TALB TA’ KULJUM

 

6.    Offerta tal-Ġurnata

 

O Ġesu, Saċerdot Etern, ilqa' nitolbuk t-talb, is-sagrifiċċji, l-opri u l-intenzjonijiet tajba tagħna.

 

Għaqqadhom ma' dawk tas-saċerdoti kollha tad-dinja biex minna, minnhom u minnek issir ostja waħda, ostja ħajja ta' tpattija u ta' glorja lill-Maesta Divina tiegħek u ta' għajnuna u komfort lis-saċerdoti tiegħek fil-qadi tal-ministeru tagħhom fost il-bnedmin. Ammen. 

 


 

7.    Offerta u Invokazzjoni ta’ għajnuna għas-Saċerdoti

 

Alla u Missier tagħna, bi tweġiba għall-Kelma t’Ibnek fil-Ġnien taż-Żebbuġ, ‘Ishru u itolbu miegħi,’ nitolbuk taċċettana bħala dawk li jgħinu lis-saċerdoti tiegħek, li għall-ġid tagħhom, noffrulek lilna nfusna, u kull jum li ngħixu b’sagrifiċċju ta’ mħabba. B’din l-istess ħeġġa li għandna li nkunu ta’ għajnuna għas-saċerdoti, aħna (semmu l-ismijiet tagħkom), noffrulek, Missier, b’fiduċja sħiħa kull jum ta’ ħajjitna b’dak kollu li nagħmlu tajjeb bħala sagrifiċċju ta’ mħabba fqira u ttrasformaha f’Qalbek fl-inbid tal-Kalċi tal-qawwa. Umbagħad, Missier, ibgħat l-anġli tiegħek b’dan il-kalċi għand is-saċerdoti kollha! Ammen.

 


 

8.    Talba għall-Kalċi tal-Qawwa 

 

Alla u Missier tagħna tas-Sema, f’dak il-lejl fil-ġnien taż-Żebbuġ, Ibnek qal lil Pietru: ‘Taħseb li ma nistax nitlob lil Missieri, biex jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli jitqabdu għalija? (Mt.26:53) Missier, nitolbok issa: ibgħat dawn it-tnax-il leġjun ta’ anġli bil-kalċi tal-qawwa fil-Ġetsemani tal-Knisja Mqaddsa biex tiddefendi u tassisti lis-saċerdoti, li msaħħin bil-qawwa u l-preżenza ta’ dawn l-anġli, fedelment iwettqu l-missjonijiet saċerdotali tagħhom. Ammen.

 


 

9.    Talba għas-Saċerdoti

 

O Alla Etern u ta’ Qawwa nfinita, ħares lejn il-wiċċ ta’ Ibnek u b’imħabba lejh, li hu s-Saċerdot Etern, ħenn għas-saċerdoti tiegħek. Ftakar, O Alla ta’ ħniena nfinita, li huma biss bnedmin dgħajfa u fraġli. Qanqal fihom il-grazzja tal-vokazzjoni tagħhom li qegħda fihom bit-tqegħid ta’ jdejn l-isqof fuqhom. Żommhom qrib tiegħek, biex il-għadu ma jkollux setgħa fuqhom, biex huma qatt ma jagħmlu xi ħaġa, lanqas żgħira li ma tixraqx lill-vokazzjoni sublimi tagħhom.

 

O Ġesu’, nitolbuk għas-saċerdoti lejali u ferventi tiegħek; għas-saċerdoti li ma baqgħux lejali lejk u birdu; għas-saċerdoti li jinsabu jwettqu ħidma f’pajjiżhom jew barra minn pajjiżhom fl-artijiet imbegħda tal-missjoni; għas-saċerdoti tiegħek li huma ttentati; għas-saċerdoti li qed iħossuhom waħedhom u mdejjqa; għas-saċerdoti ta’ eta’ żgħira; għas-saċerdoti li jinsabu qrib il-mewt; għall-erwieħ tas-saċerdoti tiegħek li jinsabu fil-purgatorju.

 

Fuq kollox, nirrikmandawlek is-saċerdoti għeżież għalina, is-saċerdoti li għammduna, is-saċerdoti li ħallewlna minn dnubietna, is-saċerdoti li assistejna quddies tagħhom u li offrewlna l-Ġisem u d-Demm tiegħek fit-Tqarbin Qaddis, is-saċerdoti li għallmuna u ggwidawna, u s-saċerdoti li b’xi mod aħna midjuna lejhom. O Ġesu’, żommhom ilkoll qrib ta’ Qalbek, u berikhom bl-abbundanza, fiż-żmien ta’ issa u fl-eternita’. Ammen.

Kardinal Cushing

 


 

10.     Talb qasir għas-Saċerdoti

 

v  Ġesu’, Salvatur tad-dinja, qaddes lis-saċerdoti u lis-seminaristi.

 

v  Marija, Sultana tas-Saċerdoti, itlob għalina; agħtina ħafna saċerdoti qaddisin.

 

v  Ġesu', Salvatur tad-dinja, qaddes lis-saċerdoti u l-ministri qaddisa tiegħek.

 

v  Mulej Alla tagħna, biex issaltan fuq il-poplu tiegħek int ridt tingħaqad mal-ministeru tas-saċerdoti. Agħtihom il-grazzja li jaċċettaw ir-rieda qaddisa tiegħek biex, fil-ministeru u l-ħajja tagħhom, huma jfittxu biss il-glorja tiegħek. Nitolbu dan permezz tal-Mulej Ġesu’ Kristu, li jgħix u jsaltan miegħek u ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

v  Alla, agħtina saċerdoti qaddisin biex jiċċelebraw is-Sagrifiċċju tas-Salvazzjoni, biex jagħtu lill-midinbin il-konsolazzjoni tal-maħfra u l-erwieħ bil-għatx il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’ Kristu. Ammen.

 

v  Mulej, agħtina ħafna saċerdoti qaddisin.

 

v  Agħtina saċerdoti qaddisin biex ifarrġu lil dawk li qed ibatu, biex ifakkruna li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin, biex ibierku d-djar tagħna, il-ħidma tagħna, l-għelieqi tagħna biex is-saltna tiegħek tinfirex u tilħaq lill-erwieħ kollha.

 

v  Qalb Qaddisa ta’ Ġesu’, agħti lill-Knisja tiegħek ħafna saċerdoti qaddisin. Sultana tal-Appostli, itlob għalina.

 


 

11.     Talba għall-Qdusija tas-Saċerdoti

 

Mulej u Alla, Re tas-sema w l-art,

Inti fdajt f’idejn is-saċerdoti

l-aktar teżor sagru fil-ħolqien kollu,

biex iġġib preżenti bil-qawwa Tiegħek

il-konsagrazzjoni Ewkaristika.

Ibgħat saċerdoti qaddisin għall-poplu tiegħek,

ħalli jkunu ta’ sapport għalihom f’mumenti ta’ periklu,

ħalli jkunu bħal aħwa għalihom fi bżonnijiethom,

ħalli jġorru Lilek bil-kliem, bl-azzjoni u bil-verita’

fil-ħajja ta’ kuljum u fil-qlub tal-bnedmin.

