Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

MADRE MARGERITA DE BRINCAT

Vot pożittiv mill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin

Il-fundatriċi Għawdxija tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù dalwaqt tkun Venerabbli

Inħobbu l-Imħabba … 

Din hija sensiela ta’ ħames programmi ta’ 30 minuta dwar is-Soru Għawdxija, Madre Margerita De Brincat. Il-produzzjoni hi ta' Leħen il-Belt Victoria bil-kollaborazzjoni ta' Radju Marija. Preżentazzjoni minn Sr Marica Agius fcj.

1. Min kienet Madre Margerita, ħajjitha u l-għaqda li waqqfet.

2. Il-kariżma tal-Kongregazzjoni  li waqqfet Madre Margerita.

3. Il-kitbiet ta’ Madre Margeria.

4. Il-proċess għall-kawża tal-beatifikazzjoni ta' Madre Margerita.

5. Il-Papa Franġisku joħroġ id-digriet biex Madre Margerita tkun dikjarata Venerabbli.

Madre Margerita De Brincat

Tlieta: 21 ta’ Jannar 2014: Dal-għodu, kummissjoni ta’ Kardinali u Isqfijiet fi ħdan il-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin iltaqgħet f’sessjoni ordinarja biex tat ġudizzju dwar jekk il-Papa għandux jiddikjara lill-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita De Brincat, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex, bħala Venerabbli.  Din is-sessjoni tmexxiet mill-Kardinal James M. Harvey u għaliha kien preżenti l-Postulatur tal-Kawża, Patri Gianni Califano ofm.  

Il-vot tal-lum dwar il-virtujiet erojċi ta’ Madre Margerita sar fuq il-proposti mogħtija minn kummissjoni ta’ disa’ konsulturi teologi f’April li għadda.  L-eżitu tal-vot kien wieħed pożittiv, u għalhekk il-pass li jmiss issa hu li l-Kongregazzjoni tressaq ir-riżultat tal-vot tagħha quddiem il-Papa Franġisku biex, fuq parir ta’ l-istess Kongregazzjoni, jiffirma d-Digriet uffiċjali li bih jiddikjara lil Madre Margerita De Brincat bħala Venerabbli.  F’dak l-istadju, ikun jonqos biss l-approvazzjoni ta’ miraklu bl-interċessjoni tal-Venerabbli De Brincat biex hi tiġi ddikjarata Beata.

F’Velja ta’ Talb li nżammet il-bieraħ fil-Knisja tas-Sorijiet fi Triq Palma, il-Belt Victoria, fejn hemm il-Casa Madre li fiha għexet għal tant snin u mietet Madre Margerita, u fejn tinsab midfuna, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejħilha “vulkan li jarmi enerġija umana u evanġelika”.  Hu żied jgħid li dan hu “jum storiku għall-Knisja f’Għawdex” għaliex għall-ewwel darba fl-istorja, bint id-Djoċesi ta’ Għawdex tinsab daqshekk qrib il-glorja ta’ l-altari.

Madre Margerita De Brincat (1862-1952), minn Ta’ Kerċem, Għawdex, hi l-Fundatriċi tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù.

 

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta