AKTAR TALB MARJAN

 

TALB ANTIK LILL-MADONNA (ġabra ta’ Tarcisio Zarb)

 

1. Omm qaddisa tal-kbir Alla

2. Talba lill-Madonna taċ-Ċintura

3. Warda t’Alla

4. Tislima lill-Madonna

5. Tliet Avemarijiet lill-Madonna

6. Sliem għalik Marija

7. Lill-Madonna fl-Ave Marija (Angelus)

8. It-Tħabbira ta’ Marija

9. O Madonna hawn quddiemek

 

TALB U RIFLESSJONIJIET DWAR ID-DULURI TA’ MARIJA

 

10. Il-Kurunella lill-Madonna tad-Duluri

11. Litanija tas-seba’ Duluri u talba lil Marija tad-Duluri

12. Wieqfa taħt is-Salib

13. Jiltaqa’ m’Ommu

14. Fi ħdan Ommu

15. Ma’ Marija taħt is-Salib

16. Stabat Mater – Wieqfa kienet imbikkija

17. Is-seba’ Duluri ta’ Ommna Marija

 

TALB, KURUNELLI U INNIJIET LILL-MADONNA TAĦT TITLI DIFFERENTI

 

18. Talba lill-Madonna tal-Mirakli

19. Talba lill-Madonna Ta’ Pinu

20. Talba lill-Madonna tas-Saħħa

21. Talba lill-Madonna li tħoll l-għoqiedi tal-ħajja

22. Talba lil Marija għajnuna tal-Insara

23. Talba lill-Madonna tal-ward

24. Talba lill-Madonna tas-sokkors perpetwu

25. Talba lill-Madonna ta’ Fatima

26. Talba lil Sidtna Marija tar-Rużarju ta’ Fatima

27. Kurunella tal-Madonna ta’ Fatima

28. Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Lourdes

29. Fjur tal-Karmelu (Flos Carmeli)

30. Fjur tal-Karmnu gran Reġina

31. Innu Popolari lil Marija Assunta

32. Innu antik miktub l-Imqabba lil Marija Assunta 

33. Kanzunetta lill-Madonna (Charlon Grima)

34. Talba antika lill-Madonna ta’ Pinu għall-Vokazzjonijiet

35. Innu lill-Madonna tal-Karmnu (1)

36. Innu lill-Madonna tal-Karmnu (2)

37. Innu Popolari lill-Madonna tal-Karmnu

38. Talba lill-Madonna ta’ Pinu għall-Vokazzjonijiet

 

TALB IEĦOR

 

39. Marija, ħu ħsiebi

40. Talba lill-Madonna għall-ħarsien tal-familja

41. Sinjura Awgusta tas-Sema

42. Talba lill-Madonna

43. Talba tal-Familja

44. Talba lil Marija biex inkomplu nitqaddsu fir-Randan

45. Marija, għinna nkunu xandara ta’ Ibnek

46. Il-Verġni Omm Alla, Marija

47. Marija, ħarsilna l-fidi li ġabilna San Pawl

48. Talba ta’ marid lil Marija

49. Talba lill-Verġni Marija kontra il-Ħażin

50. Talba għall-qdusija tal-familja mill-Papa Franġisku

51. Marija, idħol għalina

52. Talba lil Marija għall-Isqfijiet tagħna

53. Nitolbu l-barka ta’ Marija, Reġina tar-Rużarju ta’ Pompei

54. Talba lil Marija ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta

55. Il-Misteri tar-Rużarju f’Poeżija (jitkantaw bl-Innu ta’ Fatima)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

TALB ANTIK LILL-MADONNA (ġabra ta’ Tarcisio Zarb)

 

Omm qaddisa tal-kbir Alla

 

Omm qaddisa tal-kbir Alla,

taħt il-mant tiegħek nistkennu,

Tirruftax it-talb minn tagħna,

waqt li lilek aħna ntennu.

 

Fil-bżonn kbir li fih ninsabu,

bil-mant tiegħek int ħarisna.

Magħna kun dejjem pjetuża,

Verġni Mqaddsa u Glorjuża.

 

Omm qaddisa tal-kbir Alla,

taħt il-mant tiegħek nistkennu.

Tirruftax it-talb minn tagħna,

dak li lilek aħna ntennu.

 

Fil-bżonn kbir int ieqaf magħna,

mill-periklu int ħarisna,

bit-talb tiegħek int qaddisna,

Magħna kun dejjem pjetuża,

Verġni mqaddsa u glorjuża.

 

(Dawn huma verżjonijiet popolari ta’ talba antika bil-Latin magħrufa mill-ewwel vers: SUB TUUM PRAESIDIUM.)

 

Talba lill-Madonna taċ-Ċintura

 

Madonna tal-Konsolazzjoni, ikkonsolana.

Eħlisna mit-tentazzjoni u aqlgħalna l-eterna salvazzjoni.

Madonna tal-Faraġ, itlob għalina.

 

(tingħad is-Salve Reġina)

 

Warda t’Alla

 

Warda, li bil-ġmiel u l-fwieħa tiegħek

għaxxaqt il-qalb t’Alla, itlob għalina.

Tislima lill-Madonna

 

It-tbissima minn ta’ fommok,

il-ġmiel ta’ dawk għajnejk,

ġmiel is-sema fihom nara

qatt ma nixba’ nħares lejk.

 

Tliet Avemarijiet lill-Madonna

 

Tliet Avemarijiet lill-Madonna

f’ġieħ dawk it-tlitt ijiem

li l-Madonna damet fil-qabar.

Taqlgħalna tliet grazzji.

Taqlgħalna l-indiema perfetta ta’ dnubietna,

l-umiltà tal-qalb u tippreservana fil-grazzja ta’ Binha Ġesù.

 

(Jingħau tliet Avemarijiet)

 

Sliem għalik Marija

 

Sliem għalik Marija, O bint il-Missier etern Alla.

Sliem għalik Marija, Omm l-Iben etern t’Alla.

Sliem għalik Marija, O għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu Alla.

Sliem għalik Marija, O għamara tas-Santissima Trinità.

 

(Tliet Glorjapatri)

 

Dawn il-versi għandhom eku, għalkemm forsi fil-bogħod, ta’ l-innu lill-Madonna fil-Liturġija Biżantina magħrufa bħala ‘Akathistos’.

 

Lill-Madonna fl-Ave Marija (Angelus)

 

Anġlu ħabbar lil Marija

Omm minn t’Alla għandha ssir

u meta l-Ispirtu s-Santu

fiha jfisser għatx kbir.  Ave Marija

 

Wara l-kliem tal-anġlu t’Alla,

wieġbet il-Verġni Marija:

“Hawn,” qaltlu “s-serva t’Alla.

Li trid inti isir fija.”  Ave Marija

 

Wara dan il-Verb Divin

sar bniedem, ħa s-sura bħalna.

U għall-imħabba li ġibilna,

ġie fid-dinja u baqa’ magħna.  Ave Marija

 

It-Tħabbira ta’ Marija

 

Isa, u ejja, ħalli mmorru,

ħa nisimgħu din l-aħbar:

inħallu ftit il-merħla

magħluqa ġo dal-għar.

 

“Is-sliem għalik, ja merħla,

is-sliem għalik, għarix:

is-sliem, widien u iġbla,

wis-sliem, siġar u ħaxix.”

 

“Il-passi fittex agħti,

ħalli nsibu l-Anġlu magħha,

isa, w ejja mmorru niġru

għax edina id-dar tagħha.”

“Dak Alla li hu miegħek

bl-akbar grazzja għoġbu jagħnik;

imbierka inti fost in-nisa,

Marija, is-sliem għalik!”

 

Marija l-kunsens tagħti

fiha nkarna l-Verb Divin;

fil-ġuf purissmu tagħha

jieħu l-forma tal-bnedmin.

 

Ifirħu, l-aħwa, ifirħu!

immorru nħabbru lil Kulħadd!

Ifirħu, l-aħwa, ifirħu!

Ferħ bħal dan żgur ma kien qatt!

 

 

 

O Madonna hawn quddiemek

 

O Madonna hawn quddiemek,

qalbi kollha ġejt nagħtik.

Ġejt nitolbok dawl u barka,

ġejt inqiegħed tamti fik.

 

O Madonna jiena tiegħek,

ħidma u serħ kollox għalik;

int ħarisni, int mexxini,

ejja ddumx malli nsemmik.

 

O Madonna isma’ talbi,

kun il-faraġ ta’ din qalbi.

 

 

 

TALB U RIFLESSJONIJIET DWAR MARIJA TAD-DULURI

 

Il-Kurunella lill-Madonna tad-Duluri (minn Patri Feliċ Sammut OFMConv.)

 

Qalb imnikkta ta’ Marija

F’riġlejk aħna mixħutin

Qalbna niedma u sogħbiena

Għaliex aħna midinbin.  Ave.

 

Omm tal-ħniena kemm duluri

Int ġarrabt m’Ibnek Ġesὺ

Minn twelidu sal-mewt tiegħu,

Għaliex b’Ommu riedek Hu!  Ave.

 

Omm sabiħa, kollok safja

Int għoġobt ‘l Alla ħanin

Minn ħtijietna nitolbuk

Eħles lilna mnikktin.  Ave.

 

Bi dnubietna aħna regħexna

Lil Ġesù Teżor ta’ Qalbek;

Fis ħbieb miegħu int erġa’ agħmilna

Dana tista’ tagħmlu b’talbek.  Ave.

Biex jifdina minn dnubietna

Ġesù miet fl-akbar ħruxija,

U għax miegħu int ridt tissieħeb

Bid-Dulur qalbek mimlija.  Ave.

 

Tad-dnub tagħna aqlgħalna ndiema

Minn kull ħażen int eħlisna,

Għax irridu tul ħajjitna

li d-Demm t’ibnek iqaddisna.  Ave.

 

Bit-tgħakkis u bl-opri tajba

Nipproponu li nfarrġuk

id-dmugħ tiegħek nixxuttawlek

Biex għal dejjem ġieħ nagħtuk.  Ave.

          

Nitolbu

O Alla, li fil-Passjoni tiegħek, kif kien ħabbar Xmun il-Profeta, is-sejf tad-Duluri nifed il-Qalb l-iżjed ħelwa tal-glorjuża Verġni Marija Ommok; agħmel nitolbuk, li aħna, li qegħdin inqimu n-niket tagħha, ikollna sehem mill-frott hieni tal-Passjoni tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.  Ammen.

