|
L-1 Stazzjon:
Ġesù kkundannat għall-mewt bla
ħtija
Il-verità
tweġġa’. Int kont sinċier. Kont
taf li ser tkun miċħud u
kkundannat minn dawk li kienu
l-għorrief, ix-xjuħ u l-mexxejja
tal-poplu ta’ Alla. Inti ġejt
f’darek, imma tad-dar tiegħek
lilek ma laqgħukx. Kienu
mexxejja ta’ poplu li
bix-xufftejn biss jagħtu ġieħ
lil Alla, imma qalbu hija ’l
bogħod minnu. Kemm il-darba inti
għidt lid-dixxipli tiegħek li
l-ħajja tajba tagħhom trid tkun
ħafna aħjar minn dik
tal-kittieba u tal-Fariżej,
inkella ma jidħlux fis-Saltna
tas-smewwiet. Il-kittieba
qegħdin flok Mosè u jorbtu u
jgħabbu qatet kbar u tqal fuq
spallejn l-oħrajn, imma lanqas
b’sebgħa wieħed ma jridu
jħarrkuhom huma. Int kont tgħid
lill-poplu biex ma jsejħu lil
ħadd rabbi, għax
l-imgħallem wieħed hu u
lkoll huma aħwa; u ma jsejħu lil
ħadd missierhom fuq din l-art,
għax il-Missier tagħna
wieħed hu: dak li hu
fis-smewwiet; u ħadd mhu
mexxej tagħhom ħlief il-Messija.
Kemm-il darba inti għidtilhom:
Smajtu xi ntqal, imma
jien ngħid, u huma fehmuha
li int kont qed tagħmel lilek
innifsek daqs Alla. Din kienet
il-kundanna tiegħek: li inti
Alla.
Għinni,
Mulej, ma niġġudika u
nikkundanna lil ħadd, u nemmen u
nxandar ma’ kullimkien li int
tassew l-Iben ta’ Alla magħmul
bniedem biex tmut għalina.
|
|
It-2 Stazzjon:
Ġesù jaċċetta s-salib bil-ħlewwa
Missier, jekk
jista’ jkun, biegħed minni dan
il-kalċi… imma jien għalhekk
ġejt, u x’diqa għandi li għadni
ma bdejtx inbati.
Issa waslet is-siegħa
tiegħek, is-siegħa li talab
minnek il-Missier. Il-pjan
tal-fidwa ser jibda u għalhekk
int aċċettajt bil-ħlewwa
s-salib, turija tat-tbatija u
tal-mewt. Int, l-Iben ta’ Alla
magħmul bniedem għalina, ġejt
biex tbati ħalli terġa’
tħabbibna mal-Missier.
Fix-xmara
Ġordan
int tħallatt
mal-folla midinba u nżilt
fil-ħama tad-dnubiet, int sirt
dnub għalina. Kemm-il
darba kont tiekol u tagħmilha
mal-midinbin,
u issa ġie l-mument li
tagħmilhom ħbieb m’Alla.
Int il-Ħaruf ta’
Alla li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja.
Int ukoll
għidtilna li biex inkunu
dixxipli tiegħek irridu nerfgħu
salibna kuljum u nimxu warajk.
Għinna,
Mulej, naċċettaw is-slaleb ta’
kuljum: nuqqas ta’ apprezzament,
ta’ stima, ta’ mogħdrija, ta’
mħabba, ta’ tant ġudizzji ħżiena
fuqna u tad-dgħufija tagħna, u
noffru kollox għall-ġid ta’
ħutna ħalli nixbhu lilek.
|
|
It-3
Stazzjon:
Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba
wiċċu fl-art
Li titlef
il-fiduċja fil-ħbieb hija daqqa
ta’ ħarta kbira, imma
meta
titlef il-fiduċja
fik nnifsek u ma tiflaħx
iġġorr
is-salib u taqa’ taħtu,
id-daqqa
hija aktar qawwija. Dak li
qajjem lil Lazzru mill-mewt u
tah il-ħajja, dak li kollox
deher possibbli
għalih,
kif ma felaħx iġorr it-toqol
tas-salib?
Barra li
l-għuda kienet
tqila u Ġesù kien diġà
mfarrak u mkisser bis-swat,
kemm kien tqil dan is-salib?
X’kien qiegħed itaqqal din l-għuda?
Hu tgħabba bid-dnubiet tagħna
lkoll, tal-bnedmin kollha,
niedma u mhumiex.
