Dwar it-talba Adsumus Domine

Fil-bidu tal-kull sessjoni tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, l-isqfijiet miġbura kien jitolbu flimkien din it-talba lill-Ispirtu s-Santu.  L-isem tat-talba, Adsumus Domine, huwa meħud mill-ewwel żewġ kelmiet tat-talba bil-Latin, ifisser, Ninsabu hawn Mulej. It-talba li tmur lura bosta sekli u li kienet tintuza f’bosta konċilji u sinodi aktarx inkibet minn San Isidor ta’ Sevilja (c 560 – 4 April 636 AD)

 

IT-TALBA ADSUMUS DOMINE

Ninsabu hawn quddiemek, Mulej Spirtu Qaddis, għalkemm inħossu l-piż tad-dgħufijiet tagħna, imma ninsabu hawn miġbura f’ismek. Ejja fina, kun magħna, idħol fi qlubna. Għallimna int x’għandna nagħmlu; urina t-triq li jeħtieġ nimxu fiha sabiex bil-għajnuna tiegħek, inkunu nistgħu nwettqu dak li int titlob minna.

Kun int biss li tissuġġerixxi u tiggwida d-deċiżjonijiet tagħna, għax int biss, flimkien mal-Missier u mal-Iben, int qaddis u glorjuż.

Int li tħobb l-ordni u l-paċi, tħalliniex inħarbtu l-ordni tal-ġustizzja. Tħallix li l-injoranza twassalna biex nagħmlu dak li hu ħażin. Tħallix li s-simpatija umana twassalna biex inxaqilbu ma’ naħa jew ma’ oħra, jew inkella li l-ġudizzju tagħna jkunu influwenzat mill-ġid materjali jew mill-persuni.

Żommna magħqudin miegħek bid-don tal-grazzja tiegħek sabiex inkunu ħaġa waħda miegħek u qatt ma nitbiegħdu mill-verita’.

Agħmel li magħqudin fl-isem imqaddes tiegħek, nibqgħu sħaħ f’dak li hu xieraq u sewwa sabiex dak li nwettqu jkun jaqbel ma’ dak li trid int fil-waqt li nistennew il-premju tal-ħajja ta’ dejjem għal dak li nkunu    wettaqana b’fedelta’ lejk. Ammen.

Miġjbua għall-Malti minn Vivienne Attard.