 

Agħmel li qalbhom, moħħhom u jdejhom

Ikunu safja, vera u umli!

Agħmel li jilbsu il-bixra ta’ Wiċċek u s-sofferenzi kollha li sofrejt Int għall-ġid tal-poplu tiegħek.

Agħmel li jkunu fidili Lejk, Mulej u Alla,

Lejn il-Knisja u lejn id-doveri tagħhom sa l-aħħar nifs. Ammen.

 


 

12. IT-TRIQ TAS-SALIB GĦAS-SAĊERDOTI
(L-aktar dawk li qed isofru minn kull xorta ta’ persukuzzjoni)

 

INTENZJONI: Għażiż Ġesu’, noffrulek din ‘it-Triq tas-Salib’ li se nagħmlu għall-unur u l-glorja tiegħek u għas-saċerdoti, speċjalment dawk li qed isofru minn persekuzzjoni minħabba s-sejħa tagħhom. 

 

 

L-Ewwel Stazzjon

Ġesu’ kkundannat għall-mewt.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Evangelu ta’ San Mark: (K.15, V.14-15)

 

Qalilhom Pilatu: ‘Imma x’għamel ħażin?’ Huma aktar bdew jgħajjtu: ‘Sallbu!’ Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesu’, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

 

Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk talli int ippermettejt li tkun ikkundannat inġustament għall-mewt għalina. (Ieqaf irrifletti).

 

F’ġieħ din it-tbatija li sofrejt, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja li jikkundannaw lilhom infushom billi jmutu għad-dinja waqt li għadhom fid-dinja, ħalli ma jkunx hemm bżonn li int tikkundannahom wara mewthom. Nitolbuk ukoll biex f’ġieħ dan l-insult lejn id-dinjita’ tiegħek, tassisti lis-saċerdoti li qed isofru kundanna nġusta minħabba fik, ħa jġorru din is-sofferenza bil-paċenzja f’unjoni miegħek.

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

 

It-Tieni Stazzjon

Ġesu’ mġiegħel iġorr is-salib.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Evangelu ta’ San Mark u San Ġwann: (Mk K.15, V.16-17,19-20) (Ġw K19, V16b-17)

 

Is-suldati ħaduh.. fil-Pretorju.., libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk.. U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu.. u jgħadduh biż-żufjett.. Imbaghad ħaduh biex isallbuh. Ġesu’ ħareġ mgħobbi huwa stess bis-salib lejn il-post imsejjaħ ‘il-Qorriegħa’, bil-Lhudi Golgota.

Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk li lqajt is-salib aħrax fuq spallejk miġruħa u ġarrejtu sal-Golgota. (Ieqaf irrifletti).

 

F’ġieħ l-umilta’ li biha aċċettajt is-salib, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja li jaċċettaw b’umilta’ s-slaleb tal-vokazzjoni tagħhom.

 

Nitolbuk ukoll biex tagħti lis-saċerdoti, li huma mġegħlin mill-għedewwa tiegħek u tagħhom iġorru l-ħafna slaleb tal-persekuzzjoni, li jimxu warajk fuq l-passi mdemmija tiegħek.

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

It-Tielet Stazzjon

Ġesu’ jaqa’ għall-ewwel darba.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.52, V.14-15)

 

Bħalma ħafna baqgħu mistagħġba bih, - għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem, - hekk għad jistagħġbu ħafna minħabba fih. Quddiemu s-slaten jagħlqu ħalqhom, għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.

 

Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk ta’ din l-ewwel darba meta int waqajt taħt it-toqol tas-salib. (Ieqaf irrifletti).

 

F’ġieħ l-umiljazzjoni li int sofrejt f’din il-waqgħa, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jevitaw kull dnub intenzjonat u jekk jaqgħu, li jqumu fis u jkomplu miexja warajk. Nitolbuk ukoll għal dawk li qed isofru persekuzzjoni minħabba fik, il-grazzja li jimxu warajk bla ma jagħtu kas tar-rispett uman.  

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Ir-Raba’ Stazzjon

Ġesu’ jiltaqa’ m’Ommu Addolorata.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tas-Salmi: (P.22, V.7-11)

 

Jien dudu tal-art, u mhux bniedem, żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu. Dawk kollha li jarawni jidħku bija, jgħajjbuni, iħarrku rashom u jgħidu: ‘F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!’ Imma int minn ġuf ommi lqajtni; fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni. Fuqek qegħduni sa minn twelidi; int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi. 

 

Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk ta’ din il-laqgħa tiegħek m’Ommok Marija fit-triq iebsa tal-Kalvarju. (Ieqaf irrifletti).

 

F’ġieħ l-unjoni tal-Qalb Imqaddsa tiegħek mal-Qalb Immakulata t’Ommok, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jkollhom lil Marija bħala l-akbar għajnuna u faraġ f’ħajjithom u fis-siegħa ta’ mewthom. Agħti wkoll, li l-Omm ħelwa tiegħek tkun, b’mod speċjali ma’ dawk is-saċerdoti li qed isofru persekuzzjoni minħabba fik. Ħa tfarraġhom hi fil-mumenti ta’ prova u dlam bħalma farġet lilek fit-triq tiegħek lejn il-mewt.

 

Missierna, Sliema u Glorja.

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Il-Ħames Stazzjon

Ġesu’ megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Evangelu ta’ San Luqa: (K.23, V.26)

 

Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesu’.  

 

Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk talli ppermettejt li tingħatalek din il-ftit għajnuna, anki mingħand wieħed li ma tantx ried jagħtik dan is-servizz. (Ieqaf irrifletti).

 

Permezz ta’ din l-għajnuna li inti aċċettajt mingħand Xmun, nitolbuk biex tibgħat lis-saċerdoti tiegħek xi ħadd li jaghtihom parir, jagħmlilhom kuraġġ u jissapportjahom, xi ħadd li jgħinhom f’mumenti ta’ tbatija meta s-slaleb tal-vokazzjoni tagħhom isiru kważi nsapportabbli biex iġorruhom waħedhom. Agħti wkoll lis-saċerdoti li jġorru s-slaleb tal-persekuzzjoni u tortura l-grazzja li jiġu megħjuna, imfarrġa, min jittratta magħhom b’ġentilezza, biex fl-aktar mumenti iebsa u ta’ qtiegħ il-qalb, huma jkunu jafu li inti magħhom, taqsam is-slaleb tagħhom bħalma huma jaqsmu tiegħek.     

 

Missierna, Sliema u Glorja.

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Is-Sitt Stazzjon

Il-Veronika timsaħ il-wiċċ ta’ Ġesu’.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.53, V.2-3)

 

Bħal xitla kiber quddiemna, u bħal għerq minn art niexfa. Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.

 

Għażiż Ġesu’, nirringrazzjawk talli ħallejt ix-xbieha tal-wiċċ qaddis tiegħek fuq il-velu tal-Veronika. (Ieqaf irrifletti).