Is-salib kien jirrappreżenta l-għemil
ħażin
ta’ kulħadd,
ir-rimors li jġib dan l-għemil
ħażin, l-effetti
ħżiena ta’ dan l-għemil kollu.
Kien toqol kbir tassew.
Għinna, Mulej,
inġorru fina bħalek it-tbatija
li jġibu d-dnubiet ta’ ħutna li
żbaljaw u għadhom ma nidmux
mill-għemil ħażin tagħhom.
|
|
Ir-4 Stazzjon:
Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu Marija
Ġesù, ommok
f’ħajtek dejjem segwietek
fis-sabiħ u fl-iebes tal-ħajja.
Meta ta’ tnax-il sena nlift għal
tlitt ijiem, hija u Ġużeppi
nkwetaw u int weġibthom li kont
imħabbat bi ħwejjeġ Missierek.
Int ġejt fid-dinja biex twettaq
dak li ried minnek il-Missier.
Ferħet xħin ratek tbiddel l-ilma
fi nbid f’Kana u ferraħt
l-għarajjes. Ferħet xħin kienet
tisimgħek titkellem fuq Alla, li
hu l-Missier ta’ kulħadd, u tara
kulħadd madwarek jisimgħek u
jara l-fejqan tal-morda,
tal-agħma ta’ Ġeriko,
tal-magħtub ta’ Kafarnahum,
il-qawmien ta’ bint l-armla ta’
Najn, imma li s-sejf għad
jinfdilek qalbek. Il-profezija
ta’ Xmun fit-Tempju baqgħet
stampata f’moħħha u f’qalbha.
Kemm-il darba meta kont żgħir
waqajt u ġiet tiġri terfgħek,
imma issa ma setgħetx, imma
xtaqet dak li kien li qed jitlob
minnek il-Missier.
Għinna,
Mulej, qatt ma ninsew li ommok
hija ommna lkoll.
|
|
Il-5 Stazzjon:
Ġesù jiġi megħjun minn Xmun
iċ-Ċirinew jerfa’ s-salib
Ma ġiex jgħinek
Pietru, dak li qal li lest imut
għalik u int għidtlu li ma jkunx
idden is-serduk li ma jkunx
ċaħdek tlitt darbiet. Ħadd minn
dawk li int fejjaqt ma deher,
kulħadd beża’ u staħba u ħarab.
Kellu jkun wieħed li ma kienx
jimpurtah x’qed jiġri fil-belt,
kien barrani minn Ċirinajka,
illum il-Libja, medhi b’xogħlu,
ġej mill-għalqa, ħabrieki
għall-familja tiegħu, li kien
ma’ wliedu, li għenek. Dan ġie
magħżul biex jgħinek u int
aċċettajt din l-għajnuna
sfurzata. Kemm, Mulej, inti
tibgħatli bnedmin biex jgħinuni
fil-mixja ta’ ħajti u ma tajtx
kashom u lanqas għidtilhom
grazzi. Kemm, Mulej, ħuti
talbuni ngħinhom u staħbejt, u
fil-ħin tal-prova ma sabunix.
Aħfirli,
Mulej, li mhux dejjem kont
disponibbli jew għint lil ħuti
mill-qalb, imma aktarx għinthom
għal wiċċ in-nies.
|
|
Is-6 Stazzjon:
Il-Veronika tixxotta l-Wiċċ
imqaddes ta’ Ġesù
Din il-mara
kienet ilha timxi warajh, xtaqet
tersaq lejh ħalli tara wiċċu.
Tassew hu l-profeta żagħżugħ
mimli mħabba, mogħdrija u
ħniena? Tassew hu dak ir-rabbi
li tema’ daqshekk eluf ta’ nies
bi ftit ħobżiet u ftit ħut, u li
fejjaq tant morda? Hu dak li
ħsibna li hu l-maħbub ta’
Jaħweh, li kien ifisser
il-Kelma, it-Torah b’tant setgħa
u kulħadd kien konvint li Jaħweh
hu dejjem miegħu? Riedet tersaq
lejh, u xħin waqa’ għal tulu
fl-art ġietha l-opportunità u
b’ħeffa kbira qabdet il-maktur
li kellha ma’ rasha u mesħitlu
wiċċu mit-tajn, mill-għaraq u
mid-demm. Għarfitu, hu kollu
kemm hu, u ħalla l-marka ta’
wiċċu stampat fil-maktur, imma
aktar mill-maktur ħalla wiċċu
stampat f’moħħha u f’qalbha.
