjem.
 
Il-Papa jiddispjaċih li, mill-bidu, ħafna tfal fid-dinja huma rifjutati, abbandunati jew misruqa mill-familja tagħhom. Ikun hemm min saħansitra jgħid li t-tarbija ġiet fid-dinja bi żball. Ukoll jekk ġiet fid-dinja f’ċirkustanzi mhux mixtieqa, it-tarbija għandha tiġi mħaddna bħala rigal minn Alla u li ta’ min jilqgħu bil-ferħ.
 
Il-Papa jsemmi li xi ġenituri jħossu li t-tarbija ma waslitx fl-aħjar żmien. Dawn għandhom jitolbu lill-Mulej biex jagħtihom id-dawl ħalli jaġixxu sewwa, għax jeħtieġ li t-tarbija tħossha milqugħa bl-aħjar mod. Il-lingwaġġ bejn l-omm u l-missier, il-ħarsa lejn xulxin, it-tbissima tagħhom u ġesti oħra, iħallu effett fuq iċ-ċkejknin. Kull tarbija għandha d-dritt li tirċievi u tħoss l-imħabba tal-omm u tal-missier, li t-tnejn huma meħtieġa biex it-tarbija tikber b’mod sħiħ u armonjuż.
 
L-omm, li tipproteġi lit-tarbija bil-ħlewwa u l-mogħdrija, trawwimha fil-fiduċja u tgħinha tħoss li d-dinja hi post tajjeb biex tilqagħha, tkun ixxettel fiha stima tagħha nnifisha. Min-naħa tiegħu, il-missier li jesprimi ruħu fl-imġiba li biha jħobb u jilqa’ lil martu, hu wisq meħtieġ daqskemm hi meħtieġa l-għożża tal-omm. Kemm hu sabiħ ukoll li mill-ewwel ġranet tagħhom fid-dinja, it-tfal jibdew jirċievu l-kwalitajiet spiritwali tal-imħabba.

 
 
7. L-IMĦABBA F’FAMILJA WIESGĦA
 
Fl-Eżortazzjoni tiegħu Amoris Laetitia, (Il-Ferħ tal-Imħabba), il-Papa Franġisku juri kif l-imħabba tal-miżżewġin trid tinfirex mal-persuni li huma l-familja wiesgħa tagħhom, bħal ma huma n-nanniet, iz-zijiet, il-qraba u kif ukoll il-ġirien. Dan għax jista’ jkun hemm min hu fil-bżonn tal-għajnuna jew tal-anqas tal-kumpanija u ta’ ġesti ta’ mħabba u ta’ faraġ. Meta koppja tingħalaq fiha nfisha, tkun qed titlef mill-ferħ li tista’ tagħti u tirċievi minn ħbiberija li hi sinċiera u bil-qies. Hawn tenħtieġ delikatezza għax, filwaqt li persuni madwar il-koppja m’għandhomx jitqiesu bħala konkorrenti jew persuni perikolużi li qed jinvadu l-familja, irid ikun hemm bilanċ li mhux faċli li jinżamm.
 
Ir-raġel u l-mara li ngħaqdu fiż-żwieġ ma jridux jinsew l-ewwel nett lill-ġenituri tagħhom, anzi għandhom jibqgħu jirrispettawhom bl-aħjar mod. Il-ġenituri tal-koppja la għandhom jiġu mwarrba u lanqas ittraskurati. Min-naħa l-oħra hu importanti li l-miżżewġin ġodda jżommu distanza xierqa mill-ġenituri tagħhom biex l-imħabba tagħhom ma jkollhiex tfixkil minn indħil li jista’ ma jagħmilx ġid. Mhux sew li raġel u mara jaħbu ħafna ħwejjeġ lil xulxin u jmorru jgħiduhom lill-ġenituri rispettivi tagħhom, hekk li aktar tiswa l-fehma tal-ġenituri milli s-sentimenti u l-fehma tal-koppja, għax dan idgħajjef il-fiduċja u d-djalogu ta’ bejniethom.
 