 

Litanija tas-seba’ Duluri u talba lil Marija tad-Duluri

 

Mulej Ħniena Mulej Ħniena

Kristu Ħniena – Kristu Ħniena

Mulej Ħniena – Mulej Ħniena

Kristu ismagħna – Kristu ismagħna

Kristu ilqa’ t-talb tagħna – Kristu ilqa’ t-talb tagħna

Missier etern Alla – Ħenn għalina

Iben Alla li fdejt id-dinja –Ħenn għalina

Spirtu Qaddis Alla – Ħenn għalina

Trinita’ Qaddisa Alla wieħed – Ħenn għalina

 

Imqaddsa Marija Omm Alla – Itlob għalina

Imqaddsa Verġni tal-verġni – Itlob għalina

 

Omm tal-Imsallab – Itlob għalina

Omm imnikkta - Itlob għalina

Omm imbikkija – Itlob għalina

Omm titniegħed – Itlob għalina

Omm imweġġa’ – Itlob għalina

Omm abbandunata – Itlob għalina

Omm deżolata – Itlob għalina

Omm l-iktar qalbek sewda – Itlob għalina

Omm imġarrba bid-dwejjaq – Itlob għalina

Omm mifnija bin-niket – Itlob għalina

Omm minfuda bis-sejf – Itlob għalina

Omm imsallba fil-qalb tiegħek – Itlob għalina

Omm li ġarrabt il-mewt ta’ Ibnek – Itlob għalina

Omm tad-duluri – Itlob għalina

 

Ħamiema titniegħed – Itlob għalina

Għajn tad-dmugħ – Itlob għalina

Baħar ta’ mrar – Itlob għalina

Kamp tat-tribulazzjoni – Itlob għalina

Kotra ta’ tbatija – Itlob għalina

Mera tas-sabar – Itlob għalina

Blata ta’ fedelta’ – Itlob għalina

Rimedju fit-taħwid – Itlob għalina

Ferħ tal-imnikktin – Itlob għalina

Arka tal-mitluqin – Itlob għalina

Kenn tal-abbandunati – Itlob għalina

Tarka tal-maħqurin – Itlob għalina

Rebbieħa ta’ dawk li ma jemmnux – Itlob għalina

Faraġ ta’ dawk b’qalbhom sewda – Itlob għalina

Duwa tal-morda – Itlob għalina

Għajnuna tal-beżżiegħa – Itlob għalina

Saħħa tad-dgħajfin – Itlob għalina

Protettriċi ta’ dawk li jitqabdu – Itlob għalina

Port  ta’ dawk li jġarrbu l-għarqa – Itlob għalina

Li ssikket it-tempesti – Itlob għalina

Sieħba tal-imnikktin – Itlob għalina

Irtirar għal dawk li jokorbu – Itlob għalina

Biża’ tal-qarrieqa – Itlob għalina

Mudell għall-martri – Itlob għalina

Teżor tal-fidili – Itlob għalina

Dawl għall-konfessuri – Itlob għalina

Ġawhra tal-verġni – Itlob għalina

Faraġ tar-romol – Itlob għalina

Ferħ tal-qaddisin kollha – Itlob għalina

Sultana tal-qaddejja tiegħek – Itlob għalina

Qaddisa Marija li ħadd ma jista’ jkun bħalek – Itlob għalina

 

Itlob għalina Verġni l-aktar mnikkta biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu

 

Nitolbu

O Alla li fil-passjoni tiegħek skont il-profezija ta’ Xmun, sejf ta’ niket nifed il-Qalb l-iktar ħelwa tal-glorjuża l-imqaddsa Verġni Marija Omm tiegħek; agħtina lilna li qed niċċelebraw t-tifkira tas-seba’ Duluri tagħha, li niksbu l-frott hieni tal-passjoni tiegħek, Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

Talba tal-Għeluq lill-Marija tad-Duluri

O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna, Int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ġesu’, qawwi l-fidi tagħna sabiex anke jekk mifluġa bid-dulur, inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu li fih fit-tbatija esterma tas-salib dehret l-imħabba kbira u safja ta’ Alla. Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex ‘l hinn mit-tbatija u l-mewt naraw id-dawl tal-qawmien, agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu anke fil-mument tal-prova, inħobbu u naqdu. O Marija Santissma Sidtna tas-salib, Itlob għalina. Ammen.

 

Wieqfa taħt is-Salib

 

Wieqfa taħt is-salib b’ħarsitha mbikkija,

Fuq Binha kollu dmija msallab qed imut.

Wieqfa taħt is-salib, Marija f’agunija,

Titniegħed mat-tbatija, titbekka fuq Ġesu’.

 

Jien mhux lilu l-iżjed nibki,

iżda lilkom midinbin,                

għaliex intom u wliedkom

tant minn Alla imbegħdin.

Iva nibki xħin narakom li lil Ibni ma tridux,

tibqgħu ‘l bogħod... u lejh... ma tersqux.

 

Wieqfa taħt is-salib, ġo folla illi qegħda,

titmasħan bil-mibgħeda ma’ Binha l-maħbub.

Wieqfa taħt is-salib, lejn Binha ċċassatha,

Tassew addolorata, x’ħin hija tarah mislub.

 

Rit: Jien mhux lilu l-iżjed nibki....

 

Wieqfa taħt is-salib, ix-xbieha tad-duluri,

li tibqa’ dejjem turi, l-imħabba lejn Ġesu’.

Wieqfa taħt is-salib, b’omm ħati ġiet magħduda,

u qalbha ġiet minfuda ma’ binha li qatluh.

 

Rit: Jien mhux lilu l-iżjed nibki...

 

Iva jiena xorta nħobbkom (x5)

 

Jiltaqa’ m’Ommu

 

Bi tbatija liema bħala,

taħt it-toqol tas-salib,

Ġesù ssokta l-mixja tiegħu,

dejjem waħdu u bla ħabib.

 

U hawnhekk Ġesù iltaqa’,

mal-imsejkna ommu Marija,

li ma’ Binha marret taqsam,

dik id-dehra ta’ tbatija.

 

U dik l-Omm tgħidx x’niket ħasset,

tara ’l Binha kollu dmija,

imma hija x’setgħet tagħmel?

Tħares lejh biss, imbikkija.

 

Żewġt iqlub kienu ingħaqdu,

flimkien qasmu t-tbatijiet.

B’kuraġġ aqwa Ġesù ħaddan,

dak li l-Missier kien ried.

 

Fi ħdan Ommu

 

Bħal fosdqa battala,

lumija magħsura,

il-ġisem bla ruħ,

fuq Ommu mitfugħ.

 

La l-folla ċaħditu,

u mal-ħatja sallbitu,

reġa’ għandha mill-ġdid,

reġa’ għandha għal ftit.

 

Fil-fjur taż-żgħożija,

mar b’rasu mimlija,

u llum hekk hu l-fdal,

ta’ kull idejal.

 

Imma hi li ħabbitu,

ma’ qalbha rassitu,

xtaqitu għal ftit,

ġo ġufha mill-ġdid.

 

Fis-skiet tal-hemm tagħha,

jinfired minn magħha,

il-ġisem għajjien,

jistenna l-qawmien.

 

U waqgħet id-dalma,

u waqgħet il-kalma,

imma hi baqgħet hem,

imbikkma bil-hemm.

 

Ma’ Marija taħt is-Salib

 

Hemm taħt is-salib kienet Marija mbikkma, mitlufa minn sensiha, tħoss kollox qed iddur biha. Imma għaliex? Imma kif? X’għamel ħażin dan Ibni l-għażiż? Dan Ibni li b’idejh bierek lit-tfal, mess il-morda u dawn fiequ, qajjem nies mill-mewt, ikkalma t-tempesta u waqqaf l-irjieħ. Dawn l-idejn issa stirati, mimlija dmija u msammra mas-salib.

 

Dan l-istess Iben li b’saqajh terraq fl-ibliet u fl-irħula biex jagħmel il-ġid, biex jiltaqa’ mal-midneb, biex ifejjaq il-feriti fi qlub il-bnedmin, biex iwassal kelma tajba lil min jinsab waħdu. Dawn is-saqajn issa pjaga waħda msammra mas-salib. Dan l-uniku Iben li għandi, li b’qalbu ħabb lill-imġiddem, lill-prostituta, lit-tallab, lil kulħadd.

 

Din l-istess qalb li għal tlieta u tletin sena sħaħ, ħabbtet mal-qalb ta’ kulħadd, issa miftuħa b’demm u ilma ħiereġ minnha. Għaliex dan kollu? X’għamel ħażin dan Ibni? Ma min kellu xi jgħid? L-ebda tweġiba ma setgħet tfissrilha d-dramm li kienet qed tara quddiemha u tawha lil Binha bla ħajja fi ħdanha, u rassitu magħha, bisietu, bkietu, għaliet għad-dehra tiegħu.

 

Inħares lejk f’dik is-sura ja Omm ħelwa tiegħi, u nilmaħ lilek u lil Ibnek f’dik is-sura ta’ tbatija, imċapsa bid-dmija. Iva Marija, nilmaħ lilek fl-uċuħ ta’ nies li naf li jinsabu mitlufa, imdejqa, ma jafux fejn se tagħtu rashom, b’qalbhom minfuda, jbatu, imnikkta, ħarsithom baxxuta. Narak bħal tieħu l-ħajja, f’dawk li huma mbikkma, f’żgħażagħ u tfal imtaqqla bil-problemi tal-kbar, f’persuni feruti mill-ambjent li qed jgħixu fih, waħedhom, jiġġieldu għall-futur tagħhom.

 

Naħseb u nirrealizza li t-tifkira tad-Duluri mhix memorja ta’ jum wieħed fis-sena jew tal-imgħoddi, imma hija realta’ li ngħix u naffaċċja kull jum ta’ ħajti flimkien ma tant nies li f’din id-dinja jbatu għal diversi raġunijiet.

 

Illejla O Madonna, jien ukoll se nterraq warajk, biex naħseb fuq it-tbatijiet li għaddejt minnhom inti, meta tawk lil Ibnek fi ħdanek. Ilejla se nġorr miegħi f’moħħi u f’qalbi lil tant nies li naf li qed jgħixu taħt is-salib ta’ Ibnek Ġesu’, hemm fuq il-Golgota, waħedhom bid-dmugħ f’għajnejhom u b’qalbhom maqsuma u se nitolbok biex tieqaf magħhom int u tagħtihom li għandhom bżonn, u l-aktar tressaqhom lejn Ibnek Ġesu’ li miet Hu biex jagħti lil kulħadd it-tama ta’ ħajja ġdida u ta’ bla tmiem.

 

Stabat Mater – Wieqfa kienet imbikkija

 

Taħt is-salib id-dubji kibru,

dat-tbatijiet x’setgħu jfissru?

F’widnejha dwew kliem il-profeta Xmun,

Omm il-Feddej, Omm id-Dulur.

 

Quddiemha xena orribli,

miksi bid-demm, minn Alla minsi,

Binha l-għażiż, f’baħar t’uġigħat,

dak li fiż-żmien tant ħadet ħsieb.

 

Forsi kien aħjar li għadu żgħir,

fid-dar idur ma’ djulha,

għal kenn u l-kwiet, bla tbatijiet,

għalkemm żgur kienet taf li f’dak il-ħin,

b’Binha l-bnedmin ġew mifdijin.

 

Is-seba’ Duluri ta’ Ommna Marija

 

Ejjew nimxu ma’ Marija fil-mumenti tad-dulur tagħha. Marija Omm Alla hija bniedma bħalna, u bħalna għaddiet minn bosta esperjenzi t’uġigħ, tbatija u anzjeta’. Din il-mixja tagħna ma’ Marija hija mixja ta’ fidi kif ukoll mixja ta’ solidarjeta’. Hi, fl-imħabba tagħha t’Omm, takkumpanjana fl-uġigħ tagħna, il-mard li ngħaddu minnu aħna jew il-membri tal-familja tagħna, Il-mewt tal-għeżież tagħna, l-inkwiet li ngħaddu minnu, l-anzjeta’ li tolqotna.

 

Marija tifhimna meta nduru lejha. Aħna spiss nersqu lejha fit-talba tar-Rużarju jew fit-talba tal-Angelus, jew fil-festi tagħha matul is-sena, insellmu x-xbihat tagħha u nitolbuha. Imma llum f’dan il-jum li jinsab fuq l-għatba ta’ Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa Mqaddsa, induru lejn Marija bħala poplu wieħed.

 

L-Ewwel dulur

 

L-Ewwel dulur li ġarrbet Marija kien f’Ġerusalemm. Meta Marija u Ġużeppi marru jippreżentaw lil binhom Ġesu’ fit-tempju. Dak inhar kien hemm wieħed jismu Xmun. Raġel ġust u tajjeb u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. Dan kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u minn dejjem kien jixtieq li qabel ma jmut jara l-Messija tal-Mulej. Darba fost l-oħrajn ġie mqanqal mill-Ispirtu biex imur fit-tempju.

“Marija stennieni hawn ħalli qabel ma nidħlu fit-tempju, mmur nixtri par gamiem għas-sagrifiċċju.”

“Mur Ġużeppi tħallinix nistenna wisq, għax dalwaqt jasal il-ħin li jkolli bżonn nredda’ lil Ġesu’.”

“Le, Marija dalwaqt inkun hawn.” ...

 

“Ejja Marija ħalli nidħlu fit-tempju.”

“Kemm huwa sabiħ it-tempju hux Ġużeppi?”