Għinna,
Mulej, ħalli l-ispirtu tiegħek
jimla lil moħħna u lil qalbna
bl-imħabba u l-mogħdrija ħalli
nkunu ta’ għajnuna lil kull min
itawwal idu għall-għajnuna.
|
|
Is-7
Stazzjon:
Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt
is-salib
Jekk trid tkun
dixxiplu tiegħi,
erfa’
salibek kuljum u imxi warajja.
Dan salibi huwa
jien bis-sabiħ u bid-diffetti li
għandi;
forsi għalija dan hu l-karattru
tiegħi u jien ferħan bih,
imma għal ħuti
jista’ jkun salib u
wġigħ.
Dan salibi huwa l-impenji li
għandi u li mhux dejjem
nagħmilhom b’ġustizzja u ħniena,
u b’hekk inweġġa’
lill-oħrajn. Dan salibi huwa l-iżbalji
li nwettaq kuljum bid-dgħufija u
forsi kultant bil-malizzja,
u ma nkunx
Kristjan
veru,
u nweġġa’
lil ħuti. Dan salibi huwa wkoll
l-imħabba u l-karità
li suppost
urejt
lil min hu bil-ġuħ jew bil-għatx
għal ftit apprezzament, lil min
hu għarwien għax m’għandux
sigurtà
u kuraġġ, lil min hu fil-ħabs
għax magħluq fih innifsu,
u ma tajtx kasu. Dan, Mulej,
huwa salibi,
imma
int
għidtilna li dawk li huma
mtaqqlin bit-toqol tal-ħajja
jiġu għandek u fik
isibu
s-serħan.
Għinni, Mulej,
nafda fik dejjem.
|
|
It-8
Stazzjon:
Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’
Ġerusalemm
Dawn in-nisa
tħassruh,
għax l-omm minnha nfisha tħoss
għall-kefrija tat-tbatija
tal-innoċenti. Dawn in-nisa
kellhom tamiet kbar f’dan
il-mexxej umli imma determinat,
dan il-profeta żagħżugħ li jgħix
dak li jipprietka, li jfejjaq
fejn jara l-uġigħ, li ma jħallix
in-nies
imorru
f’darhom sajmin wara li jkunu
semgħu l-Kelma ta’
Alla, li ddefenda l-mara
adultera u ħafer il-mara
prostituta, li ħareġ ix-xjaten
minn Mirjam ta’ Magdala.
Kienu jafu li
ebda profeta ma miet jekk mhux
f’Ġerusalemm. Ħajtu kienet mixja
kontinwa lejn Ġerusalemm. F’dak
il-mument wissiehom biex jibku
lilhom infushom u lil uliedhom,
għax ma għarfux fih il-mibgħut,
il-maħbub, il-qaddis, l-Iben ta’
Alla. Din tassew kienet il-vera
ħasra.
Għinna,
Mulej, inkunu xandara tal-Kelma
tiegħek u dixxipli tiegħek billi
nxandru bla mistħija li Ġesù hu
l-Feddej u l-ħabib ta’ kull
wieħed u waħda minna.
|
|
Id-9
Stazzjon:
Ġesù jaqa’ għat-tielet darba
taħt is-salib
Erġajt waqajt, ma
fadallekx aktar saħħa tqum. Imma
rġajt qomt u bqajt miexi, għax
il-mixja trid twassalha
sat-tmiem, sal-għolja
tal-Golgota. Fuq l-għolja
tat-Tabor int urejtna s-sebħ,
il-glorja tiegħek, imma l-glorja
tinkiseb bil-passjoni u l-mewt
tiegħek kif xehdu Mosè u Elija.
Mulej, kemm-il darba naqa’ jien,
u kultant il-waqgħat huma goffi
u li ma jħallulix aktar kuraġġ u
aptit li nqum u nerġa’ nibda
mill-ġdid. Imma inti ma tarax
biss il-waqgħat, imma li
l-midneb jindem u jitolbok
maħfra. Int faħħart l-iben
il-ħali meta qal: Ħa nqum u
mmur għand missieri, u xħin
wasal missieru għannqu u biesu,
libbsu l-isbaħ libsa u xeddlu
s-sandli f’saqajh u ċ-ċurkett
f’subgħajh u għamillu ikla.