L-anzjani huma kategorija vulnerabbli. Aktar ma persuna tidħol fiż-żmien, aktar tibda tibża’ li se tisfa’ minsija u mwarrba; tkun tixtieq ħafna li tingħata widen u attenzjoni. Dawk li huma iżgħar iridu jagħmlu ħilithom biex fl-imġiba tagħhom lejn l-anzjani jegħlbu n-nuqqas ta’ sabar, l-indifferenza u forsi xi atteġġjment ta’ disprezz. Trid tirrenja l-mentalità ta’ gratitudni, ta’ apprezzament u ta’ ospitalità ġenwina lejn l-anzjani, hekk li jibqgħu jħossuhom sehem miċ-ċirku ta’ madwarhom.
 
Ħafna nanniet huma ta’ ispirazzjoni li tħalli l-frott meta l-valuri għolja li akkumpanjawhom tul ħajjithom jgħadduhom liċ-ċkejknin ta’ wliedhom, tant li ’l quddiem dawn jistgħu jixhdu li l-bidu tal-ħajja Nisranija jafuh ukoll lin-nanniet tagħhom. Il-kliem tan-nanniet, iż-żegħil tagħhom u s-sempliċi preżenza tagħhom tgħin lit-tfal jagħrfu li l-istorja tagħhom ma bdietx meta twieldu huma, imma li huma werrieta ta’ mixja twila. Il-preżenza fejjieda tan-nanniet tgħallimhom jirrispettaw l-istorja li ġiet qabilhom għax il-memorja storika hi valur essenzjali fid-dinja tal-lum.


 
8. TĦEJJIJA XIERQA GĦAŻ-ŻWIEĠ
 
F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa Franġisku jitkellem fit-tul dwar l-importanza li l-koppji jkollhom tħejjija mill-aqwa għaż-żwieġ. Il-Papa jħeġġeġ biex il-korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ ikunu ta’ kwalità kif inhu xieraq, li jsiru b’mod attraenti u kordjali, ħalli jgħinu lill-koppji biex jimpenjaw ruħhom flimkien, bil-qalb u bil-ġenerożità.
 
Waqt li torganizza l-korsijiet għaż-żwieġ, il-Knisja ma tistax tkun maqtugħa mill-problemi reali li toffri l-ħajja. Il-Knisja, jgħid il-Papa, trid tifhem minn xiex huma għaddejjin il-koppji li se jidħlu għaż-żwieġ, biex tkun tista’ turi l-aħjar toroq li bihom l-għarajjes jagħrfu jegħlbu d-diffikultajiet li se jiltaqgħu magħhom fil-mixja tal-ħajja.
 
Fiż-żmien tat-tħejjija għaż-żwieġ, l-għarajjes iridu jagħrfu x’hemm li ma jaqbilx bejniethom u jħarsu lejn ir-riskji li jistgħu jirriżultaw minn dawn id-differenzi. Jekk l-għarajjes jaħbu minn xulxin jew iħallu d-diffikultajiet għal quddiem, ikunu jirriskjaw li ż-żwieġ tagħhom ifalli. Iridu jifhmu li, jekk l-aspetti komuni bejn iż-żewġ persuni huma skarsi, dawn ma jintrebħux bil-ġibda fiżika bejniethom u ma jwasslux għal żwieġ stabbli.
 
Hi ħasra li ħafna jaslu għat-tieġ bla ma jkunu jafu sew lil xulxin. Ikunu ddevertew flimkien, qasmu l-esperjenzi ma’ xulxin, imma ma affrontawx l-isfida li juru min huma lil xulxin. Hekk ma jkunux tgħallmu min verament huma l-ieħor jew l-oħra. Li titgħallem tħobb lil xi ħadd mhix xi ħaġa spontanja. Anzi, min-natura tagħha, kull persuna tibda titħejja għaż-żwieġ sa minn twelidha. It-tajjeb kollu li l-familja tagħha tkun tatha matul is-snin jgħinha biex meta tikber tkun lesta li tidhol għal impenn sabiħ u dejjiemi bħal ma hu ż-żwieġ.
 
L-għarajjes ma jridux iħarsu lejn iż-żwieġ bħala t-tmiem ta’ mixja, imma bħala vokazzjoni li tiftħilhom triq ’il quddiem, bid-deċiżjoni soda li se jġarrbu flimkien il-provi u l-mumenti ibsin kollha. Għal dan, iktar minn kliem ta’ duttrina u eżortazzjonijiet spiritwali, hemm bżonn pariri prattiċi, mibnija fuq ir-realtà tal-ħajja, imfassla fuq l-esperjenza u fid-dawl ta’ ħiliet ta’ psikoloġija.
 