“Iva, Marija il-Mulej Alla hekk jixraqlu li jkollu. Jekk qed nara sewwa riesaq lejna Xmun.”

“Taf li bil-kemm qed nagħrfu kemm xjaħ hux?”

“Ħa ngħajjatlu: Xmun! Xmun!”

“Ara sieħbi Ġużeppi kemm qed nieħu pjaċir li ntqajt miegħek.”

“Xmun din hi marti Marija u Ibni Ġesu’, ġejna biex nagħmlu dak li titlob minna l-liġi, li nippreżentaw lit-tifel tagħna Ġesu’ lill-Mulej u nagħmlu l-offerta tagħna lil Alla bħala ringrazzjament.”

 

“Ejjew ersqu lejn l-altar tas-sagrifiċċju tuni lit-tarbija f’idejja, kemm huwa ħelu! Kieku tafu kemm jien ferħan li fl-aħħar ta’ ħajti kelli nilqa’ fi ħdani lill-Messija. “Issa o Sidi tista’ tħalli lill-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu tiegħek, Iżrael.”

“Marija qed tisimgħu x’qiegħed jgħid Xmun fuq Ġesu’?  Dan donnu qed iħabbar xi ħaġa futura. Jien mhu qed nifhem xejn.”

“Lanqas jien Ġużeppi ma naf xi jrid jgħid! Tkun magħmula l-volonta’ t’Alla.”

 

“Issa wliedi ħudu lil Ġesu’ f’idejkom u inżlu għarkubbtejkom ħalli nitlob il-barka tal-Mulej Alla fuqkom.”

“Ixħet Mulej Alla l-barkiet kollha tiegħek fuq din il-familja, agħtihom is-saħħa u l-għerf li jkollhom bżonn fit-triq tal-ħajja.”

“Int Ġużeppi qies li tieħu ħsieb martek u Ibnek Ġesu’. Indukrahom minn kull periklu.”

“U int Marija, Ibnek Ġesu’ se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael, se jkun sinjal li jmerruh, u int ukoll sejf jinfidlek ruħek sabiex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

 

Min jaf x’ħasset f’qalbha Marija meta semgħet il-kliem tant iebes ta’ Xmun li għarrafha bil-Passjoni u l-mewt kiefra ta’ Binha Ġesu’ tarbija. Minkejja dan, Marija ma tfixklitx għaliex l-Iva tagħha meta dehrilha l-Anġlu Gabrijiel kienet il-frott tal-fiduċja sħiħa tagħha f’Alla.

Aħna wkoll fil-ħajja mhux dejjem nistgħu nifhmu kollox. Ġieli jiġru affarijiet f’ħajjitna li nħossuna ma nifhmuhomx. Mela, ejja nafdaw fl-imħabba ta’ Alla bħalma għamlet Ommna Marija f’ħajjitha.

 

Ommna Marija dejjem tkun lesta li tgħinna biex fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna ma nitilfux il-fidi tagħna, anke f’dawk il-mumenti li ma nkunux qed nifhmu.

 

It-Tieni dulur

 

It-Tieni dulur li ġarrbet Marija kien dak inhar li flimkien mar-raġel tagħha Ġużeppi u binhom Ġesu’, kellhom jaħarbu lejn l-Eġittu.

 

Darba f’nofs ta’ lejl anġlu tal-Mulej deher f’ħolma lil Ġużeppi.

“Ġużeppi! Ġużeppi! Qum u għamel dak li se ngħidlek.”

“Int min int?”

“Jien anġlu mibgħut mingħand il-Mulej Alla.”

“Xi trid minni? Jien qed nibża’.”

 “Irridek titlaq lejn l-Eġittu issa stess u ħu miegħek lit-tifel Ġesu’ u lil Ommu Marija. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien.”

“Għaliex għandi nagħmel dan kollu?”

“Għax Erodi qed ifittex lit-tifel Ġesu’ qed joqtlu.”

“Biex joqtlu? U għaliex?”

“Int obdi u għamel li qed ngħidlek jien mill-iktar fis. Jien se nindukrakom tul il-vjaġġ kollu.”

“Imma din kienet ħolma jew realta’?”

 

“Xi ġralek Ġużeppi? Ma min kont qed titkellem?”

“Kelli ħolma u le, le, mhux ħolma imma realta’. Iva deherli anġlu u qalli biex infittxu nitilqu minn Nażaret u mmorru l-Eġittu.”

“Imm’ issa billejl u tul il-vjaġġ nistgħu niltaqgħu ma’ ħafna perikli! Imma la l-Mulej iridna nagħmlu dan, allura nobdu għar-rieda tiegħu.”

“Issa, ejja nfittxu niltilqu, mur lesti xi affarijiet li jkollna bżonn tul il-vjaġġ forsi matul il-jum għandu mnejn niltaqgħu ma’ xi karavan ta’ negozzjanti taż-żjut u d-drappijiet u nkomplu t-triq magħhom. Kieku aħjar għax għandna vjaġġ twil wisq u perikoluż.”

“La tibżax! Marija l-anġlu tal-Mulej se jkun magħna tul it-triq kollha biex iħarisna.”

 

Min jaf x’ħasset Marija meta flimkien ma’ Ġużeppi u binhom Ġesu’ kellhom jaħarbu mal-lejl u jmorru l-Eġittu. Dan is-sagrifiċċju għamluh biex isalvaw lil binhom Ġesu’mill-mewt. Min jaf kemm hawn ġenituri li ta’ kuljum ikollhom jgħaddu minn sagrifiċċji kbar biex jgħinnu lil uliedhom jikbru u jimmaturaw.  Min jaf kemm hawn ġenituri oħrajn li għalkemm qed jagħmlu dak kollu li hu possibli biex irabbu lil uliedhom tajjeb, qed jaraw lil uliedhom jitbegħdu minn Alla. Marija u Ġużeppi għandhom ikunu xempju għal dawk il-ġenituri li għal xi raġuni jew oħra qed jaħarbu mir-responsabbiltajiet tagħhom biex jagħrfu li wliedhom għandhom bżonnhom.

 

Marija dejjem lesta li tgħinna biex ikollna dan il-kuraġġ, din il-fidi lejn Alla. Hija tgħinna naċċettaw deċiżżjonijiet diffiċli f’ħajjitna bla kundizzjoni.

 

 

It-Tielet dulur

 

It-Tielet dulur li ġarrbet Marija kien meta binha Ġesu’ kien intilef u wara tlett ijiem sabitu jiddisputa mad-dutturi  fit-tempju. Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesu’ kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena, huma telgħu skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet, qabdu it-triq lura, imma t-tifel Ġesu’ baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu.

“Skużani Żakkarija, int lil Ibni Ġesu’ rajtu?”

“Le, ma lmaħtu mkien jaqaw tliftuh?”

“Jien mingħalija kien ma’ Ġużeppi.”

“U jien mingħalija li kien ma’ Marija. Tgħidx kemm fittixnih ma’ ħbiebna u ma’ qrabatna.”

“Dak misskom żammejtuh magħkom il-ħin kollu.”

“Għandek raġun Żakkarija, imma taf int illum Ġesu’ kiber u mhux faċli żżommu miegħek il-ħin kollu.”

 

“Ġużeppi min jaf kieku nerġgħu mmorru fit-tempju...”

“Marija kkalma tinkwieta xejn, il-Mulej qiegħed magħna u żgur mhux se jippermetti li jiġrilu xi ħaġa. Issa tara kif insibuh.” ...

 

“Ġużeppi hemm arah, dak donnu Ġesu’ tagħna.”

“Iva hu kollu kemm hu. Grazzi Mulej Alla.”

“Dak Ġesu’ tagħkom? Prosit ħej x’tifel sar fih!”

“Għajjatlu Ġużeppi.”

“Milli jidher induna bina, arah riesaq ‘l hawn.”

“Ibni taf kemm ilna nfittxuk, dan għaliex għamiltilna hekk? Taf kemm inkwetajna jien u missierek?”

“Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”

“Issa morru d-dar fis-sliem. L-aqwa li Ġesu’ nstab. Il-barka tal-Mulej tinżel fuqkom.”

 

Marija u Ġużeppi ma fehemux dak li qalilhom Ġesu’, imbagħad huwa niżel magħhom u reġa’ mar Nażaret fejn baqa’ dejjem ubbidjenti lejhom.

 

X’għafsa ta’ qalb ġarrbet Marija għat-telfa ta’ binha. Tlett ijiem tfittxu bla ebda aħbar. Xejn ma qatgħalha qalbha u fil-pront tirritorna ma’ Ġużeppi Ġerusalemm, fost l-għejja u l-biża’, tfittxu b’dieqa ta’ qalb.

 

Min jaf kemm-il darba aħna wkoll ħsibna li tlifnieh!

Ġesu’, għinna dejjem insibuk ikun xi jkun iż-żmien f’ħajjitna.

 

Ejjew nersqu bit-talb tagħna lejn Ommna Marija, ħalli nieħdu s-saħħa kull darba li nitbgħedu minn binha Ġesu’ minħabba d-dnubiet tagħna, u b’hekk b’kuraġġ nerġgħu nersqu lejn Ġesu’ permezz tas-Sagrament imqaddes tal-Qrar.

 

Ir-Raba’ dulur

 

Ir-Raba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta tiltaqa’ ma’ binha Ġesu’ jġorr is-salib. Huma u sejrin bih qabdu wieħed jismu Xmuni minn Ċirene li kien ġej mir-raba u għabbewh is-salib biex iġorru wara Ġesu’. Kotra kbira ta’ nies kienet mixja warajh fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.

 

“Nisa ta’ Ġerusalemm mhux lili ibku, iżda lilkom infuskom u lil uliedkom, għax ara, għad jiġi żmien fejn jgħidu: Hienja dik li ma għandix tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled, u s-sider li qatt ma redda’. Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji: ‘Aqgħu fuqna’ u lill-għoljiet: ‘Ordmuna’, għax jekk dan kollu qed jagħmluh liz-zokk li għadu aħdar, mela x’se jsir minnu meta jinxef?”

“Imxi u la tieqafx!”

 

“Jekk qed nara sewwa hemm xi krimnali qed iġorru s-salib ... Ġwanni! Ġwanni! Wieħed minnhom huwa Ibni Ġesu’!! Arah, jaħasra kif inhu kollu dmija! ... Ġwanni ħudni viċin tiegħu ħalli nkellmu.”

 

“Għamel kuraġġ Marija, taqtax qalbek, imxi nkomplu nimxu t-triq tas-salib sakemm naslu fuq il-Golgota.”

 

“Għinnuni wliedi għax qed inħossni bla saħħa, imma din kellha tkun il-volonta’ t’Alla l-Missier. Jaħasra jkollkom ħniena minnu dak ma jiflaħx jimxi aktar! Ibni jiena qegħda nimxi u nbati miegħek. Ma niflaħx narak aktar f’din il-moħqrija!!”

“Għażiża Ommi din hija s-siegħa tiegħi u r-rieda ta’ Missieri.”

“Int mara żul minn nofs. Jaqaw dan jiġi minnek? Warrab, imxu.”

 

Fejn hemm dulur akbar minn dan li omm tara lil binha f’din is-sura?

“Imxi d-dar għażiża ommi, ma tistax tkompli f’dan id-dulur.”

“Le, hemm bżonn nibqa’ mixja ma’ Ibni Ġesu’ sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu.”

Min jista’ jġarrab dik id-dehra t’Omm li b’tant delikatezza u mħabba tiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ binha l-għażiż fost folla li tkaxkar għall-mewt hekk kiefra u krudila, inkurunat bix-xewk u mgħobbi is-salib?

Aħna wkoll għandna s-salib tagħna xi nġorru. Marija se tgħinna nħarsu lejn binha Redentur, speċjalment meta nkunu mgħobbijin taħt it-toqol tal-problemi u tad-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna. Hawn xi ħadd li ma jħossx meta jara dik l-Omm hekk imnikkta? Iżd’aħna bid-dnubiet tagħna, inkunu kawża li nnifdu l-Qalb ta’ Marija. Nistgħu ma nħossux dispjaċir għall-ingratitudni tagħna lejha?