 

F’ġieħ il-mod li bih ippremjajt lil Veronika, nitolbuk li tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jagħrfu x-xbieha qaddisa tiegħek fihom infushom u f’dawk fdati lilhom. Nitolbuk ukoll tagħti lis-saċerdoti li qed isofru persekuzzoni biex jagħrfu x-xbieha tiegħek, minkejja li sfigurata, fil-persekuturi tagħhom ħalli huma wkoll, joħolqu x-xbieha tiegħek fihom billi jmutu b’talba ta’ maħfra għall-għedewwa taghhom. 

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Is-Seba’ Stazzjon

Ġesu’ jaqa’ għat-tieni darba.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.53, V.4-5)

 

Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.

 

Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk ta’ din it-tieni waqgħa tiegħek taħt is-salib. (Ieqaf irrifletti).

 

F’ġieħ il-feriti li sofrejt b’din il-waqgħa, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jkunu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom bħala rgħajja tal-erwieħ. Agħmel Mulej, li b’waqgħa bħal din mill-idejal tal-istat tal-ħajja tagħhom, jibbenefikaw mill-qawmien tiegħek wara t-tieni waqgħa u jqumu ukoll, biex ikomplu miexja warajk. Agħti wkoll, lil dawk li huma ttentati li ma jaqdux dmirijiethom minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni, il-kuraġġ mill-waqgħat tiegħek u li jġorru s-slaleb tagħhom fedelment f’għaqda miegħek. 

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

It-Tmien Stazzjon

Ġesu’ jfarraġ lin-nisa ta’ Ġerusalemm.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Evangelu ta’ San Luqa: (K.23, V.27-28)

 

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesu’ dar lejhom u qalilhom: ‘Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda lilkom infuskom u lil uliedkom’.

 

Għażiz Ġesu’, nirringrazzjawk tal-konsolazzjoni li int tajt lil dawn in- nisa li bkew minħabba s-sofferenzi tiegħek. (Ieqaf irrifletti).

 

Agħti, nitolbuk, lis-saċerdoti, il-grazzja li juru ħniena u qlubija ma’ dawk li jirrikorru għandhom għall-għajnuna. Agħtihom il-paċenzja li jifhmu l-bżonnijiet tan-nies u jempatizzaw ma’ kull min isofri, biex il-qalb saċerdotali tagħhom tirrifletti l-virtujiet tal-Qalb kbira tiegħek. Lil dawk li jsofru provi u tbatija minħabba fik, agħti Mulej il-grazzja li jżommu dawn għalihom infushom, ħalli b’hekk, filwaqt li jkunu jixbħu lilek, ma jingħalqux fihom infushom u jinsew l-ugiegħ tal-oħrajn.   

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Id-Disa’ Stazzjon

Ġesu’ jaqa’ għat-tielet darba.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K.53, V.6-7)

 

Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għal rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.

Nirringrazzjawk, O Ġesu’, għal din it-tielet waqa’ fejn il-ġisem qaddis tiegħek intagħsar ma’ l-art taħt il-piż tas-salib u s-sofferenzi tiegħek. (Ieqaf irrifletti).

 

Permezz tal-kuraġġ bla biża’ li urejt int u tqum mit-tielet waqa’ doroluża tiegħek, agħti, lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja li jibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom sa l-aħħar, u lil dawk li tbiegħdu minnek, l-umilta’ li jerggħu lura għandek. Agħmel li jqumu mill-waqa’ tagħhom, ċerti li int ser terga’ tilqagħhom lura bħala l-ħbieb tiegħek. Nitolbuk b’mod speċjali l-grazzja tal-qawwa għal dawk is-saċerdoti li jghixu fil-periklu tal-persekuzzjoni. Agħtihom il-kuraġġ li jibqgħu magħquda mar-rieda tiegħek minkejja t-theddid u l-vjolenza u żommhom għalik biss. Qanqal ukoll il-qlub tat-tradituri biex iqumu mill-iżball u għal darb’oħra jerfgħu is-slaleb tagħhom u jimxu warajk.

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

 L-Għaxar Stazzjon

Ġesu’ mneżża minn ħwejġu.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

Qari mill-Evanġelu ta’ San Ġwann: (K19, V23b-24)

 

Is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erba’, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: ‘Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.’ Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid, ‘Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.’ U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.

 

 

Maħbub Ġesu’, nirringrazzjawk għall-mistħija u l-umiljazzjoni li int ġarrabt meta ppermettejt li tkun imneżża minn ħwejġek fuq il-Golgota. (Ieqaf irrifletti).

 

Int li int is-safa fik innifsek, f’ġieħ l-insult bla qies li int sofrejt lejn id-dinjita’ tiegħek, nitolbuk tagħti lis-saċerdoti l-grazzja tas-safa tal-qalb u l-intenzjoni fis-servizz tagħhom lejk, kif ukoll l-grazzja u l-kuragg biex ineżżgħu lilhom infushom minn dawk l-affarijiet kollha li lilek ma jogħġbukx. Ħares bi ħniena, ukoll, lejn dawk is-saċerdoti, li bħalek, huma mneżża’ mill-bżonnijiet tagħhom u li d-dinjita’ u l-qdusija tal-persuna tagħhom huma injorati minn dawk li jippersegwitawhom. Għinhom jgħaqqdu l-umiljazzjonijiet tagħhom ma’ tiegħek.

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Il-Ħdax-il Stazzjon

Ġesu’ jiġi msammar mas-salib.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tas-Salmi: (P.22, V.15-18a)

 

Ninsab bħall-ilma msawwab, għandi għadmi maqlugħ kollu; qalbi hi bħal xemgħa, iddub ġewwa fija. Ħalqi mwaħħal ma’ ħnieki; ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt. Qabda klieb daru għalija; ġemgħa nies ħżiena rassewni. Taqqbuli jdejja u riġlejja; nista’ ngħodd għadmi kollu.

 

Mulej Ġesu’, nirringrazzjawk talli ingħatajt f’idejn il-persekuturi tiegħek biex tiġi msallab u tal-eżempju tal-paċenzja erojka li inti tajtna fl-agunija terribli tiegħek. (Ieqaf irrifletti).

 

Nitolbuk, f’ġieħ dawn it-tbatijiet kbar tiegħek, tagħti lis-saċerdoti l-paċenzja f’mumenti ta’ prova u kuntrarju. B’mod speċjali għal dawk l-ulied magħżula li jaqsmu fil-milja tagħha il-kruċifissjoni tiegħek, agħtihom il-grazzja li jgħaqqdu s-sofferenzi spiritwali, mentali u fiżiċi ma’ tiegħek fuq is-salib. 

 

Missierna, Sliema u Glorja.

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

It-Tnax-il Stazzjon

Ġesu’ jmut fuq is-salib.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Evangelu ta’ San Mattew: (K27, V45-50)

Mis-sitt siegħa ‘l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesu’ għajjat b’leħen qawwi u qal: ‘Eli, Eli, lema sabaqtani?’ Jiġifieri, ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: ‘Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!’ U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob, waqt li oħrajn qalu: ‘Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!’ Imma Ġesu’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.

 

Mulej tagħna u Alla tagħna! Inħobbuk b’qalbna kollha u nirringrazzjawk li fdejt id-dinja billi tajt ħajtek – tajt kollox – għalina. (Ieqaf irrifletti).