Dan hu li
tagħmel int ma’ kull wieħed u
waħda minna meta nidinbu u
nindmu mill-ħażen tagħna, ħalli
tagħtina l-maħfra tiegħek.
|
|
L-10 Stazzjon:
Il-Lhud ineżżghu l-libsa lil
Ġesù
Ġesù,
int kont ilek li nżajt lilek
innifsek. Int mhux il-libsa biss
inżajt jew ħallejthom ineżżgħuk,
imma lilek innifsek. Int,
l-Iben ta’
Alla,
tneżżajt biex tbati għalina,
sirt bniedem bħalna u l-anġli
stagħġbu kemm iċċekkint. Il-profeta
meta tkellem fuqek qal:
Ma
kienx fih aktar x’tara.
Ħallejt il-glorja
tal-Missier biex taqdi lilna l-bnedmin.
Ma ġejtx biex
tkun moqdi imma biex taqdi
lill-oħrajn.
Int tajt lilek
innifsek għall-glorja
tal-Missier u għall-ġid tagħna
l-bnedmin.
Kemm hu diffiċli
għalina biex ninżgħu dak li
aħna! Allaħares xi ħadd ma
jagħtiniex l-istima jew
l-apprezzament ta’ dak li
nagħmlu jew ngħidu! Allaħares xi
ħadd jinterpretana ħażin jew
joffendina b’xi kumment iebes!
Imma nistgħu ninżgħu lilna
nfusna meta nagħtu ħinna
lill-oħrajn; meta nagħtu ħinna
nkunu qed nagħtu ħajjitna.
Ħajjitna hija ħin u meta nagħtu
ftit ħin lill-oħrajn billi
nisimgħuhom jew ngħinuhom,
inkunu qed nagħtu biċċa minn
ħajjitna. Meta tħobb u tħenn,
tkun qed tinża’ lilek innifsek
għax twarrab dak li jogħġbok
biex tagħmel dak li jitlob
minnek ħuk jew oħtok.
Għinna,
Mulej, nitgħallmu ninżgħu lilna
nfusna meta nħobbu, ħalli nixbhu
lilek.
|
|
Il-11-il
Stazzjon: Ġesù jimtedd fuq
is-salib u jsammruh bl-imsiemer
Kemm kien jiġik
eżatt is-salib! Int kont dejjem
imsammar
mar-rieda tal-Missier, għax
int
u l-Missier ħaġa waħda. Kont
dejjem
imħabbat
bi ħwejjeġ Missierek. Kemm
il-lejl għaddejt titkellem mal-Missier,
u kont tkun waħdek għax ħadd ma
jagħraf lill-Missier
daqsek u bħalek, fil-ħin intimu
mal-Missier kont tkun waħdek.
Darba keċċejt il-bejjiegħa mit-Tempju
u għidtilhom li dar Missierek
kellha tkun dar it-talb u mhux
suq. Kont tgħid lil kulħadd biex
ikunu perfetti bħalma hu perfett
il-Missier
tagħhom li hu fis-smewwiet,
li jtella’
x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena
u sew fuq it-tajbin,
u jniżżel ix-xita sew fuq min hu
tajjeb u sew fuq min mhuwiex.
Kont tgħallem b’setgħa kbira
għax il-Missier dejjem sab l-għaxqa
tiegħu fik u ġagħalna
nisimgħu lilek. Huma beżgħu
minnek xħin kont turihom kemm
kienu żbaljati u
tbiegħdu
mill-Kelma ta’ Missierek.
Il-poplu mġiegħel
mill-qassisin u mix-xjuħ għażel
li jinħeles Barabba li kien
qattiel, u mhux int, il-veru Bin
Alla. Bit-tislib tiegħek bdiet
il-fidwa tal-bniedem.
Għinni,
Mulej, biex bħalek ningħaqad
kollni kemm jien mar-rieda
tal-Missier.
|
|
It-12-il
Stazzjon:
Jgħolluh
mislub
u
wara
tliet
sigħat
ta’
agunija,
imut
Aħna nemmnu
f’Ġesù msallab, dagħwa għal-Lhud
u bluha għall-pagani. Kemm talab
minnek il-Missier! Permezz ta’
bniedem wieħed daħal id-dnub u
miegħu l-mewt, u permezz ta’
bniedem ieħor daħlet il-ħajja
ta’ dejjem. Fejn kotrot il-mewt,
kotrot fuq li kotrot il-grazzja
u l-imħabba ta’ Alla. Tant
kienet kbira l-waqgħa
tal-bniedem li Alla biss seta’
jerġa’ jħabbibna miegħu. Darba
inti wegħedtna li meta tiġi
merfugħ bejn is-sema u l-art,
tiġbed il-bnedmin kollha lejk.