 

Mela, ejjew inħarsu lejn Ġesu’ u lejn Marija fid-dulur tagħhom u npoġġu s-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna f’idejhom.

 

Il-Ħames dulur

 

Il-Ħames dulur li ġarrbet Marija kien meta hija baqgħet wieqfa taħt is-salib ta’ binha Ġesu’, flimkien ma’ oħta Marija ta’ Kleofa, Marija ta’ Magdala u l-appostlu maħbub tiegħu Ġwanni.

“Ieqfu hemm intom fejn sejrin?”

“Nitolbuk ħniena ħallina nersqu viċin ta’ Ġesu’.”

“Intom min intom?”

“Jien Omm Ġesu’ u dawn li għandi miegħi huma minn tal-familja. Nitolbuk ħallina nersqu ħdejh.”

“Insomma mhux użanza li nħallu lil min jersaq viċin l-ikkundannati, imma lilkom se nħallukom. Għaddu.. Morru..”

“Grazzi!”

 

“Imxi Marija għamel kuraġġ.”

 

“Mara hemm hu Ibnek.”

“Ġwanni hemm hi Ommok.”

“Ibni Ġesu’, qalbi ma tiflaħx aktar għal dan id-dulur! Avolja qed tmut ħsibt fija wkoll?”

“Marija, rrid inwettaq ix-xewqa ta’ Ġesu’. Inwegħdek li jien se nibqa’ nieħu ħsiebek.”

“U jiena wkoll Ġwanni, lilek u lid-dixxipli kollha, se nżommkom u nieħu ħsiebkom daqs uliedi.”

 

Ejjew bl-imaġinazzjoni tagħna nħarsu lejn il-Kalvarju fejn naraw lil Ġesu’ msallab u ‘l Omm mbikkija. Kemm hija ta’ dieqa li ‘l Omm tara ‘l binha msammar fuq is-salib. Kull daqqa tal-martell, kull kelma ta’ żeblieħ u t-tinfida bil-lanza fil-kustat ta’ Ġesu’, kollha ħassithom Marija Addolorata ġewwa qalbha. Għajnejn Marija ma tħarrkux min fuq binha Ġesu’ fuq is-salib, semgħetu jlissen l-aħħar kelmiet tiegħu qabel ma ħa l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Hi sofriet dan kollu ma’ binha Ġesu’ għalina.

 

Marija, agħtina l-kuraġġ naffrontaw il-mewt ta’ kuljum:

fid-dar, meta mhux dejjem ikun ward u żahar,

fuq ix-xogħol, meta ma nifthemux,

fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, meta nsibu t-tentazzjonijiet u jkonna mmutu għall-imħabba ta’ binha.

 

Kemm qegħdin nifhmu xi tfisser is-sofferenza fil-ħajja tagħna sabiex it-tama fina qatt ma tonqos? Kemm qegħdin fit-tiġrib li niltaqgħu miegħu ninxteħtu quddiem Ġesu’ u Ommu Marija biex insibu s-sabar tagħna?

 

Is-Sitt dulur

 

Is-Sitt dulur li ġarrbet Marija kien meta Ġesu’ ġie mnissel minn fuq is-salib u mqiegħed fi ħdanha.

“Billi kien jum it-tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Is-suldati fuq l-ordni ta’ Pilatu, kissru saqajn l-ikkundannati. Meta waslu għal Ġesu’ billi raw li kien ġa mejjet ma kissrulux riġlejh, madanakollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu bil-lanza u minnufih ħareġ demm u ilma.”

 

“Ibni għaliex se tħallini ninfena ġo qalbi sal-aħħar?”

“Marija mhux aħjar immorru ħalli ma narawx dil-kefrija kollha?”

“Ieqaf Ġwanni, jien irrid nixrob sal-aħħar qatra mill-kalċi li xorob ibni Ġesu’ għax din hija l-volonta’ t’Alla l-Missier.”

“Marija jien naf li dik id-daqqa ta’ lanza nifdet ukoll lil qalbek.”

“Suldati, issa tistgħu tniżżlu l-iġsma minn fuq is-slaleb.” ...

 

“Marija, aħna biss bqajna hawnhekk. Stabar Marija għax int wettaqt id-dmirijiet kollha ta’ vera Omm ma’ binha, t-tkażbir u ż-żeblieh li kien hawn, issa spiċċaw u madwarna qed issaltan ħemda qaddisa ta’ filgħaxija, li għandha sserraħ lill-qlub imweġġa’.”

“Uliedi dak li sofra ibni Ġesu’ jien soffrejtu miegħu. Issa kollox intemm, u mar fil-mistrieħ tal-Missier. Għalkemm għandi qalbi mifnija bin-niket, imma f’qalbi qed inħoss komfort u mistrieħ tas-sema. Hemm arahom qed iniżżlu lil Ġesu’ minn fuq is-salib, ejjew inlestu l-liżar biex inkeffnuh fih. Nitlobkom iddumux ma ġġibuh fi ħdani!”

“Marija, ejja strieħ ftit hawnhekk tista’ toqgħod bilqegħda fuq din il-blata. Hawn Marija ġejjin b’Ġesu’. ”

“Ejja, ibni fi ħdani ħalli nerġa’ nrossok ma’ qalbi kif kont nagħmel meta kont għadek daqsxejn ta’ tarbija. Jaħasra, araw ġismu kif inhu miksi bil-feriti.”

“Marija minn dawn il-feriti għad trid tixxerred il-barka u s-salvazzjoni għall-bnedmin kollha.”

“It-tbatijiet u l-mewt krudila li sofra, ibni, soffrejthom jien ukoll ġo qalbi bħal stallett aħrax, imma jien ma naqtax qalbi għax naf li fuq is-salib ibni Ġesu’ feda lill-bnedmin kollha tad-dinja.”

 

Ejjew naħsbu ftit fuq id-dulur l-aktar kiefer li fena l-Qalb imqaddsa ta’ Marija meta rat lil binha Ġesu’ mejjet fi ħdanha, kollu dmija u mimli ġrieħi u pjagi. L-ebda qalb iebsa meta tara din ix-xena tant krudila, ma ddubx mill-ebusija tagħha.

 

Ommna Marija Addolorata dejjem tkun lesta li tfarraġna fil-għawġ u l-mumenti ta’ dgħjufija tagħna. Ejjew nirrikorru għand Marija ħalli noħorġu mid-dlam tad-dnubiet tagħna, mill-kaos li jista’ jkollna f’ħajjitna. Ejjew niftħu jdejna bħal dawk ta’ Ġesu’ msallab u nilqgħu l-imħabba tiegħu mingħajr kundizzjoni.

 

Is-Seba’ dulur

 

Is-Seba’ dulur li ġarrbet Marija kien meta rat lil binha Ġesu’ jiġi midfun. Wara l-mewt ta’ Ġesu’, Ġużeppi minn Arimatea li kien dixxiplu ta’ Ġesu’ bil-moħbi għax kien jibża’ mill-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesu’. Pilatu ħallih u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesu’ billejl, u ġab miegħu taħlita ta’ morr u sabbara tiżen xi mitt libra.

 

“Marija jien u Nikodemu rrnexxielna nġibu l-permess meħtieġ biex lil Ġesu’ nidfnuh aħna kif jixraq, fil-qabar tiegħi.”

“Ma kinitx ħaġa faċli, imma sieħbi d’Arimatea nzerta li huwa l-uniku membru fis-Sinedriju li kellu relazzjoni tajba ma’ Pilatu.”

“Iċ-Ċenturjun jaf b’dan kollu?”

“Jien ħadt ħsieb ta’ kollox.”

“Il-Mulej Alla jberikhom għall-qalb kbira tagħkom.”

“Issa nistgħu mmorru ħalli kif naslu fil-qabar nagħmlu dak li jitlob minna r-rit tad-difna.”

“Marija, għamel kuraġġ! M’hawnx bogħod wisq.” ...

 

“Fl-aħħar wasalna, serħu l-ġisem ta’ Ġesu’ hawn fl-art. Int Ġwanni flimkien ma’ Nikodemu, ejjew ħalli ndawwru l-ġebla tal-qabar.”

“Dan il-qabar jidher għadu ġdid.”

“Iva, milux wisq li ħaffirtu. Xieraq li jindifen fih l-ewwel wieħed il-Maħbub tagħna Ġesu’.”

“Issa naqbdu lil Ġesu’ u noqgħodu attenti li ma niżolqux bih aħna u niżlin.”

“Ejja, Marija għin ruħek ħalli tinżel magħna.”

“Ġibtuhom magħkom il-fwejjaħ u l-faxxex tal-għażel?”

“Għal kollox ħsiebna. Issa dak ix-xogħol inħalluh għalikom in-nisa.”

 

“Ħalluni narah għall-aħħar darba. Qalbi ma tiflaħx aktar għal dan id-dulur.”

“Marija ftakar fil-kelmiet li Ġesu’ kien qallek meta telaq minn Betanja, li int kellek taqsam, d-dulur tal-mewt u wkoll tar-rebħa tiegħu.”

“Iva, niftakar li kien qalli dan il-kliem u jien hekk nemmen li se jseħħ.”

“Jiena nemmen ukoll li Ġesu’, mhux se jibqa’ mifrud minna għal dejjem. Aħna għad irridu nerġgħu narawh fostna mill-ġdid. Huwa hekk wegħdna u l-Kelma tiegħu hija verita’.”

 

Min jaf kif Qalb Marija Santissima splodiet bin-niket. Meta rat lil binha l-Maħbub imqiegħed fil-qabar. Aktar u aktar ma felħitx meta rat il-blata mgerba tagħlaq il-qabar qaddis.

 

Xieraq illi nagħlqu din il-mixja bit-talba tal-Papa Emeritus Benedittu XVI lill-Verġni Marija, meta kien żar lil dawk milquta mit-terremot qawwi ġewwa l-Italja:

 

O Verġni Marija, Omm wisq maħbuba tagħna, int li toqgħod qrib is-slaleb tagħna, bħalma bqajt ħdejn is-salib ta’ Ibnek Ġesu’, qawwi l-fidi tagħna sabiex anke jekk mifluġa bid-dulur, inżommu fissa l-ħarsa tagħna fuq il-wiċċ ta’ Kristu, illi fih, it-tbatija estrema tas-salib, dehret l-imħabba kbira u safja t’ Alla.

 

Omm tat-tama tagħna, agħtina l-għajnejn tiegħek biex ‘l hinn mit-tbatija u l-mewt naraw id-dawl tal-qawmien. Agħtina l-qalb tiegħek biex inkomplu anke fil-mumenti tal-prova nibqgħu nħobbu u naqdu.

 

O Marija Santissima Sidtna tas-salib, itlob għalina.

 

 

 

 

TALB, KURUNELLI U INNIJIET LILL-MADONNA TAĦT TITLI DIFFERENTI

 

Talba lill-Madonna tal-Mirakli

 

O Verġni glorjuża Omm Ħanina tagħna, verament li inti l-Madonna tal-Mirakli għall-grazzji kbar li xerridt u għadek ixxerred fuq dawk li fin-niket tagħhom lejk jirrikorru. Jien mill-fond ta' qalbi u bid-dmugħ f'għajnejja nitolbok, o Omm ħanina, ikollok ħniena minni, titlob lill-Iben Maħbub tiegħek li jagħtini l-grazzja li tant nixtieq (issemmi l-grazzja) u jiena nwiegħdek li nfittex inkabbar id-devozzjoni lejk u l-imħabba lejn Ġesu' Salvatur tagħna.

 

Talba lill-Madonna Ta’ Pinu

 

O Verġni Mqaddsa Omm Alla Marija, mgħollija s-Sema bir-ruħ u l-ġisem, li permezz ta’ Karmni Grima għazilt dan il-post biex minnu xxerred xita ta’ grazzji fuq min jitlob l-għajnuna tiegħek, ixħet, nitolbok, ħarsa ta’ ħniena fuq id-dinja mqallba u mbeżża', biex kif int ħlist mill-hemm lill-għarajjes ta’ Kana, hekk ukoll teħles lill-umanita' minn kull periklu tar-ruħ u tal-ġisem.