 

Ġesu’, nitolbuk biex tagħti lis-saċerdoti tiegħek il-grazzja biex jaqsmu fil-karita’ bla limiti tiegħek u li jkunu lesti li bħalek jissagrifikaw lilhom infushom biex tikber is-Saltna tiegħek fuq din l-art. Nitolbuk Mulej, għal dawk is-saċerdoti li qed isofru persekuzzjoni minħabba fik. Agħtihom li jżommu dejjem f’moħħhom is-salib u l-mewt tiegħek. Ħa tkun l-imħabba tagħhom lejk u tiegħek lejhom li tmantnihom fil-mumenti ta’ provi tagħhom sabiex jaqsmu miegħek mhux biss l-uġiegħ u t-tbatijiet imma wkoll ir-rebħa tal-qawmien!   

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

It-Tlettax-il Stazzjon

Ġesu’ imniżżel minn fuq is-salib u mpoġġi f’dirgħajn Ommu Marija.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Kantiku ta’ Jum Marija Addolorata:

 

Wieqfa kienet, imbikkija, l-Omm ħdejn Binha, fit-tbatija, fuq salib imdendel. Ta’ din l-Omm il-qalb maqsuma f’dak l-imrar, bl-uġiegħ mitmuma, nifed sejf in-niket. Kemm tbatija f’qalb muġugħa, liema dwejjaq li jifnuha ħasset l-Omm imbierka.

 

Għażiż Mulej, nirringrazzjawk talli striħajt fil-mewt tiegħek, kif fit-twelid, fid-dirgħajn qaddisa tal-Immakulata Verġni Marija. (Ieqaf irrifletti).

 

Għażiż Ġesu’, b’ġieħ it-tgħannieqa li Ommok tat lil ġisem tiegħek bla ħajja, agħmel li s-saċerdoti tiegħek jgħixu hekk li jkun jistħoqqilhom jiġu ppeżentati lilek fis-siegħa ta’ mewthom fi ħdan l-Omm prezzjuża tiegħek. O Ġesu’ u Marija, kunu qrib ta’ dawk is-saċerdoti li qed isofru minħabba l-fidi tagħhom. Agħmlu li s-sofferenzi u l–mewt tagħhom ikunu bħal zerriegħa mħawla minn fejn il-Knisja titqawwa u titqaddes dejjem iżjed.

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

L-Erbatax-il Stazzjon

Ġesu’ mpoġġi f’qabar.

 

V. Nadurawk Ġesu’ u nberkuk.

R. Għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija: (K53, V8-9, 11a, 12b)

 

Bil-forza u l-ħaqq neħħewh; u min qagħad jaħseb fuq xortih? Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin, minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub. U tawh qabar mal-ħżiena, u ma’ l-għonja difnuh, għalkemm ma għamel ebda deni, u minn fommu ma ħareġ ebda qerq. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu.. għaliex hu offra ruħu għall-mewt, u kien magħdud mal-midinbin. Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra, u ndaħal għall-midinbin.

 

O Ġesu’, nirringrazzjawk tal-lezzjonijiet li tajtna matul ħajtek u bil-mewt tiegħek, u tal-qawmien glorjuż tiegħek mill-qabar għall-ħajja fil-Ġenna, li aħna wkoll nittamaw, li bil-grazzja tiegħek naslu ġurnata naqsmu miegħek. (Ieqaf  irrifletti).

 

Għas-saċerdoti, maħbub Ġesu’, nitolbuk il-grazzja, f’ġieħ id-difna tiegħek li jżommu lilhom infushom, ‘l bogħod mill-ispirtu tad-dinja anki waqt li qed jgħixu fid-dinja, u l-grazzja, lejn l-aħħar ta’ ħajjithom ta’ persevernza aħħarija. Agħti, Mulej, b’mod speċjali li dawk is-saċerdoti li niżlu minħabba fik fid-dlam tal-qabar tal-persekuzzjoni, ferħ bla tmiem miegħek fis-Sema. Agħmel li l-ġrieħi tagħhom jiddu fil-glorja ta’ bla tmien. Ħa jkunu magħquda miegħek fl-unjoni perfetta tal-Viżjoni Beatifika – il-wegħda tal-premju tiegħek għalihom talli jkunu qasmu miegħek is-salib tiegħek hawn fid-dinja.   

 

Missierna, Sliema u Glorja.

 

V. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’.

R. Mulej ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 

Skond l-intenzjonijiet tal-Papa, għall-bżonnijiet u l-protezzjoni tiegħu.. Missierna, Sliema u Glorja.

 

 

 

TALBA TAL-GĦELUQ

 

Grazzi Mulej Ġesu’ talli ppermettejt li aħna nakkumpanjawk f’din il-mixja doloruża tiegħek bis-salib lejn il-Kalvarju. Berikna minn fuq is-salib u għinna nħobbuk dejjem iżjed biex aħna wkoll, inkunu nistgħu naqsmu miegħek fil-ferħ tal-Ġenna ma’ dawk li nkunu tlabna għalihom. Ammen. 


 

13. RUŻARJU GĦAS-SAĊERDOTI

 

Talba ta’ Introduzzjoni

 

Għażiż Ġesu’, kif qatt nistgħu nirringrazzjawk kif jisthoqqlok għas-saċerdoti tagħna? Huma iċċaħħdu minn kollox għalina, warrbu d-dinja biex imantnu r-ruħ tagħna bl-Ewkaristija u jfejjqu l-ġrieħi tagħna bil-qrar.

 

Ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek, issa stess, f’turrenti bla qies ta’ ilma bi grazzji sopranaturali, li b’ħeffa u risposta ċerta għal din it-talba, jimla b’konsolazzjoni, kuraġġ, safa’ u ferħ lis-saċerdoti għeżież tagħna. Għax Int biss tista’, urihom f’qalbhom li aħna nħobbuhom tassew u dawwar kull saċerdot fid-dirgħajn materni t’Ommok li bkiet u baqgħet miegħek fil-Passjoni kollha tiegħek.

 

Nitolbu dan fl-Isem Qaddis tiegħek: Ġesu’! Ammen.

IL-MISTERI TAL-FERĦ

 

L-Ewwel Misteru tal-Ferħ

IT-TĦABBIRA

 

L-Anġlu Gabriel iħabbar lil Marija Verġni li hi kellha tkun Omm Alla, il-Kelma inkarnata. Għas-sekli li jmiss, Ġesu’ kien se jsir ġisem fl-Ewkaristija biex jgħajjixna bih f’intimita’ kbira miegħu. 

 

Nitolbu għas-saċerdoti li kuljum, permezz tal-kliem tal-konsagrazzjoni fil-Quddiesa, u permezz tat-Tqarbin Imqaddes, iġibulna il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

 

Nitolbu għas-saċerdoti futuri kollha li bħalissa qed jiġu ffurmati fil-ġuf ta’ ommijiethom biex huma jkunu mħarsa minn kull ħsara fiżika u jaslu għall-Ordinazzjoni kif Alla jixtieq minnhom.

 

Nitolbu għall-ġenerazzjonijiet futuri kollha tas-saċerdoti. Nitolbu wkoll biex is-saċerdoti jgħożżu id-don taċ-ċelibat.

 

It-Tieni Misteru tal-Ferħ

IŻ-ŻJARA

 

Marija żżur lil kuġina tagħha, Eliżabetta, li tagħraf lil Marija bħala t-tabernaklu ħaj tal-Mulej Sidhom. 

 

Nitolbu b’mod speċjali għas-saċerdoti li jwasslu it-Tqarbin Imqaddes lill-morda, l-emarġinati u l-Vjatku lill-moribondi.

Nitolbu għas-saċerdoti kollha li b’xi mod jassistu lill-morda b’diversi modi, jagħtu pariri, jikkomfortaw, ifarrġu u jikkunslawhom.

 

It-Tielet Misteru tal-Ferħ

IT-TWELID TA’ ĠESU’

 

Ġesu’ jitwieled f’Betlehem. L-anġli jħabbru twelidU; rejiet u ragħajja jiġu jadurawH. 

 

Nitolbu li s-seminaristi kollha jikbru fil-għerf u l-imħabba t’Alla biex isiru saċerdoti qaddisin. Nitolbu b’mod speċjali għal dawn li se jiġu ordnati dalwaqt, biex jibqgħu fidili tul ħajjithom kollha għall-privileġġ sublimi li jkunu "Kristu ieħor" fostna

 

Nitolbu li kulħadd jasal jagħraf il-valur tal-Festa Ewkaristika u tas-Saċerdozju fost l-akbar rigali t’Alla għalina.

 

Nitolbu biex kull saċerdot jikkonsidra lilu nnifsu membru fil-Familja Mqaddsa, iben veru ta’ Marija u Ġużeppi, ħuh-saċerdot Ġesu’, is-Saċerdot il-Kbir.

 

Ir-Raba’ Misteru tal-Ferħ

IL-PREŻENTAZZJONI FIT-TEMPJU

 

Marija u Ġużeppi, b’ubbidjenza lejn il-Liġi, iġibu lil Ġesu’ fit-tempju biex ikun ddedikat lil Alla. Xmun jesprimi l-gratitudni tiegħu lejn Alla talli lilu rrivelalu l-Messija qabel ma jmut. 

 

Nirringrazzjawk O Alla għas-saċerdoti kollha li, bħal Xmun, tawna snin twal ta’ servizz b’fedelta’. Nitolbu biex huma jkunu ppremjati għall-ġenerożita’ u s-sagrifiċċji personali kollha tagħhom.

 

Nitolbu wkoll għas-saċerdoti li qalbhom hi mweġġa’ bis-solitudni, dipressjoni u abbandun.

 

Il-Ħames Misteru tal-Ferħ

IS-SEJBA TA’ ĠESU’ FIT-TEMPJU

 

Ġesu’ jinstab fost l-għalliema fit-tempju; Hu jirritorna d-dar u jogħqod għall-kmand ta’ Marija u Ġużeppi.

 

Nitolbu li s-saċerdoti jinstabu dejjem mehdija fix-xogħol ta’ Missierhom, u jkunu ubbidjenti għat-tagħlim tal-maġisteru tal-Knisja, għall-Papa u għall-isqfijiet f’għaqda miegħu.

 

Nitolbu għas-saċerdoti novelli biex l-imħabba u d-dedikazzjoni li jesperjenzaw fl-ewwel snin tas-saċerdozju tagħhom ma jonqsux imma jikbru fil-futur.

 

Nitolbu għas-saċerdoti kollha li jgħallmu l-Fidi lit-tfal u lill-adulti.

 

 

 

IL-MISTERI TAD-DAWL

 

L-Ewwel Misteru tad-Dawl

IL-MAGĦMUDIJA TA’ ĠESU’

 

Ġesu’ niżel fl-ilma biex jiġi mgħammed minn Ġwanni. Hu laqa’ l-isfida tal-Missier. Hu kien jaf li se jkollu jsofri minn flokna u li s-sofferenzi tiegħu se jwasslu għall-maħfra tad-dnubiet. Hu kien jaf li kien Re imma t-tron tiegħu kien se jkun salib.

 

 

Nitolbu sabiex is-saċerdoti tagħna jimitaw l-umilta’ tal-Mulej waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom ta’ saċerdoti billi jaċċettaw l-isfidi li Alla jibgħatilhom.

 

It-Tieni Misteru tad-Dawl

IT-TIEĠ TA’ KANA

 

L-ewwel miraklu ta’ Ġesu’ sar possibli minħabba l-imħabba soda u l-fidi ta’ Marija f’Binha Ġesu’.

 

O Mulej, għin lis-saċerdoti jiżviluppaw imħabba dejjem akbar lejn Marija. Għin lis-saċerdoti ġodda jagħrfu li jistgħu jsibu l-qawwa tagħhom f’Marija filwaqt li

 

”Jagħmlu kull ma jgħidilhom... Hu“. Marija hija l-għalliema tagħna u dejjem tmexxina lejn Binha.

 

 

It-Tielet Misteru tad-Dawl

IX-XANDIR TAS-SALTNA

 

Kristu ġie biex iġib il-paċi u l-maħfra lill-bnedmin.

 

O Alla, bierek lis-saċerdoti tagħna filwaqt li jgħallmu l-messaġġ ta’ Ġesu’jgħammdu, jaħfru d-dnubiet, u jikkonsagraw l-Ewkaristija Mbierka permezz tal-Ispirtu s-Santu. Ħa jkollhom tiġdid kontinwu tal-Ħajja tagħhom, intenzjonat għal unjoni iżjed perfetta ma’ Kristuit-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja.

 

 

Ir-Raba’ Misteru tad-Dawl

IT-TRASFIGURAZZJONI

 

Ġesu’ jwassalhom sa fuq il-muntanja fejn ittrasfigura lilu nnifsu quddiemhom. Pietru jixtieq li tliet tined jinbnew għal Ġesu’ u għaż-żewġ persuni li akkumpanjawh sabiex kulħadd ikun jista’ jasal jarahom.

 

O Mulej, agħti lis-saċerdoti qlub li huma miftuħa għall-qawwa trasfigurattiva tal-grazzja tiegħek f’kull ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Ħa jkunu l-Preżenza Reali tiegħek fl-Ewkaristija u x-xandir tal-Kelma tiegħek, li jispirawhom biex jgħixu ħajja ta’ servizz fidil lejk.

 

Il-Ħames Misteru tad-Dawl

IT-TWAQQIF TAL-EWKARISTIJA U

TAS-SAĊERDOZJU

 

"Jiena l-ħobż ħaj li niżel mis-sema; min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem; u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja." (Ġwanni 6:51)

 

Ma jistax ikun hemm Ewkaristija mingħajr is-saċerdozju, l-istess kif ma jistax ikun hemm is-saċerdozju mingħajr l-Ewkaristija (Messaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II lis-saċerdoti f’Ħamis ix-Xirka 2004).

 

Kristu qal, "Jien inkun magħkom dejjem, sa l-aħħar tad-dinja," Huwa hemm f’kull tabernaklu tad-dinja Kattolika. O Mulej, qawwi l-fidi tas-saċerdoti biex huma dejjem jemmnu li Inti verament preżenti fl-Ewkaristija Qaddisa.

 

O Mulej, għin lis-saċerdoti tagħna biex jiċċelebraw il-Quddiesa fi spirtu ta’ talb sabiex il-qalb tagħhom tinġibed dejjem aktar qrib tiegħek u agħmel li l-ħin tal-Adorazzjoni tagħhom, iġedded u jerfa’ l-ispirtu tagħhom.

IL-MISTERI TAT-TBATIJA

 

L-Ewwel Misteru tat-Tbatija

L-AGUNIJA TA’ ĠESU’ FIL-ĠNIEN

 

L-appostli raqdu; Ġesu’ jegħreq l-għaraq tad-demm għall-ħsieb tal-passjoni u l-mewt li kienet ġejja fuqu; l-anġli jiġu jikkonfortawh.

 

Nitolbu sabiex is-saċerdoti kollha jgħixu biss biex jagħmlu r-rieda tal-Missier, kif għamel Ġesu’.

 

It-Tieni Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ JIĠI MSAWWAT

 

Ġesu’ hu brutalment ifflaġellat u msawwat mis-suldati.

 

Nitolbu għas-saċerdoti li huma ppersegwitati, fiżikament jew mentalment abbużati; dawk li jinsabu l-ħabs jew imċaħħda milli joffru s-sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa jew jirċievu t-tqarbin

 

It-Tielet Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ INKURUNAT BIX-XEWK

 

Ġesu’ huwa mgħoddi biż-żmien bħala re u r-Ras prezzjuża tiegħu hi b’mod krudili minfuda bix-xewk.

 

Nitolbu għas-saċerdoti li jsofru biex jiddefendu id-duttrina awtentika Kattolika. Nitolbu sabiex l-Isqfijiet kollha jżommu t-tagħlim veru tal-Knisja Kattolika u jirreżistu għat-tentazzjonijiet li jikkompromettu d-duttrina meta affaċċjati bil-kultura u l-pressjonijiet soċjali.

 

Ir-Raba’ Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ MGĦOBBI BIS-SALIB

 

Minkejja li miġruħ, demmu qed jinxtered u għajjien, Ġesu’ hu mġiegħel ikaxkar lilu nnifsu u s-salib lejn il-għolja tal-Kalvarju.

 

Nitolbu għas-saċerdoti kollha bi slaleb tqal; dawk li huma dgħajfa, waħedhom, jew b’xi mod tbiegħdu mill-grazzja t’Alla.

 

Nitolbu għall-Papa, li probabbli għandu l-itqal salib; il-persekuzzjoni vasta u l-abbandun tal-Knisja minn ġewwa u minn barra.

 

Il-Ħames Misteru tat-Tbatija

ĠESU’ JMUT FUQ IS-SALIB

 

Ġesu’ jxerred l-aħħar qtar tad-Demm Prezzjuż tiegħu biex isalvana mid-dnub u l-mewt.

 

Nitolbu għas-saċerdoti kollha li jinsabu fl-aħħar agunija tagħhom u se jmutu llum.

 

Nitolbu għal dawk li huma bil-għatx għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

 

Nitolbu biex bit-tisliba tar-rieda tagħhom jitwettqu l-pjanijiet t’Alla għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.  

 

Nitolbu li s-saċerdoti jieħdu lil Marija f’qalbhom, bħalma San Ġwann l-Appostlu, wieħed mill-ewwel saċerdoti, ħa lil Marija f’daru.

 

IL-MISTERI TAL-GLORJA

 

L-Ewwel Misteru tal-Glorja

IL-QAWMIEN

 

Ġesu’ jqum mill-mewt u jidher lill-Appostli.

 

Nitolbu li s-saċerdoti jiftakru li t-Tisliba hi segwita mill-Qawmien: id-dlam hu dejjem segwit mid-Dawl Nitolbu li s-saċerdoti kollha jaqsmu fil-ferħ ta’ Kristu Rxoxt.

 

It-Tieni Misteru tal-Glorja

IT-TLUGĦ FIS-SEMA

 

Ġesu’ jagħti l-aħħar struzzjonijiet lill-appostli u jirritorna għand Missieru fis-Sema.

 

Nitolbu sabiex is-saċerdoti jwettqu l-istruzzjonijiet ta’ Ġesu’ li jevanġelizzaw lid-dinja kollha, jistruwixxu u jgħammdu għadd bla qies ta’ erwieħ.

 

Nitolbu għall-missjunarji li jgħixu ħajjithom f’faqar kbir u ċaħda biex iwasslu l-Vanġelu lin-nies kollha.

 

It-Tielet Misteru tal-Glorja

L-INŻUL TAL-ISPIRTU S-SANTU

 

L-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-Appostli li kienu miġbura flimkien ma’ Marija.

 

Nitolbu sabiex is-saċerdoti jinfetħu għall-grazzji tal-Ispirtu s-Santu biex iqawwihom fil-ħidma li jwasslu l-erwieħ għand Alla u lil Alla għand l-erwieħ.

 

Nitolbu sabiex huma jkunu mimlija b’nar iħeġġeġ biex jikkonvertu l-midinbin l-aktar iebsa u jwasslu l-imħabba t’Alla lid-dinja kollha.

 

Ir-Raba’ Misteru tal-Glorja

L-ASSUNZJONI

 

Marija hi meħuda, ġisem u ruħ, fil-Ġenna. Meta hi kienet fuq din l-art, hi ħabbet u talbet għall-Appostli, l-ewwel saċerdoti.

 

Nitolbu sabiex is-saċerdoti jkunu devoti lejn Marija u jsibu fiha l-imħabba u l-komfort ta’ omm, l-interċessjoni qawwija tal-akbar qaddisa tagħna, u r-refuġju ċert kontra Satana u x-xjaten l-oħra qaddejja tiegħu li jfittxu d-distruzzjoni tas-saċerdoti u tas-saċerdozju.

 

Il-Ħames Misteru tal-Glorja

L-INKURUNAZZJONI

 

Marija hi nkurunata Reġina tas-Sema u tal-art; hi ppremjata għall-fedelta’ tagħha lejn Alla.

 

Nitolbu sabiex Marija, Reġina tal-Kleru, tkun il-mudell tal-fidi u l-ferħ tagħhom, u gwida kostanti sa ma’ jaslu fil-Ġenna fejn kuruna, imżejjna b’ħafna erwieħ fdati f’idejhom fil-jum tal-Ordinazzjoni, tkun il-premju għall-imħabba u l-fedelta’ li biha servew.

 

LITANIJA GĦAS-SAĊERDOTI

 

Nitolbu għall-:

 

·  Papa, imlieh bil-kuraġġ u l-grazzja, Mulej.

·  Kardinali, l-arċisqfijiet u l-isqfijiet, agħtihom qalb ta’ rgħajja, Mulej.

·  Għas-saċerdoti djoċesani, imlihom bl-Ispirtu tiegħek, Mulej.

·  Għas-saċerdoti fi ħdan l-ordnijiet reliġjużi, ipperfezzjona s-sejħa tagħhom, Mulej

·  Għas-saċerdoti li jinsabu morda, fejjaqhom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li jinsabu fil-periklu, eħlishom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li huma dgħajfa, qawwihom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li huma foqra, serraħhom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li tilfu l-ħeġġa, ġeddidhom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li jinsabu mnikkta, farraġhom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li jinsabu nkwetati, agħtihom il-paċi, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li huma anzjani, assistihom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li jinsabu weħedhom, akkumpanjahom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti missjunarji, ipproteġihom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti predikaturi, dawwalhom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti li jiggwidaw l-erwieħ, ħarriġhom, Mulej.

·  Għas-saċerdoti u r-reliġjużi li mietu, wassalhom għall-glorja, Mulej.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom l-għerf u t-tagħrif tiegħek.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-fehma u l-kunsill tiegħek.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom reverenza u qima lejk.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-paċenzja u l-imħabba.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom l-ubbidjenza u l-ħniena.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom zelu dejjem iħeġġeġ għall-erwieħ.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-virtujiet tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba dejjem qawwija lejn l-Ewkaristija.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom lealta’ lejn il-Papa u l-Isqfijiet f’għaqda miegħu.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom rispett lejn il-ħajja u d-dinjita’ umana.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom integrita’ u ġustizzja.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom umilta’ u ġenerożita’.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom qawwa fil-qadi ta’ dmirijiethom.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom il-paċi fis-sofferenzi tagħhom.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba kbira lejn it-Trinita’.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħtihom imħabba kbira lejn Marija Omm Alla u Ommhom.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu d-dawl ta’ Kristu.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu il-melħ tal-art.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jipprattikaw is-sagrifiċċju u ċ-ċaħda tagħhom infushom.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu qaddisa f’ġisimhom, f’moħħhom u fl-ispirtu.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li jkunu nies ta’ talb.

·  Għas-saċerdoti kollha, ħa tiddi fihom il-fidi.

·  Għas-saċerdoti kollha, ħa jħabirku dejjem għas-salvazzjoni ta’ ruħna.

·  Għas-saċerdoti kollha, għamel li jkunu fidili lejn il-vokazzjoni saċerdotali tagħhom.

·  Għas-saċerdoti kollha, ħa jbierku u jfejjqu bl-idejn qaddisa tagħhom.

·  Għas-saċerdoti kollha, ħa jkunu dejjem imħeġġa b’imħabba lejk.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li kull pass li jagħmlu jkun għall-glorja t’Alla.

·  Għas-saċerdoti kollha, agħmel li l-Ispirtu s-Santu jimlihom u jagħtihom id-doni Tiegħu b’abbundanza.

 

Nitolbu: Missier, Iben u Spirtu s-Santu, isma’ t-talb li qed noffru għas-saċerdoti tagħna.

Agħmel li jagħrfu b’mod ċar il-ħidma li Int qed issejħilhom għaliha. Agħtihom kull grazzja biex iwieġbu għas-sejħa Tiegħek b’kuraġġ, b’imħabba, u b’dedikazzjoni dejjiema għar-rieda Tiegħek

 Aħna nitolbu bl-interċessjoni ta’ Marija, l-Omm maħbuba tagħhom.  Ammen.


 

14. Talba għal Saċerdot Partikolari 1


O Ġesu’, Saċerdot Etern, għix f’(semmi saċerdot), aġġixxi fih, tkellem fih u permezz tiegħu. Aħseb il-ħsibijiet tiegħek f’moħħu, ħobb permezz ta’ qalbu. Agħtih id-dispożizzjonijiet u x-xewqat tiegħek stess. Għallmu, urieħ it-triq u ggwidah dejjem. Ikkoreġih, dawwlu u żviluppa l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu. Wasslu jagħti lilu nnifsu kompletament lilek.

 

Ippossedi lil ruħu; ħu kontroll tal-personalita’ u tal-ħajja kollha tiegħu. Biddlu miegħek innifsek.
Ipperswadih jgħix f’adorazzjoni u f’ringrazzjament kontinwu; itlob fih u permezz tiegħu. Ħallih jgħix fik u żommu f’din l-intimita’ miegħek dejjem.

O Marija, Immakulata Kunċizzjoni, Omm ta’ Ġesu u Omm tas-saċerdoti, itlob u interċedi għal (isem is-saċerdot).
Ammen.


 

15. Talba għal Saċerdot Partikolari 2


O
Ġesu’, il-Qassis il-Kbir, isma’ t-talba umli tiegħi għal bżonnijiet ta’ dan is-saċerdot (semmi saċerdot). Agħtih fidi dejjem aktar qawwija, tama soda u mħabba tħeġġeġ li tkompli tikber tul il-ħajja saċerdotali tiegħu. Fis-solitudni tiegħu, farrġu u qawwih fi tbatijietu.

 

Fil-frustrazzjonijiet tiegħu, urieh li huwa permezz tat-tbatija li r-ruħ tissaffa, u urieh li l-Knisja għandha bżonnu, li l-erwieħ għandhom bżonnu, li huwa bżonnjuż għall-ħidma tas-salvazzjoni.

 

O Marija, Omm kollok imħabba, Omm is-saċerdoti, żomm ma’ qalbek lil dan ibnek li huwa qrib tiegħek minħabba l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, u minħabba l-qawwa li hu rċieva fil-ħidma ta’ Kristu fid-dinja li tant għandha bżonnu. Kun il-faraġ tiegħu, il-ferħ tiegħu, il-qawwa tiegħu, u għinnu b’mod speċjali biex igħix u jiddefendi l-ideali taċ-ċelibat ikkonsagrat. Ammen.


 

16. Talb għas-Saċerdoti kollha

 

O Alla tagħna, nitolbok għas-saċerdoti tiegħek kollha biex tqaddishom. Nitolbok agħtihom l-ubbidjenza, spirtu ta’ distakk, kastita’ li hi kostanti u vera, spirtu ta’ ċaħda tagħhom infushom, umilta’, zelu u dedikazzjoni.

 

Nitolbuk li, dawk kollha li jiltaqgħu magħhom jimlewhom b’imħabba akbar għalik. Alla tagħna, nitolbok biex permezz tagħhom is-saltna tiegħek fuq l-art tikber u tissaħħaħ. Ġesu’, inwegħduk b’qalbna kollha li ningħataw b’sagrifiċċju flimkien miegħek biex inkunu ta’ talba għal dan il-għan. Ammen.

Kanonku Formingao


 

17. Talba lis-Saċerdot Etern

 

O Ġesu’, saċerdot etern, żomm lis-saċerdoti fil-kenn tal-Qalb Qaddisa tiegħek, fejn ma tiġrilhom l-ebda ħsara. Żomm bla taħsir l-idejn ikkonsagrati tagħhom li kuljum imissu l-Ġisem Qaddis tiegħek. Żomm bla tebgħa xufftejhom li kuljum imissu mad-Demm Prezzjuż tiegħek. Żomm qalbhom safja u ‘l bogħod mill-ispirtu tad-dinja, issiġillati bil-marka sublimi tas-saċerdozju.

 

Ħa tkun l-Imħabba Qaddisa li ddawwarhom u tipproteġihom mill-ħażen tad-dinja. Bierek il-ħidma tagħhom b’ħafna frott u agħmel li l-erwieħ li huma jamministraw ikunu l-ferħ u l-konsolazzjoni tagħhom hawn, u l-kuruna eterna tagħhom fil-ħajja ta’ bla tmiem. Ammen.