Madankollu m’għandniex ninsew kura importanti f’din il-mixja, li hi l-attitudni ta’ rikonċiljazzjoni li joffri s-Sagrament tal-Qrar, fejn nistgħu nqiegħdu d-dnubiet u l-iżbalji tal-ħajja mgħoddija taħt is-setgħa tal-maħfra ħanina ta’ Alla u tal-fejqan qawwi li jaf jagħti.
 
 
 
9. L-EWWEL SNIN TAŻ-ŻWIEĠ
 
Is-sens taż-żwieġ hu li raġel u mara jagħżlu lil xulxin għax jinħabbu. Meta l-imħabba tkun biss affettiva, mibnija fuq il-ġibda naturali, x’aktarx li twassal għal kriżi. Spiss jiġri li l-valur taż-żwieġ ma jiġix apprezzat fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa, forsi għax żmien l-għerusija ma jkunx wassal għall-iskop tiegħu billi jkunu għaġġlu d-deċiżjoni tagħhom biex jiżżewġu, meta ma kinux maturi biżżejjed.
 
Maż-żwieġ, ir-raġel u l-mara jsiru l-protagonisti u s-sidien tal-istorja tagħhom, fi proġett li se jmexxu ’l quddiem flimkien. Ħadd m’għandu jippretendi mill-parti l-oħra li tkun perfetta, u lanqas m’għandhom iħarsu lejn xulxin bi kritika, imma jġibu ruħhom bis-sabar, bil-ftehim u bil-ġenerożità. Inkella jiġri li, minflok l-imħabba, tidħol bil-mod il-mod ħarsa suspettuża li tikkontrolla l-merti u d-drittijiet ta’ wieħed jew waħda minnhom. Għalhekk jiswa ta’ ġid meta joqogħdu bilqiegħda ħdejn xulxin u jiddjalogaw biex jelaboraw il-proġett tagħhom u jaraw b’dettall dak li għandhom bżonn biex iwettquh.
 
Waħda mill-kawżi ta’ tifrik fiż-żwieġ hi li nistennew affarijiet kbar wisq mill-ħajja miżżewġa. Meta niskopru r-realtà, li hemm limiti f’dak li jista’ jagħtina ż-żwieġ u li fih iżjed problemi milli nkunu ħlomna, is-soluzzjoni ma tkunx li naħsbu kif se ninfirdu. Niftakru li ż-żwieġ hu mixja lejn il-maturità, u l-vokazzjoni tal-koppja hi li jkunu għodda f’idejn Alla biex jikbru dejjem aktar fl-imħabba ta’ xulxin.
 
Hija ħasra meta l-ħajja tal-imħabba tistaġna prorprju fl-ewwel snin. Biex dan ma jsirx, għajnejn il-miżżewġin iridu jibqgħu juru l-istagħġib u t-tama għal dak li daħlu għalih. Hija t-tama fil-ġejjieni li tgħinna nħarsu lil hemm mill-kuntrarju, mit-tilwim u mill-affarijiet tal-mument li jinqalgħu. It-tama tistedinna ngħixu l-preżent fil-milja tiegħu u ningħataw b’qalbna kollha għall-ħajja fil-familja, għax l-aħjar mod kif tħejji għall-futur hu li tgħix tajjeb il-preżent.
 
L-ewwel snin taż-żwieġ iġibu magħhom mumenti li jitolbuna nuru ġenerożità lejn xulxin. Dak li beda mill-ġibda tas-sensi, jgħaddina biex nibdew inħossu lill-persuna l-oħra bħala parti minn ħajjitna. Dan ifisser il-gost li nsibu f’li nkunu ta’ xulxin, meta nsibu l-ferħ tagħna f’dak ta’ flimkien iktar mill-ħtiġijiet personali tagħna u nifirħu naraw iż-żwieġ tagħna bħala ġid għas-soċjetà.
 
Irridu nitgħallmu wkoll ninnegozjaw, mhux fis-sens ta’ logħba kummerċjali u għall-gwadann tagħna personali, imma fis-sens li ħajjitna tkun nisġa ta’ ċaħdiet personali u offerti lil xulxin. Fid-dar, id-deċiżjonijiet ma jridux jittieħdu min-naħa waħda, imma b’responsabbiltà tat-tnejn. F’kull mument ġdid tal-ħajja miżżewġa, irridu nerġgħu npoġġu bilqiegħda u ninnegozjaw mill-ġdid il-ftehim, biex ma jkunx hemm rebbieħa u telliefa, imma jirbaħ kulħadd.



10. “FEJN HUMA L-ULIED?”
 
Fil-qalba tal-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia, il-Papa Franġisku jagħti importanza lill-edukazzjoni tal-ulied fil-familja. Jistaqsi: “Fejn huma l-ulied?” Mhux qed jifhem fejn qegħdin it-tfal dal-ħin fiżikament, imma fejn qegħdin f’dak li jemmnu, fix-xewqat tagħhom u fl-iskop ta’ ħajjithom. Il-Papa jiftaħ din il-mistoqsija bl-eżempji: “Qed infittxu li nifhmu fejn uliedna waslu tabilħaqq fil-mixja tagħhom fil-ħajja? Nafu fejn qiegħda tassew qalbhom? Min huma dawk li qed joffrulhom divertiment u rikreazzjoni, li qed jidħlu fil-kamra tagħhom fuq l-iskrins elettroniċi? Min huma dawk li qed nafdaw f’idejhom biex imexxu lil uliedna fil-ħin liberu tagħhom?”
 
Għalkemm il-ġenituri jsibu għajnuna għall-edukazzjoni ta’ wliedhom fl-iskola u f’ambjenti oħra, qatt ma jistgħu jiddelegaw lil ħaddieħor l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Iridu jsibu l-ħin biex jgħadduh ma’ wliedhom, ikellmuhom b’sempliċità u b’imħabba fuq il-ħwejjeġ importanti u joħolqulhom possibilitajiet tajbin biex jimlew il-ħin tagħhom. B’hekk jgħinu biex jevitawlhom l-invażjoni ta’ madwarhom, li qed twassal għal ħafna ħsara. Fil ħin li jiddedikaw għal uliedhom, ifittxu li jgħinuhom jaffrontaw it-tħajjir għal dak li hu ħażin, għall-vjolenza, għall-abbuż u għall-vizzji bħal ma hi d-droga.
 
Il-ġenituri iridu jifhmu li ma jistax ikollhom kontroll il-ħin kollu fuq uliedhom, lanqas jekk jagħmlu minn kollox biex jaslu għal dan. Mhemmx għalfejn ikunu ffissati li jkunu jafu fejn qegħdin uliedhom u ma’ min qegħdin. Bi protezzjoni żejda ma jkunux qed jagħtuhom edukazzjoni soda, għax mhux qed iħejjuhom għall-isfidi li se jkollhom jaffrontaw. Aħjar li, minflok din il-protezzjoni, jiggwidawhom ħalli jiddefendu ruħhom b’intelliġenza u b’għaqal, l-aktar għal meta se jsibu ruħhom f’ċirkustanzi ibsin. Dak li jeħtieġu l-ulied hi mħabba mill-ġenituri u xhieda eżemplari, li tnissel rispett li joħroġ mill-mħabba.
 
Jiġri li xi wlied ma jibqgħux iħossuhom milqugħa fil-familja kif kienu qabel u li m’għadhomx il-għożża tal-ġenituri. Dan joħolqilhom diffikultà f’età li fiha tant jeħtieġu l-appoġġ tal-ġenituri. Nuqqas ta’ attenzjoni jnissel fl-ulied għafsa ta’ qalb iktar minn korrezzjoni għall-ġid li l-ulied jistgħu jirċievu minħabba xi ħaġa ħażina li jkunu għamlu.
 
Hemm bżonn li l-ġenituri jxettlu f’uliedhom id-drawwiet tajba li trabbew fihom huma u jgħaddulhom valuri pożittivi. Ngħidu aħna, jekk għal ħafna żmien l-ulied ma jidrawx jgħidu “jekk jogħġbok’, “ippermettili”, “grazzi”, “skużani”, aktar ’il quddiem l-imġiba tagħhom mhix se tkun kif nixtiequ. Importanti wkoll li t-tifel jew tifla jifhmu l-konsegwenzi ta’ dak li jkunu għamlu ħażin, li jitolbu maħfra u jsewwu l-ħsara li jkunu għamlu fuq ħaddieħor. Fuq kollox, il-familja trid tkun dak in-nukleju fejn tiġi trasmessa l-fidi li l-ġenituri diġà qed jgħixu.