Agħmel li l-bnedmin kollha jħobbu lil xulxn bi mħabba ta’ aħwa. Ħares ukoll, Omm l-aktar ħanina, il-familji tagħna, li minnhom tissawwar is-soċjetá umana, biex jgħixu ħajja onesta, hienja u qaddisa fl-għaqda dejjiema taż-Żwieġ.

 

Imma fuq kollox, nitolbok, ħenn għalija li qed inbati taħt it-toqol tas-salib. Jekk mhux ta’ deni għal ruħi, agħmel li (semmi l-grazzja li tixtieq taqla’)... Iżda, jekk hija r-rieda tal-Mulej li jiena ma naqlax il-grazzja li qed nitolbok, agħtini l-qawwa li nerfa’ din it-tbatija u ngħaqqadha mas-Salib ta’ Ibnek Ġesù. Omm tiegħi Marija, għinni biex bħalek, b’ħarsti kollha lejn Alla, naċċetta bil-qalb ir-rieda tiegħu, u miegħek nistqarr: “Ħa jsir minni skont kelmtek”.

 

O Madonna Ta’ Pinu, żommni taħt il-ħarsa tiegħek biex niżgura ruħi li s-sabar ta’ din il-ħajja jwassalni għall-hena tal-ħajja ta’ dejjem, fis-Sema pajjizna.


(Għid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li l-ġisem ta’ Marija dam fil-qabar)

 

Madonna Ta’ Pinu, Sultana tal-familja: itlob għalina u ħarstek fuqna dejjem żomm.

 

 

Talba lill-Madonna tas-Saħħa

Omm Qaddisa tal-Kbir Alla, taħt il-mant tiegħek ilqagħna! La tirruftax it-talb minn tagħna fil-ħtiġijiet kollha tagħna! Dana lilek aħna ngħidu: O Marija, kun dejjem magħna! Mill-perikli inti ħarisna, bit-talb tiegħek int qaddisna. Kun magħna dejjem pjetuża, o Verġni mbierka u glorjuża!
(Itlob il-grazzja li tixtieq taqla')

Jingħadu 3 Ave Marijiet u Salve Regina
Saħħa tal-Morda, itlob għalina.

 

Talba lill-Madonna li tħoll l-għoqiedi tal-ħajja

 

Verġni Marija, Omm tal-Imħabba, Omm li qatt ma nqast li tiġi qrib uliedek, l-aktar lejn dawk li huma mweġġgħa. Omm li jdejk qatt ma waqfu li jgħinu u jaqdu lill-għeżiez uliedek, għaliex inti kollok tjieba u ħniena; ħniena li ġejja minn qalbek u li tħares dejjem lejja f'dan il-wied tad-dmugħ. Nitolbok għalhekk biex tħoll l-għoqiedi ta' ħajti.

 

Inti taf sewwa kemm inħossni mifni fit-tbatijiet tiegħi, b'dawn l-għoqiedi li qed jorbtuni mad-dinja u mal-ħażen. Marija, inti li Alla għażlek biex tkun dik li tħoll l-għoqiedi ta' ħajjitna, ta' wliedna, nittama fik illum u npoġġi f'idejk il-ħajja tiegħi. Ħadd, lanqas ix-xitan, ma għandu qawwa akbar minnek. Lejk indur u nitniehed u nitlob il-kenn tiegħek. F'idejk hija ħajti, ma hemmx għoqda waħda li inti ma tistax tħollha.

 

Omm qawwija, bil-grazzja tiegħek u bl-interċessjoni tiegħek quddiem Ibnek Ġesu' il-Ħellies ta' kulħadd, inpoġġi quddiemek illum l-għoqdiet ta' ħajti. (Semmi l-grazzja li għandek bżonn). Nitolbok b'fidi, biex tħoll kull għoqda.

 

Ismagħni, mexxini, ħarisni, kenn tiegħi. Nixtieq nibqa' għomri kollu nfaħħrek għal tant imħabba li wrejt miegħi. Ammen.

 

Talba lil Marija għajnuna tal-Insara

 

O Marija għajnuna tal-insara, ħadd ma resaq lejk, talbek u inti ma smajtx it-talba tiegħu. Jiena serva umli tiegħek, mimlija fiduċja, lejk nirrikorri, f'riġlejk nintefa', fi ħdanek nintelaq, u b'qalb devota u niedma lilek nitlob. Omm ta' Ġesu' jiena żgura li meta jasal il-waqt tisma' talbi u tagħtini dak li qed nitolbok. F'ġieħ Kristu nnifsu. Ammen.

Talba lill-Madonna tal-ward

 

O Omm tagħna, aħna rridu nfaħħruk u nqimuk taħt dan it-titlu tal-Madonna tal-Ward. Aħna rridu nagħtu ruħna kollna lilek u b’xhieda tad-devozzjoni tagħna lejk nikkonsagrawlek kollna kemm aħna lilek. U għaliex aħna kollna tiegħek, o twajba Omm, żommna u ħarisna bħala ħaġa tiegħek u li qiegħda f’idejk. Xerred fuqna l-grazzja tiegħek u berikna. (Sliema għalik Marija…)

 

Talba lill-Madonna tas-sokkors perpetwu

 

Omm ħanina tas-Sokkors Perpetwu, minn idejk jgħaddu l-grazzji kollha li Alla jagħtina. Għalhekk Hu għamlek tant setgħana u għanja biex tkun tista’ tgħinna fi ħtiġijietna. Int l-avukata ta’ kull min jersaq lejk; il-faraġ ta’ min ifittex il-protezzjoni tiegħek.

 

Għinni Madonna! F’idejk nerħi ruħi. F’idejk inqiegħed is-salvazzjoni tiegħi. Għoddni bħala persuna l-aktar miġbuda lek. Żommni taħt il-ħarsien tiegħek, u dan hu biżżejjed għalija. Jekk int, ja Marija, tħarisni u tidħol għalija, minn xejn ma nibża’ għax naf li int tagħmel dan quddiem Ibnek Ġesu’.

 

Sbejħa Madonna, għinni nimtela bl-imħabba lejn Ibnek, żomm idejk fuqi, fuq il-familja tiegħi u fuq pajjiżi, bierek il-ħidma ta’ dawk kollha li qed jagħmlu t-tajjeb u lili agħtini l-grazzja li fil-mumenti iebsa u f’kull tfixkil, nirrikorri lejk u ngħidlek: Omm tas-Sokkors għinni int; la tħallinix nitbiegħed minn Alla tiegħi.

 

(jingħadu 3 Ave Marijiet)

 

Talba lill-Madonna ta’ Fatima

 

O Marija, Omm ħanina tal-bnedmin, ħallina nersqu lejk bħala wliedek, u miegħek u bit-talba tiegħek tar-Rużarju, ngħollu leħinna biex infaħħru ‘l Alla l-Missier li ħatrek bħala bintu, ‘l Alla Ibnek li għamlek Ommu, ‘l Alla l-Spirtu Santu li ħabbek b’għarustu. Bid-dehriet u l-għeġubijiet ta’ Fatima inti twettaq dak li int għedtilna kemm-il darba fuq ir-Rużarju f’dehriet oħra ta’ qabel. Kompli issa l-wegħdiet tiegħek, u aqlagħlna l-grazzja li qed nitolbok... Qed nitolbok din il-grazzja f’ġieħ il-misteri tal-ħajja, tbatija, mewt u qawmien ta’ Ibnek Kristu Sidna. Ammen.

 

 

Talba lil Sidtna Marija tar-Rużarju ta’ Fatima

Omm il-bnedmin kollha nixtieq li nressaq quddiem il-Qalb tiegħek bla tebgħa, il-ferħ u t-tamiet tiegħi flimkien mal-problemi u l-weġgħat tiegħi u ta’ dawk kollha li jirrikorru lejk fil-bżonnijiet kollha tagħhom. Ja Omm l-aktar ġentili u ħanina, inti taf lil kull waħda minna b’isimha u żgur li tagħrafna mill-fattizzi tagħna u mill-istorja personali tagħna. Iżda full kollox, inti tħobbna b’imħabba ta’ Omm li taf il-bidu tagħha fil-Qalb tal-Ħniena Divina. Għalhekk nagħmel kuraġġ, u lejk nersaq, f’idejk nintelaq, lilek nafda, waqt li nikkonsagralek dak kollu li jien u li għandi, ja Omm Qaddisa u ħanina tiegħi. Ammen.

 

(Din hija t-talba li għamel il-Papa Benedittu XVI quddiem il-Madonna ta’ Fatima f’Mejju 2010)

 

Kurunella tal-Madonna ta’ Fatima

Ħdejn Fatima dehret l-Omm tagħna Marija,

liċ-ċkejkna tliet rgħajja, tfal safja u għaqlija.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

“Sinjura Żagħżugħa” imdawra bid-dija,

bil-ġmiel u bil-ħlewwa tas-sema mogħnija.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Ilbiesha bajdani, jgħattilha riġlejha,

kuruna sabiħa, imdendla f’idejha.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

“Min fejn inti ġejja?”, staqsietek Luċija:

“Is-Sema pajjiżi”, weġibt, o Marija.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Għidtilhom jitolbu għall-midneb, għall-ħati,

biex jibdel fis ħajtu, u le jmur ibati.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Dik qalbek urejthom bil-grazzja mimlija,

bl-imrar u bin-niket, tal-ħżiena mifnija.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Int ridthom, ibatu, sabiex ipattulek,

għal dik il-moħqrija li l-kiefra jagħmlulek.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Kastigi tal-biża’, dhert int biex tħabbrilna,

li mħabba ħtijietna, ilkoll jistħoqqilna.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

B’dan ridt fina tqanqal mibgħeda għall-ħtija,

li magħha ġġib fuqna hemm, biki w tbatija.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Imbierek Missierna li tam’oħra tana,

f’dik qalbek bla tebgħa, wisq ħelwa u setgħana. Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Għemil ta’ tpattija, int tlabtna nagħmlulek,

biex qalbek imnikkta, bl-imħabba nfarrġulek.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Biex lilek ġieħ nagħtu O xebba, Omm, Sidtna,

li ngħidu r-Rużarju kuljum inti ridtna.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

“Teħtieġ penitenza” int fl-aħħar wissejtna,

Hekk biss jistħoqqilna il-ħniena li wrejtna. Rit:

 

O Sidt tar-Rużarju, O ħelwa, O pija,

għas-Sema mexxina, Omm tagħna Marija.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Lourdes

 

Jiem tad-Dehriet:
Frar: 11, 14, 18, 19, 20, 21, 23, 25, 26, 27, 28.
Marzu: 1, 2, 4, 25.
April: 7.
Lulju: 16.

 

Sliem għalik, o Vergni Mqaddsa,
l’Inti dehert lil Bernardina
ġewwa l-grotta minn ta’ Lourdes,
biex imħabbtek int turina.  Sliema.

 

Lilha dehert tmintax-il darba
bħala xemx tiddi bid-dija,
b’libsa bajda u faxxa kaħla
kollok ħlewwa u sbuħija.  Sliema.

 

Fuq ix-xitla minn tal-ward,
int serraħt riġlejk ħafjin
u f’kull riġel kellek warda
minn ta’ deheb l-iżjed fin.  Sliema.

U f’idejk kellek kuruna
b’żibeg abjad bħall-ħalib
biex turina l’inti dejjem
fir-Rużarju l-għaxqa ssib.  Sliema.

 

Inti tlabt lil Bernardina
bi kliem ħelu kollu ħrara
sabiex tiġi f’dik il-grotta
lilek trodd ħmistax-il żjara.  Sliema.

 

Lilha għedt għal daż-żjarat
minni l-ħlas għandek tistenna
mhux il-ġid ta’ dina l-art
iżda l-glorja minn tal-ġenna.  Sliema.

 

Bid-dmugħ nieżel minn għajnejk
għall-ħtijiet minn tal-bnedmin
int tennejt lil Bernardina
titlob wisq għall-midinbin.  Sliema.

 

Penitenza, Penitenza,
penitenza tliet darbiet
erġajt għedt, sabiex il-maħfra
aħna jkollna mis-smewwiet.  Sliema.

 

Bgħattha tgħid lill-qassisin
jibnu Knisja f’dak l-irdum,
fejn il-qima tal-Insara
jista’ jkollok hemm kuljum.  Sliema.

 

Ridt ukoll barra mill-Knisja
illi ssirlek purċissjoni
għal ġol-grotta li qaddist,
b’din il-kbira apparizzjoni.  Sliema.

 

Biex biċ-ċar l-għamara tiegħek
hemm turina l’inti htart
għajn tal-ilma l-iżjed safi
nissilt b’għaġeb minn ġo l-art.  Sliema.

 

Inti għedt lil Bernardina
li tinħasel f’dik il-għajn,
tixrob minnha, l-ħaxix tiekol
li kien trabba qalb it-tajn.  Sliema.

 

U b’dak l-ilma minn tas-saħħa
l-eħżen nies saru tajbin,
qalgħu l-qawwa l-morda kollha,
sabu l-faraġ l-imnikktin.  Sliema.

 

Meta b’dawn il-grazzji kollha
rajt id-dinja ikkonsolata,
Jiena jien il-Kunċizzjoni
mort għedtilha, Immakulata.  Sliema.

 

Tkun imbierka mela dejjem,
o Konċetta mingħajr ħtija,
taħt t-titlu minn ta’ Lourdes
lilek nagħtu kull foħrija.  Sliema.

 

Nitolbu

O Verġni Immakulata, Omm tal-ħniena, saħħa tal-morda, refuġju tal-midinbin, konsolatriċi tal-imnikktin, int tagħraf l-bżonnijiet tiegħi, it-tbatijiet tiegħi, ixħet fuqi l-ħarsa ħanina tiegħek. Bid-dehra tiegħek, fil-Grotta ta’ Lourdes, Inti ridt li ssir lok magħżul mnejn ixxerred il-grazzji tiegħek, u diġa’ bosta msejknin sabu r-rimedju tal-mard tagħhom fr-ruħ u l-ġisem.

 

Niġi jiena wkoll mimli tama sabiex nitolbok il-grazzji ta’ Omm: isma’ Omm ħanina, it-talb umli tiegħi, sabiex mimli bil-benefiċċji tiegħek, nagħmel kemm nista’ biex nimita’ l-virtu’ tiegħek, biex ġurnata jkolli sehem fil-glorja tiegħek tas-sema. Hekk ikun.

 

Omm tagħna tal-Lourdes, itlob għalina. Santa Bernardina, itlob għalina.

 

Fjur tal-Karmelu (Flos Carmeli)

 

Fjur tal-Karmelu,

dielja bil-frott mgħobbija,

dija tas-sema,

xebba li waħdanija,

B'ġieħ t'omm tiftaħar.

Omm l-aktar ħelwa,

li ġmielek qatt ma ttabba',

lill-Karmelitani

ħniena uri u mħabba,

kewkba tal-baħar.

 

Fjur tal-Karmnu gran Reġina

 

Fjur tal-Karmu gran Reġina

Omm ta’ Kristu wisq ħanin,

itlob dejjem int għalina,

li ninsabu midinbin.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

O Sinjura, ifraħ magħna,

b’Ġesu’ Ibnek irxuxtat,

lilna għinna sa ma naslu,

fl-istess sebħ li ma jgħib qatt.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

B’Omm il-Knisja ġejt magħżula,

magħna xxandar din l-aħbar,

wara l-mewt, salib u difna,

Kristu llum gglorifikat.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Int l-Għarusa tal-Ispirtu,

itlob magħna f’dan iż-żmien,

sa ma qalbek tkun tirrenja,

w fik kulħadd isib l-għejxien.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

It-tlugħ tiegħek lejn is-Sema,

ifakkarna f’dak iż-żmien,

fejn għad naslu nfaħħru ‘l Alla,

flimkien f’ħajja ta’ bla tmiem.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Aħna lkoll flimkien mal-anġli,

ntennu l-innu ta’ tifħir,

magħhom bl-Ave inselmulek,

O Sultana b’għaġeb kbir.  Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

 

Innu Popolari lil Marija Assunta

 

Int kont dejjem fil-ħsieb tal-kbir Alla;

lilek ħabbar ġewwa l-ġenna tal-art,

fl-isbaħ ġnien sar il-bniedem jaf b'ismek,

fost il-għaxqa u l-fwieħa tal-ward.

 

Int ridt o Marija li ħajtek tkun tixbaħ,

lil warda fi-ġonna fid-dawl taż-żerniq,

biex tfisser is-safa' l-imħabba li tgħaqqad

il-bniedem ma' Alla li hu l-Ħallieq.

 

U bla tebgħa Marija ġejt fostna,

kewkba mdawvvla fl-aqwa dalma tal-lejl,

meta int bl-iva li għedt lill-anġlu,

tajtna 'l Ibnek li huwa l-Feddej.

 

Int tlajt o Marija, fejn Ibnek fis-sema,

sabiħa, glorjuża bil-ġisem u r-ruħ,

fost ferħ u kant ħelu tal-anġli,

hekk safa kif tħabbar il-ħażen mirbuħ.

 

Innu antik miktub l-Imqabba lil Marija Assunta (Carmelo M. Camilleri)

 

Sliem għalik o Verġni safja,

li minn Alla ġejt maħtura,

sabiex tkun Omm l-Iben tiegħu,

u għarusa l-aktar pura.

 

Iv' għarusa l-aktar pur,

tal-Ispirtu qaddis tiegħu,

għaliex lilek ried Reġina,

fil-kbir renju tgħammar miegħu .

 

Qalb il-kotra minn tal-anġli,

fuq kemm huma l-qaddisin;

lilek ried bħal avukata

tal-imsejkna midinbin.

 

 

Lilek għażel bħala Torri

o kbira Verġni Marija!

Sabiex tirbaħ lill-għedewwa,

minn tal-Fidi nisranija.

 

Lilek ħatar fost tant ħlejjaq,

sabiex taqsam id-duluri,

ma' Ġesu fuq il-Kalvarju,

sabiex kobor Alla turi.

 

Ried biss bik jagħti eżempju,

f'din id-dinja lill-bnedmin,

kif għandhom isofru d-dwejjaq,

biex isiru qaddisin.

 

Mel'o Kbira Protettriċi,

tal-Imqabba, art qaddisa,

li għażiltha sa minn dejjem,

bħala bintek il-għażiża.

 

Sabiex tgħożżok ġewwa darha,

bħala bint maħbuba tiegħek.

Biex tħarisha mid-disgrazzji,

u tħaddanha dejjiem miegħek.

 

Mel'o Kbira Verġni Mqaddsa,

fuqha xerred id-dawl tiegħek

biex ma' wliedha żgur tkun lesta,

li l-kbir Alla tfaħħar miegħek.

 

Ta' dat-talb fis agħti widen,

tħalliniex hekk imbikkijja,

ħarsa ħelwa dawwar fuqna,

sabiex ruħna tkun mhennijja.

 

Ftakar biss li tama kbira,

għandna fik, Verġni Marija,

li bit-talb imqaddes tiegħek

niġu mnaddfa minn kull ħtija.

 

U bla biża' nikkumbattu,

kontra l-għadu tar-ruħ tagħna,

u noħorġu żgur rebbieħa,

għaliex int tkun qiegħda magħna.

 

Mela fis o Verġni Mqaddsa,

lilna għatti bil-mant tiegħek,

sabiex wara din l-ħajja,

ilkoll niġu ngawdu miegħek.

 

Dak il-premju inwiegħed mn'Alla,

Lill-bnedmin ta' qalb ħanina,

li teħlishom il-qalb tiegħek,

b'dik imħabbtek, o Reġina.

 

Kanzunetta lill-Madonna (Charlon Grima)

 

Ġejt quddiemek biex nitgħaxxaq u ngawdik,

ninxteħet hawn f’riġlejk b’imħabba qawwija.

Int Reġina fewwaħt id-dinja b’dak il-ġmiel,

għax jistħoqqlok kull foħrija u l-għola ġieħ.

 

Imbagħad ġew l-anġli jżejnuk biex fil-ġenna aħna nqimuk,

titfa’ ħarstek fuqna lkoll u lkoll aħna nfaħħruk.

Nitolbuk o Marija biex tgħaqqadna f’armonija,

int imżejna b’kull virtu’ biex tgħaqqadna ma’ Ġesu’.

 

Ħarsu lejha lejn l-isbaħ kewkba tas-smewwiet,

tixħet fuqna raġġ ta’ dawl u verita’.

Int Padruna, tajtna r-rużarju b’kuruna,

inkurunata mit-Trinita’ għall-eternita’.

 

Għalkemm imnissla bla ebda tebgħa,

rajt lil Ibnek iġorr salib.

Għalhekk is-sejf mifdi f’qalbek,

kisiblek is-sliem bla tmiem.

 

 

 

 

Talba antika lill-Madonna ta’ Pinu għall-Vokazzjonijiet

 

O Sultana tas-sema, meqjuma taħt it-titlu “Ta’ Pinu”, nitolbuk, f’ġieħ it-tlitt ijiem li ġismek dam magħluq fil-qabar, li tieqaf magħna u mal-familji tagħna u tiddefendina mill-għedewwa ta’ ruħna u ġisimna.

 

Fuq kollox, nissel fostna, o Marija, għadd kbir ta’ sejħat għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża sabiex, imsawra taħt il-ħarsien tiegħek, jitqaddsu huma u jqaddsu wkoll lil sħabhom u hemm imxerrda lkoll mad-dinja, jagħtu lill-ġnus kollha lil Ibnek Ġesu’ Ostja. Ammen.

 

Innu lill-Madonna tal-Karmnu (1)

 

Madonna tal-Karmnu,

li tant inħobbuk,

arana madwarek,

‘il qlubna nagħtuk

 

Fil-Labtu li tajtna,

insibu l-mistrieħ

tal-qalb li bla heda,

tissaħħar għalih.

 

Int, Ommna Marija,

int ġmiel tas-Smewwiet,

ilqagħhom bil-ferħa

ta’ qlubna, l-għanjiet.

 

Hu ħeles lil Xmuni,

mill-biki w l-imrar

u refa’ lill-Ordni,

kif lemħu fix-xfar.

 

Hu lilna jeħlisna,

mill-hemm li f’kull ħin,

inġarrbu f’ħajjitna,

imsejkna bnedmin.

 

Għalhekk fuq sidirna,

ma’qalbna nrossuh,

u bl-akbar imħabba,

ilkoll li ngħożżuh.

Fis-siegħa ta’ mewtna,

nagħfsuh iżjed magħna,

ħdejn Alla hu lilna,

għad jieħu ferħana.

 

Madonna tal-Karmnu,

kun int l-hena tagħna,

fid-dar ta’ kull malti,

kun ‘l Omm u s-Sultana.

 

Innu lill-Madonna tal-Karmnu (2)

 

Warda safja tal-Karmelu,

kollok safja, kollok fwieħa,

isma’ l-ilħna, l-qlub ferrieħa,

tagħna wliedek li nħobbuk.

 

O Magħżula, Verġni Mbierka,

bl-ebda ħtija qatt imtebbgħa,

oh, li konna fl-oħla mħabba,

kif jixraqlek inqimuk!

 

Innu Popolari lill-Madonna tal-Karmnu

 

Fjur tal-Karmelu tfewwaħ,

bi qlubna inħobbuk.

Omm il-Feddej w Omm tagħna,

b’fomm wieħed infaħħruk.