Din il-wegħda seħħet tassew
billi bil-mewt tiegħek mhux biss
ġibtilna l-maħfra tad-dnub u
ħabbibtna mal-Missier, imma
wkoll għollejtna għal ulied
il-Missier u aħwa u werrieta
tas-saltna ta’ Alla. Bil-mewt
tiegħek il-bnedmin kollha
jirċievu din il-grazzja kbira li
Alla hu l-Missier ta’ kull
bniedem u ġo kull bniedem hemm
l-ispirtu ta’ Ġesù, l-ispirtu
tal-imħabba. Mislub, int turija
tal-akbar att ta’ mħabba, għax
m’hemmx imħabba ikbar milli
wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.
Għinna,
Mulej, ħalli bħalek ningħataw
fl-imħabba lil ħutna l-bnedmin.
|
|
It-13-il
Stazzjon: Ġesù fi ħdan ommu
Marija
O Marija, xħin
Ġesù kien fi ħdanek u ħarist
lejn wiċċu, żgur li ftakart
f’Nazaret meta Gabrijel qallek
li kont sibt grazzja quddiem
Alla u li kien ser ikollok iben
u ssemmih Ġesù. Ftakart
f’Betlehem meta ma sibtux fejn
iddabbru raskom u wlidt iben,
fisqejtu u poġġejtu f’maxtura.
Ftakart fid-dar ta’ Nazaret fejn
int u Ġużeppi rabbejtu lil Ġesù
u kienu jsibuh bin
il-mastrudaxxa. Żgur ftakart
f’Kana, meta għidtlu li
m’għandhomx inbid u wieġbek li
s-siegħa tiegħu kienet għadha ma
waslitx.
Issa s-siegħa
tiegħu waslet u l-għan li
għalih twieled u miet intlaħaq:
il-bniedem ġie mħabbeb mill-ġdid
mal-Missier.
Ġie biex jobdi
lill-Missier, iwettaq li xtaq u
kien ilu jwiegħed il-Missier.
Jekk il-ħabba tal-qamħ ma tmutx,
ma tagħmilx frott; hu ħa l-ġisem
tagħna biex joffrih bħala
vittma, offerta lill-Missier.
Qed tarah mejjet quddiemha, iżda
Marija kienet konvinta li
mat-tielet jum jerġa’ jqum.
Mulej, għinni
nħoss dan id-dulur li ħasset
ommok: kemm ma fehmukx
il-bnedmin u kemm aktar ma
apprezzawx dak li għamilt, imma
l-fidwa tal-bnedmin seħħet u
s-siegħa tal-imħabba sħiħa
twettqet.
|
|
L-14-il
Stazzjon:
Ħaduh
minn ħdan ommu u difnuh f’qabar
ġdid
Kollox hu mitmum.
Wettaqt ir-rieda tal-Missier u
l-qassisin il-kbar, ix-xjuħ
tal-poplu ġabuk fejn riedu,
salvaw ir-reliġjon tagħhom għax
kien meħtieġ li jmut wieħed
għall-poplu kollu. Kont sinċier
wisq, għajjarthom ġens ta’
lifgħat u oqbra mbajda.
Minn dawk
li kienu miegħek u ħabbewk, kien
hemm min beża’ u ħarab, kien
hemm min ċaħdek, kien hemm min
inħeba, kien hemm min sfida u
qagħad miegħek sal-aħħar. Int
kont għidtilhom li ser tkun
miċħud, imsawwat u maqtul,
imma kienu ftit dawk li emmnu li
int ser terġa’
tqum.
Ħadd
ma qam mill-mewt. Iżda l-mewt
mhix l-aħħar mument tal-ħajja;
hija l-ħajja
r-rebbieħa,
l-imħabba hija aqwa mill-mibegħda.
Alla hu dejjem rebbieħ u int l-Iben
ta’
Alla. Il-mixja li għamilna
flimkien weġġgħetna,
sewditilna qalbna,
imma l-qawmien
tiegħek hu l-pedament tal-fidi
tagħna. Il-qawmien tiegħek
jurina li int ħaj u li int
is-Sid tal-mewt u tal-ħajja, int
tassew il-Mulej.
Qomt u qiegħed
fuq il-lemin tal-Missier u
qiegħed magħna lkoll.
Għinna, Mulej, nemmnu
fil-qawmien tiegħek u
fil-qawmien tagħna, u li
ħajjitna ma tintemm qatt.
|
|