 
11. SPTAR FIL-KAMP TAL-BATTALJA
 
Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia juri t-tenerezza tiegħu lejn persuni wlied il-Knisja li ta’ bnedmin dgħajfa jinsabu f’nofs tempesta qalila. Għal dawn il-persuni, il-Papa jgħid li l-Knisja trid tkun bħal ‘sptar fil-kamp tal-battalja’.
 
Iż-żwieġ Nisrani hu għaqda bejn raġel u mara li jingħataw lil xulxin u li quddiem il-mistednin għat-tieġ fil-knisja jwiegħdu fedeltà dejjiema, riżoluti li jegħlbu d-diffikultajiet li jinqalgħu maż-żmien. Madankollu hi verità li għadd ta’ rġiel u nisa ma jagħżlux li jiżżewġu ‘bil-Knisja’ imma jingħaqdu bi żwieġ ċivili jew ma jiżżewġux filwaqt li jgħixu flimkien. Mhumiex ftit il-miżżewġin li jiddivorzjaw u jidħlu f’relazzjoni ġdida. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, imsejħa ‘irregolari’, il-Knisja trid turi mogħdrija bħala omm u taħdem biex il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu taħdem ukoll fil-ħajja ta’ koppji li jinsabu f’din is-sitwazzjoni.
 
Ma nistgħux niġġudikaw u ngħidu li dawk li qed jgħixu f’sitwazzjoni ‘irregolari’ huma fid-dnub u li mhumiex parti mill-komunità Nisranija għax hemm ħafna fatturi li jillimitaw il-ħila tad-deċiżjoni li jagħmlu l-persuni. Fost dawn hemm persuni li għal xi raġunijiet ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, meta din ir-rabta l-ġdida hi msaħħa biż-żmien, b’fedeltà li għaddiet mill-provi u l-għotja tagħhom lil xulxin hi ġeneruża b’impenn Nisrani mhux inqas minn ta’ Nsara oħra u hu diffiċli li jerġgħu lura għaż-żwieġ li jkunu ħallew. Hemm każi fejn persuni jkunu għamlu sforz kbir biex isalvaw iż-żwieġ imma ma sabux rieda tajba mis-sieħeb jew sieħba ta’ qabel u jista’ jkun li huma konvinti fil-kuxjenza tagħhom li ż-żwieġ ta’ qabel, li issa hu mfarrak għalkollox, ma kienx validu. Wara proċess ta’ konsultazzjoni, b’akkumpanjament minn Saċerdot, jistgħu jiġu integrati u jagħmlu l-mixja lejn is-sehem fis-sagrament tal-Ewkaristija.
 
Dan hu differenti minn sitwazzjoni ġejja minn żwieġ li ilu ftit xhur jew ftit snin, li l-persuni li sseparaw ma kkonfondewx dwar il-konsegwenzi li se jbatu t-tfal tagħhom jew li ripetutament il-miżżewġin ikunu naqsu mid-dmirijiet tagħhom lejn il-familja. F’każi li huma ġenwini, il-persuni għandhom jiġu integrati iżjed fil-komunità Nisranija u jingħataw l-opportunità li jkollhom sehem fid-diversi servizzi tal-Knisja, fil-liturġija, fil-pastorali u fl-edukazzjoni Nisranija. Iridu jħossuhom bħala membri tal-Knisja, Omm li tilqagħhom dejjem, li tieħu ħsiebhom b’imħabba u tagħmlilhom il-qalb għall-għożża u l-edukazzjoni ta’ wliedhom.
 
Il-Papa jsemmi tliet espressjonijiet interessanti: “Ir-Ragħaj (l-Isqof tal-post) ma jistax ħossu sodisfatt li qed japplika l-liġijiet morali ma’ dawk li qed jgħixu f’sitwazzjoni ‘irregolari’, bħallikieku kienu ġebliet biex jitwaddbu kontra l-ħajjiet tan-nies.” “L-imħabba tal-aħwa hi l-ewwel liġi tal-Insara”. “L-Ewkaristija mhix premju għall-perfetti biss, imma hi duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin.