 

Aħna l-Karmelitani,

bik aħna tant kburin,

għax int tagħtina l-qawwa,

biex nibqgħu fil-qalb safjin.

 

Min jixħet ħarstu fuqek,

u jħares f’għajnejk ħelwin,

jimxi fi triq li twassal,

għal dar Ibnek mal-Qaddisin.

Int tajtna Labtu mqaddes,

li tul iż-żminijiet,

fost il-ġemgħa ta’ wliedek,

wettaq l-għeġubijiet.

 

Bil-labtu fuq sidirna,

ma naqtgħu qalbna qatt,

ngħaddu mill-mewġ tal-ħajja,

u żgur ma jintilfu qatt.

 

Int wegħdtna li min jilbsu,

dal-labtu jżommu sħiħ,

fl-aħħar ta’ ħajtu jsibek,

f’bieb il-ġenna qed tistennih.

 

Fjur tal-Karmelu ħares,

fuq il-gżejjer Maltin,

żomm idejk fuq dal-poplu,

li ħabbek tul is-snin.

 

Sultana tal-qalb tagħna,

Omm Alla u l-bnedmin,

żomm sħiħa f’Malta tagħna,

l-imħabba lejn Ibnek Divin.

 

Aħna l-Karmelitani,

din l-għanja ngħannu flimkien,

biex tibqa’ sħiħa l-għaqda,

u tissaħħaħ tul iż-żmien.

 

Talba lill-Madonna ta’ Pinu għall-Vokazzjonijiet

 

O Madonna ta’ Pinu, int li kellek kuraġġ tħaddan fik il-ħolma ta’ Alla, billi qiegħedt iż-żgħożija u l-ħeġġa tiegħek f’idejh; ispira u ħeġġeġ lil dawk li l-Missier isejjaħ għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża biex fuq l-eżempju tiegħek illissnu b’ħeffa l-“Hawn jien” għall-ġid tagħhom, ta’ qrabathom u tad-dinja kollha.

 

Għin lil dawk li l-Missier u l-Knisja jagħżlu, biex jaqduk fis-Santwarju ta’ Pinu  u jżommu ħajja s-sejħa tiegħek f’dan l-imkien qaddis, billi, jilqgħu b’imħabba lil dawk li inti ssejjaħ għal dan il-post, joffrulhom is-silenzju sagru biex jiskopru l-vuċi tiegħek, iwiżnuhom fl-irfieħ ta’ salibhom, u jispirawhom biex jifhmu li ta’ din id-dinja kollox jgħaddi, u li wara kollox Alla biss se jibqa’.

 

 

TALB IEĦOR

 

Marija, ħu ħsiebi

 

Santa Marija, Omm Alla,
ħu ħsiebi,
biex ikolli qalbi bħal dik ta’ tifel.
Qalb sempliċi, li ma tingħalaqx fiha nnifisha,
tberren fuq id-dwejjaq tagħha....

imma qalb miftuħa,
li tagħti lilha nnifisha lil ħaddieħor,
ħafifa biex tifhem u tagħder;
qalb fidila u ġeneruża,
li ma taf iżżomm fiha l-ebda mibegħda għal xi għemil ħażin li jsirilha.

Kabbar fija qalb twajba u umli,
li tħobb mingħajr ma tistenna li tkun maħbuba,
lesta biex tintilef fi qlub oħrajn;
qalb kbira li ebda ingratitudni
ma tista’ tagħlaqha fiha nnifisha,
u ebda indifferenza ma tista’ tgħajjiha:

qalb mimlija bil-glorja ta’ Ġesù,
minfuda bl-imħabba tiegħu,
pjaga li ma titfejjaqx,
jekk mhux fis-Sema.

 

Talba lill-Madonna għall-ħarsien tal-familja

 

Marija Ommna Sultana tal-familja,
nixtiequ nafdawlek il-futur li qed
jistenniena, u nitolbuk tibqa’
dejjem magħna.

 

Dan huwa żmien straordinarju,
li fih progress teknoloġiku u
kontradizzjonijiet kbar.
Għandna f’idejna mezzi li jistgħu jbiddlu
saħansitra l-proċessi ewlenin tan-natura.

Illum ninsabu f’salib it-toroq u nistgħu
naqgħu fl-egoiżmu u l-kburija fiergħa.

 

Nafu li m’hemmx salvazzjoni
jekk mhux fi ħdan Ibnek Ġesù,
li fih irridu nintelqu,

biex nagħmlu dak li jgħidilna Hu.

 

Omm l-aktar Qaddisa,
nixtiequ neħduk magħna f’darna,
bħalma għamel Ġwanni l-appostlu.
Nixtiequk tItlob lil Ibnek Ġesù
jfawwarna bil-milja tal-Ispirtu s-Santu,
għajn ta’ kull ħajja.

 

Lilek Marija nafdaw il-familji kollha tagħna.
Idħol għalina sabiex għemilna u kliemna jkunu dejjem,
ta’ glorja u tifħir lil Alla,
il-Ħallieq tal-Ħajja u l-Imħabba. Ammen.


Sinjura Awgusta tas-Sema

 

Sinjur Awgusta tas-Sema, Sultana tal-Anġli, inti li mill-bidu nett irċevejt mingħand Alla, l-qawwa u l-missjoni li tisħaq ras Satana, bl-umilta’ kollha nitolbuk tibgħat il-leġjuni qaddisin tiegħek, li taħt il-kmand tiegħek u bil-qawwa tiegħek, huma jfittxu lix-xjaten fil-moħba tagħhom, jitqabdu magħhom, iġibu fix-xejn għemilhom u jwaddbuhom fl-abbiss.

Min hu bħal Alla?

 

Omm twajba u ħelwa, kun inti dejjem l-imħabba u t-tama tagħna. O Omm Divina, ibgħat l-Anġli u l-Arkanġli sabiex iħarsuna u jżommu l-għadu kiefer ‘l bogħod minna.

 

Anġli qaddisin u Arkanġli, iddefenduna u ħarsuna. Ammen.

 

 

 

Talba lill-Madonna

Il-kliem tal-kanzunetta mill-festival, L-Għanja tal-Poplu 2005. Kantanta minn Danica Muscat. Kliem ta' Alexia Vella Schembri.  Mużika ta' Chan Vella.

Filmat ukoll fuq il-Youtube ...https://www.youtube.com/watch?v=UAcc4HfbVzw

 

Ħelwa Marija, ismagħni ftit,

qegħda nitolbok u nistaqsik,

għaliex il-gwerer, it-tbatijiet,

id-dinja tagħna mimlija nkwiet?

 

Għaliex it-tfal fost l-imsejknin,

l-aktar li jbatu f’kull waqt f’kull ħin,

nuqqas ta’ ikel, abbużi kbar,

nitolbok tneħħi minn dan l-imrar!

 

O qalb ħanina, idħol għalina,

bħalm’għamel Ibnek sabiex jifdina.

Ipprovdi ‘l dawk li jbatu l-ġuħ,

filwaqt li trażżan lil dawk bla ruħ!

 

Tfal jiġġerrew kollha mċerċrin,

fil-bard tal-lejl għax imċaħħdin.

Marija, ismagħni, minn qalbi rrid,

miż-żejjed tiegħi, nibgħat xi ftit.

 

Kemm hawn tfal morda fl-isptarijiet,

qegħdin isofru maż-żminjiet.

Ħaddanhom miegħek, ressaqhom lejk,

ikunu waslu biex jiġu ħdejk.

 

Nixtieq li llejla qabel nistrieħ,

inwassal talba biex minnufih,

in-nies tad-dinja jifhmu ‘l xulxin,

u ma nibqgħux hekk mifrudin!

 

Talba tal-Familja

 

Mulej Ġesu’, int li twelidt u għext f’familja bħal tagħna. Familja b’mument ta’ ferħ, bħal meta twelidt int u ġew l-anġli, ir-rgħajja, il-maġi... bħal meta semgħu li bdejt tagħmel il-mirakli, fit-tieġ f’Kana, it-tkattir tal-ħobż, il-fejqan tal-morda, u saħansittra l-qawmien tal-mejtin. Min jaf x’ferħ ħassew ommok Marija u missierek Ġużeppi (sakemm dam ħaj) quddiem dawn il-ġrajjiet!

 

Imma fil-familja tiegħek mhux biss ferħ kien hemm. Kien hemm mumenti ta’ tensjoni, qtigħ il-qalb, nuqqas ta’ tama: ma sabux post diċenti fejn iwellduk, kellhom jaħarbu bik għax Erodi ried joqtlok, tilfuk meta kellek tnax-il sena, raw lin-nies jippruvaw iwaddbuk minn sies għal isfel, semgħu n-nies jgħidu li inti tlift rasek, u fl-aħħar nett ommok ratek ukoll minxur fuq salib!

 

Dan is-sabiħ u l-ikrah imħalltin flimkien aktarx kienu s-sors ta’ maturita’ familjari kbira. Frott ta’ dawn, intom ksibtu virtujiet umani permezz tat-tbatija, virtujiet spiritwali frott il-fiduċja f’Alla, u wasslu lil ommok tgħożż is-sabiħ f’qalbha, għożża li għenitha ma tikkrollax quddiem is-salib tiegħek.

 

Għinna, biex bħalma ġara fil-familja tiegħek, aħna wkoll nitgħallmu ngħożżu l-esperjenza tagħna bħala familja: għinna qatt ma ninsew il-grazzji li nirċievu kontinwament mingħandek. Nitolbuk, għinna, biex bħalma ġara fil-familja tiegħek, meta jiġi s-salib, ma jfarrakniex, iżda jgħinna nissaħħu u nimmaturaw. 

 

Talba lil Marija biex inkomplu nitqaddsu fir-Randan

 

O Marija, int li ma tafx x’inhu dnub: għandek qalb kollha ħniena għall-midinbin, qalb iffurmata mill-Iben li inti stess ffurmajt f’ġufek, qalb li taf tħenn u taħfer, qalb li wasslitek tibqa’ wieqfa u mimlija mħabba waqt li Ibnek il-waħdieni kien qed jiġi mislub.

 

Nitolbuk Marija, biex filwaqt li nkomplu nintebħu bl-imħabba tiegħek ta’ Omm, f’dan ir-Randan inkomplu nħabirku biex inżommu ‘l bogħod minn kull tinġis tad-dnub, u b’hekk insiru nixbhu dejjem iktar lil Ibnek u ħuna l-kbir Ġesu’.

 

Marija, għinna nkunu xandara ta’ Ibnek

 

Verġni u Omm tagħna Marija, inti li, imqanqla mill-Ispirtu, ilqajt il-Verb tal-ħajja, għinna llisnu l-“Iva” tagħna għas-sejħa urġenti, tagħfas iktar minn qatt qabel, li nsemmgħu mill-ġdid il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesu’.

 

Agħtina l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq ġodda biex jasal għand kulħadd id-don tal-ġmiel li ma jintefiex.

 

Int, Verġni tas-smigħ u tal-kontemplazzjoni, aqbeż għall-Knisja, li tagħha int ix-xbieha l-iżjed safja, biex qatt ma tingħalaq fiha nfisha u qatt ma tehda fil-passjoni tagħha biex twaqqaf mill-ġdid is-Saltna.

 

Omm il-Vanġelu ħaj, għajn ta’ ferħ għaċ-ċkejknin, itlob għalina.

 

Il-Verġni Omm Alla, Marija

 

O Verġni Mqaddsa Marija, fik niċċelebraw l-għemejjel kbar ta’ Alla li qatt ma jegħjja jitbaxxa bil-ħniena tiegħu biex jilħaq lill-ġens tal-bnedmin, mgħakkes mill-ħażen u miġruħ mid-dnub, biex ifejqu u jifdih.

 

Ħares b’dirgħajk lil ħajjitna:

bierek u qawwi kull xewqa tagħna għat-tajjeb; ġedded u saħħaħ il-fidi tagħna;

wieżen u ixgħel it-tama;

qajjem u kebbes fina l-imħabba;

dawwal lil kulħadd fil-mixja tal-qdusija.

 

Għallimna l-istess imħabba preferenzjali tiegħek

għaċ-ċkejknin u l-foqra,

għall-imwarrbin u l-batuti,

għall-midinba u dawk ta’ qalbhom imbeżżgħa:

iġbor lil kulħadd taħt il-ħarsien tiegħek u qegħedna lkoll f’riġlejn l-Iben maħbub tiegħek, Sidna Ġesu’. Ammen.

 

Talba tal-Papa Franġisku - Att ta’ Affidament lil Marija (13 ta’ Ottubru 2013)

 

Marija, ħarsilna l-fidi li ġabilna San Pawl

 

Marija, int ġejt meħlusa mit-tebgħa tad-dnub tan-nisel, u ġismek ma rax it-taħsir fil-qabar; inti li għalkemm inti xebba bla mittiefsa, sirt il-kamra ta’ ġmiel liema bħalu, għax minnek ħareġ Kristu, hu li kellu jkun il-veru dawl tad-dinja u l-għarus tal-Knisja; inti li bħala bint dan Ibnek ksibt glorja fuq glorja, u llum qed tiddi fuqna l-Insara bħala dawl ta’ tama u ħarsien fil-fidi tagħna.

 

Nitlobuk, illum, aħna u niċċelebraw it-twelid tal-fidi f’pajjiżna:

idħol għalina quddiem Alla l-Missier, biex bħalma hu ħeles lil San Pawl minn tempesta qalila biex jasal fuq din gżiritna, hekk il-fidi tagħna tibqa’ tiġi meħlusa minn kull qerq u ħażen, u mmexxija mill-Ispirtu qaddis, nagħrfu dejjem iżjed is-sinjali taż-żminijiet, biex dak Ġesu’ li inti wlidt għad-dinja bl-iva tiegħek għall-kliem tal-Anġlu, jibqa’ jitwieled ta’ kuljum fina, f’pajjiżna u fid-dinja kollha.

 

 

 

Talba ta’ marid lil Marija

 

Verġni Marija, int li sseħibt b’mod tal-għaġeb fil-misteru tat-tbatija, b’mod speċjali xħin rajt lil Ibnek l-waħdieni kkundannat għal mewt bla ħtija: iddi fuqna bħala sinjal ta’ tama u saħħa mis-Sema, biex aħna, waqt li nkunu nħarsu lejk, nitgħallmu minnek kif qalbna tista’ tkun marbuta mar-rieda ta’ Alla u niskopru l-ferħ li Hu biss jaf jagħti fil-fond tal-qalb, anki waqt l-istess mumenti ta’ tbatija.

 

Int li inti kollok xebħ ma’ Kristu Ibnek li kien immexxi mill-Ispirtu s-Santu u li quddiem is-salib nissillu f’qalbu t-talba: “Missier jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26:39):

għinni, o Omm smewwija, biex jien ukoll inħalli lill-ispirtu li jgħammar fija jtenni din l-istess talba ta’ Ibnek jekk il-Missier jitlob minni li nġorr is-salib.

 

Talba lill-Verġni Marija kontra il-Ħażin

 

O Verġni Immakulata, minnek twieled Kristu Ġesu’, dak li għaffeġ ras is-serpent tal-ħażen. Int kollok sabiħa, u l-ebda tebgħa ma hemm fik. Ieqaf magħna kontra kull qerq u ħażen.

 

Permezz tal-Magħmudija, aħna sirna wliedek u ġejna mnaddfa mid-dnub tan-nisel, qawwina fil-mixja tagħna bħala dixxipli ta’ Ibnek l-għażiż. Ħallina nistkennu taħt il-mant tal-ħniena tiegħek, u hekk niġu mħarsa minn kull qerq tax-xitan.

 

Omm tagħna Marija, għinna nsiru nixbhu lilek: umli quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. Nissel fina rieda qawwija fil-ġlieda tagħna kontra l-ispirti tal-impurita’, is-suppervja, l-għira u l-mibgħeda...

 

Ħeġġiġna fit-talb, sabiex induqu l-ħniena ta’ Ibnek fis-Sagrament tal-Maħfra u nitqawwew bl-Ewkaristija, l-Ikel tal-ħajja ta’ dejjem, u hekk nikbru fil-maħfra u l-imħabba ta’ xulxin.

 

Qaddejja ta’ Alla, kattar fina l-fidi, sabiex b’fedelta’ sħiħa nagħtu widen għall-Kelma Divina, u għinna ngħixu b’ferħ l-imħabba evanġelika, u hekk tissaħħaħ fina t-tama tal-glorja dejjiema.

 

Verġni Immakulata, kun magħna u itlob għalina midinbin, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.  Ammen.

 

Talba għall-qdusija tal-familja mill-Papa Franġisku

 

Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, ibdel il-familji tagħna fi mkejjen ta’ għaqda u ċenakli ta’ talb, skejjel tassew tal-Evanġelju u knejjes żgħar tad-dar.

 

Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, jalla qatt aktar fil-familji ma jkun hemm esperjenzi ta’ vjolenza, ta’ għeluq u ta’ firda: jalla kull min qatt kien imweġġa’ jew skandalizzat, isib minnufih il-faraġ u l-fejqan.

 

Familja Mqaddsa ta’ Nażaret, jalla s-Sinodu tal-isqfijiet li jmiss jagħraf irawwem mill-ġdid f’kulħadd l-għarfien tal-karattru qaddis u invjolabbli tal-familja, u l-ġmiel tagħha fil-pjan ta’ Alla.

 

Ġesu’, Marija u Ġużeppi, isimgħu t-talb tagħna u aqilgħuh.

 

Marija, idħol għalina

 

O Marija, meta inti nnutajt li l-miżżewġin f’Kana kienu mdejqa għax naqashom l-inbid – il-ferħ, l-imħabba, dak li jagħti t-tomgħa lill-ħajja – inti insistejt ma’ Ġesu’ biex jidħol għalihom: idħol għalina int ukoll illum, biex, fejn jonqos il-ferħ u l-imħabba, Ġesu’ Ibnek jibdlilna l-ilma – l-isforz ċkejken tagħna – fi nbid mill-ifjen.

 

Talba lil Marija għall-Isqfijiet tagħna

 

Verġni Marija, Omm ta’ Kristu Saċerdot, Inti tħobb b’mod speċjali lis-saċerdoti għax huma xbiha ħajja ta’ Ibnek il-Waħdani, Int kont tal-akbar għajnuna lil Ġesu’ tul ħajtek fuq din l-art u għadek tgħinu fis-Smewwiet: nitolbuk biex tieqaf Isqfijiet tagħna, agħtihom dak li għandhom bżonn fiż-żmien preżenti biex jgħarrfu jmexxuna u jqaddsuna. Nitolbuk tgħinhom biex ikomplu jfissrulna l-Vanġelu ta’ Kristu, u jgħallmuna nsiru tabilħaqq ulied Alla.

 

Nitolbu l-barka ta’ Marija, Reġina tar-Rużarju ta’ Pompei

 

O Reġina, nitolbuk tfawwarna bl-imħabba tiegħek li ma tispiċċa qatt u b’mod speċjali bil-barka tiegħek ta’ Omm. Bierek, o Marija f’dan il-mument, lill-Qdusija Tiegħu l-Papa. Mar-rebħiet kbar tar-Rużarju, agħti r-rebħa lir-Reliġjon Nisranija u l-paċi fis-soċjeta’. Bierek lill-isqfijiet tagħna u lis-saċerdoti kollha magħqudin magħhom. Bierek ukoll lil dawk kollha li jħeġġu d-devozzjoni lejn ir-Rużarju Mqaddes.

 

O Rużarju Mqaddes ta’ Marija, katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla, rabta ta’ mħabba li tgħaqqadna mal-Anġli, torri ta’ salvazzjoni minn kull ħażen u port żgur fit-taqlib tal-ħajja tagħna, aħna ma nitilqukx.

 

Inti illi tkun il-faraġ tagħna fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajjitna u għalik nerfgħu l-aħħar bewsa ta’ mħabba tagħna. U l-aħħar ċaqliq ta’ xofftejna jkun it-tifħir ta’ ismek, o Reġina tar-Rużarju ta’ Pompei. O Ommna kollok mħabba, o Omm tal-ħniena u faraġ tal-imnikktin, nibqgħu nfaħħruk għal dejjem. Ammen.

 

Sliem għalik Sultana...

 

Talba lil Marija ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta

 

Marija, agħtina l-Qalb tiegħek, hekk sabiħa, hekk safja, hekk Immakulata, il-Qalb tiegħek hekk mimlija bl-imħabba u bl-umilta’ sabiex anke aħna nistgħu nirċievu u nwasslu ‘l Ġesu’ bħalma inti rċivejtu u wassaltu lill-oħrajn.

 

Il-Misteri tar-Rużarju f’Poeżija (jitkantaw bl-Innu ta’ Fatima)

 

Tal-Ferħ

 

Imħabbra mill-Anġlu,

issir Omm, u Xebba,

mimlija bil-grazzja,

hi tibqa’ bla mtebbgħa.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Lejn l-għolja tal-Ħebron,

hi tħaffef bil-ħrara,

biex lil qaribitha,

bi mħabba trodd żjara.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Ġo għar ċkejken f’Betlem,

lil Binha tadura,

fil-waqt illi tqiegħdu,

bil-ħlewwa f’maxtura.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Bil-hena tas-Sema,

timtela’ Marija,

x’ħin toffri fit-tempju,

lil Binha tarbija.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

X’ħin tilfet lil Binha,

kemm bkiet bla ma turi;

b’ferħ kbir lilu sabet,

f’nofs ġemgħa dutturi.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Tad-Dawl

 

L-Ispirtu jmur jinżel,

fuq Kristu l-Messija,

kif tgħammed minn Ġwanni,

Ġesu’ bin Marija.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

Mill-ilma ġo Kana,

inbid kollu benna,

mar juri l-Messija,

li ż-żmien wasal f’temma.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Lill-ġemgħa miġbura,

Ġesu’ jmur iħabbar,

l-indiema u s-Saltna,

biex l-hena jkabbar.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Fuq l-għolja tat-Tabor,

jitbiddel bid-dija,

u miegħU jitkellmu,

Mose’ u Elija.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Matul l-aħħar Ċena,

Ġesu’ jmur jagħtina,

il-Ħobż li jgħajjixna,

biex biH Hu jifdina.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Tat-Tbatija

 

Bil-għaraq tad-dinja,

Ġesu’ fl-Ort jittallab,

għall-fidwa jitħejja,

fuq l-Għolja jissallab.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Is-swat mingħajr ħtija,

Ġesu’ għoġbu jbati,

biex lilna midinba,

tagħlima jmur jagħti.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Tal-biki kien wiċċeK,

Ġesu’ għażiż ħuna,

x’ħin f’rasek xeddewlek,

tax-xewk il-kuruna.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

O! Tiela l-Kalvarju,

il-Vittma Divina,

b’salib tqil mgħobbija,

biex fuqu tifdina.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Kemm niket Madonna,

sofrejt b’Qalb hekk kbira,

kif rajt l-Iben tiegħek,

fuq l-għuda jispira.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Tal-Glorja

 

Ġesu’ qam mill-qabar,

rebbieħ fuq l-għedewwa,

u ‘l Ommu l-maħbuba,

mar sellem bil-ħlewwa.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

‘Il fuq lejn Missieru,

fuq sħaba bajdana,

l-imgħallem intrafa’,

biex juri t-triq tagħna.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Dlonk ġie Ruħ il-Qodos,

bid-doni sbieħ tiegħU,

u xeħet fl-appostli,

mill-qawwa ta’ driegħU.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Sew wara li temmet,

ħajjietha l-Madonna,

fis ġiet imgħollija,

f’tas-Sema fil-ġonna.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)

 

Kuruna ta’ kwiekeb,

fuq rasha tinġema’,

kif Alla jaħtarha,

Sultana tas-Sema.

Ave, Ave, Ave Marija (x2)