 
12. FAMILJA FEJN ALLA HU PREŻENTI
 
Il-Papa jagħlaq l-ittra tiegħu b’pariri spiritwali lill-familji, billi jistedinhom ħalli fi djarhom joħolqu ambjent fejn Alla jinħass li hu preżenti. Ifakkar li Alla jinsab b’mod intens fil-qalb tal-persuni li jgħixu fil-grazzja tiegħu. Alla jinsab hemm, fil-ferħ, fit-tbatija, fl-inkwiet u fit-tamiet kollha tal-ħajja. Din il-ħajja m’Alla hi minsuġa minn eluf ta’ ġesti reali u mill-firxa ta’ doni li jingħataw fejn hemm ir-rabta tal-imħabba, bħalma hu fiż-żwieġ.
 
Il-bniedem, min-natura tiegħu hu ħlejqa soċjali, b’xewqa li jaqsam l-imħabba tiegħu ma’ persuni oħra, u dan hu wieħed mill-għanijiet prinċipali taż-żwieġ, il-post fejn nistgħu dejjem aktar niftħu qalbna għal xulxin. Dan hu possibbli meta Alla jkun parti mil-laqgħat tagħna flimkien. Ir-raġel u l-mara jsiru għal xulxin sinjal u għodda ta’ tama fil-ħajja tal-koppja miżżewġa.
 
Hawn jidħol it-talb. Jekk il-familja jirnexxilha tinġabar fi Kristu, huwa jgħaqqad u jdawwal il-ħajja kollha tal-familja. It-tbatija u l-problemi tkun tista’ tgħixhom f’għaqda miegħu, u Alla jgħin lill-membri tagħha jġarrbu saħansitra l-agħar mumenti fis-sabar. Fl-għaqda ma’ Kristu, kemm il- waqtiet ta’ diffikultà u ta’ tbatija, kif ukoll dawk ta’ ferħ u ċelebrazzjoni, jinbidlu f’offerti ta’ mħabba. Tajjeb li nsibu ftit minuti kuljum biex ninġabru quddiem il-Mulej, ngħidulu x’inhu jħassibna, nitolbuh għall-ħtiġijiet tal-familja, nitolbu għal xi ħadd li għaddej minn żmien ta’ taqtigħ il-qalb u nroddulu ħajr għall-ħwejjeġ sbieħ li tana.
 
Kull filgħodu, meta nqumu, għandna nġeddu d-deċiżjoni ta’ fedeltà. Meta niġu biex norqdu, nistennew bil-ħerqa li nerġgħu nqumu l-għada biex inkomplu din l-avventura b’fiduċja, bil-għajnuna tal-Mulej. Hu Alla li ma jitlaqna qatt weħidna. Sinjal ta’ dan hu li baqa’ magħna fl-Ewkaristija. Ġesù jħabbat fuq il-bieb tal-familja biex jaqsam magħha l-Ikla Ewkaristika, il-Quddiesa. Niftakru fl-aħħar kliem ta’ Ġesù: “Jiena magħkom sal-aħħar taż-żmien.” (Mt 28, 20)
 
Il-Papa jispiċċa b’talba sabiħa għall-familji lill-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, li tinkludi dawn il-ħames versi:
“O Familja Mqaddsa ta’ Nazaret,
agħmel li anki l-familji tagħna
jkunu mkejjen ta’ komunjoni u ċenaklu ta’ talb,
skejjel awtentiċi tal-Evanġelju
u Knejjes ċkejkna tad-dar”.
 
Bil-għajnuna t’Alla wasalna fit-tmiem ta’ dawn it-tnax-il ħsieb dwar l-imħabba fil-familja, mill-eżortazzjoni tal-Papa Franġisku Amoris Laetitia. Min minna qrahom b’attenzjoni ra li l-Amoris Laetitia hi l-frott ta’ esperjenza ta’ persuni bravi li jafu sew x’inhi l-famlja u s-sabiħ tal-ħajja ta’ raġel u mara li jgħixu flimkien għal ħafna snin. Kienet idea tajba li xi familji mill-parroċċa tagħna ġabru flimkien dawn il-folji f’folder biex jirreferu għalihom kull tant żmien, speċjalment f’waqtiet ta’ diffikultà.