St. Tereżina tal-Bambin Ġesu’.


 

18. Għall-Knisja u għas-Saċerdoti

 

O Ġesu’ tagħna, nitolbok għall-Knisja kollha: imliha bl-imħabba u bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu u agħti qawwa lill-kliem tas-saċerdoti biex il-qlub l-aktar iebsa jaslu għall-indiema u jduru lejk. Mulej, agħtina saċerdoti qaddisin. Int stess iżommhom fil-qdusija O Divin u Saċerdot Etern.

 

Ħa tkun il-qawwa tal-Ħniena tiegħek li takkumpanjahom u tipproteġihom min-nases u l-qerq tax-xitan li kontinwament qed jiġu mpoġġija fil-ħajja tal-erwieħ saċerdotali.

Ħa tkun il-qawwa tal-ħniena tiegħek, Mulej, li tkisser u ġġib fix-xejn kull ma’ jista’ jfixkel milli s-saċerdoti tiegħek ikunu qaddisin, għax Int tista’ kollox. Nitolbok, Ġesu’ għall-barka speċjali u għad-dawl għal dawk is-saċerdoti li għandhom se nqerr matul ħajti kollha. Ammen.

St. Fawstina


 

19. Talba għal nhar ta’ Ħamis

 

O Ġesu’, Pontifikat Etern, ir-Ragħaj it-Tajjeb u n-Nixxiegħa tal-Ħajja, li bit-tjieba speċjali tal-Qalb l-Aktar Ħelwa tiegħek, tajtna s-saċerdoti biex twettaq fina il-pjanijiet ta’ qdusija li l-grazzja tiegħek tispira fil-qlub tagħna, nitolbuk: għinhom u assistihom bil-ħniena tiegħek.

 

O Ġesu’, agħmel li fit-taħbit tagħhom ikollhom fidi ħajja; fit-tiġrib tagħhom fiduċja li ma titħarrikx; fid-deċiżjonijiet tagħhom karita’ tħeġġeġ. Agħmel li l-Kelma tiegħek, id-dija tal-Għerf Etern tiegħek, issir b’meditazzjoni kontinwa, l-għixien li ma jfalli qatt tal-ħajja nterjuri.

 

Agħmel li l-eżempju tal-ħajja u l-passjoni tiegħek janima l-azzjonijiet tagħhom u jsaħħaħhom fi tbatijiethom, sabiex huma jgħallmu, idawwlu u jfarrġu lilna fin-niket tagħna.

 

Mulej, agħti lis-saċerdoti tagħna distakkament minn dawk li huma purament ħsibijiet ta’ din id-dinja. Agħmel li jkunu l-ewwel u qabel kollox riservati għall-glorja tiegħek u żommhom fidili lejn il-qadi ta’ dmirijiethom.

 

Żommhom safja fil-kuxjenza tagħhom sa l-aħħar nifs ta’ ħajjithom, sabiex meta l-mewt tilħaq lill-ġisem tagħhom, ikunu jistgħu jpoġġu f’idejk il-missjoni tagħhom li jkunu qdew b’fedelta’ b’hekk isibu fik, il-Mulej Ġesu’ Kristu, li fid-dinja kont Sidhom, il-premju tal-Kuruna tal-Ġustizzja, fil-glorja tal-qaddisin. Ammen.

Papa Piju XII

 


 

20. Talba lil Ġesu’ s-Saċerdot il-Kbir u Etern

 

O Ġesu’, inti s-Saċerdot il-Kbir u Etern. Għax inti veru Alla u veru bniedem, inti l-uniku Medjatur bejn Alla u l-bniedem. Permezz tiegħek, il-Missier ħanin jagħtina s-salvazzjoni u permezz tiegħek, il-bniedem jerġa’ luru għandu.

 

Inti stabilixxejt saċerdoti bħala l-kollaboraturi tiegħek biex jagħmlu dejjiema l-Quddiesa Qaddisa, is-Sagrifiċċju tal-mewt tiegħek fuq is-Salib u biex tqaddes l-erwieħ bil-ministeru tagħhom. O Ġesu’, agħżel minn fost il-persuni kollha tad-dinja li jistħoqqilhom, għadd kbir ta’ ministri ħalli l-erwieħ kollha jsibu s-salvazzjoni. O Ġesu’, Salvatur tad-dinja, qaddes lis-saċerdoti tiegħek u lis-seminaristi.

 

O Alla, li stabilixxejt l-uniku Iben tiegħek bħal s-Saċerdot il-Kbir u Etern, agħtina nitolbuk, li dawk li huma magħżula minn Kristu bħala ministri tal-misteri tiegħek jibqgħu dejjem fidili fit-twettiq tas-servizz tagħhom. B’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Papa Pawlu VI

 


 

21. Ringrazzjament u Interċessjoni għas-Saċerdoti

 

Mulej Ġesu’, inti għażilt lis-saċerdoti tiegħek minn fostna u bgħatthom fid-dinja jxandru l-Kelma tiegħek u jaġixxu f’ismek. Għal dan id-don hekk kbir lill-Knisja tiegħek, aħna nfaħħruk u nirringrazzjawk, nitolbuk timlihom bin-nar ta’ mħabbtek sabiex bil-ministeru tagħhom juru l-preżenza tiegħek fil-Knisja.

 

Minħabba li huma huma ġarar ta’ din id-dinja, nitolbu biex il-qawwa tiegħek tiddi permezz ta’ dgħjufithom. Fit-tiġrib tagħhom agħmel li ma jkunu qatt imfarka; fid-dubji tagħhom qatt jiddispraw; fit-tentazzjonijiet qatt distrutti; fil-persekuzzjonijiet qatt abbandunati.

 

Ispirahom permezz tat-talb biex jgħixu kuljum il-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħek. F’mumenti ta’ dgħjufija, ibgħat l-Ispirtu tiegħek u għinhom biex ifaħħru lil Alla l-Missier u jitolbu għall-imsejkna midinbin.

 

Bl-istess Spirtu s-Santu poġġi l-kelma tiegħek fuq xufftejhom u mħabbtek fil-qalb tagħhom, biex iġibu l-bxara t-tajba lill-foqra u l-fejqan lil dawk ta’ qalbhom maqsuma.

 

U agħmel li d-don ta’ Marija Ommok lid-dixxiplu li kont tħobb, ikun id-don tiegħek lil kull saċerdot. Agħmel li hi li ffurmatek fl-immaġini umana tagħha, tifforma lilhom fl-Immaġini Divina tiegħek, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għall-glorja ta’ Alla l-Missier. Ammen.

 


 

22. Għar-Rgħajja tal-Merħla

 

Missier, kun mar-rgħajja tal-merħla tiegħek fil-bżonnijiet tagħhom illum. Għin lill-isqfijiet u lis-saċerdoti biex jinterpretaw il-messaġġ tal-Vanġelu b’mod ċar u b’urġenza u jkunu xhieda b’ħajjithom għat-tagħlim u l-eżempju ta’ Kristu. Saħħaħ u qawwi lil dawk fosthom li huma mbeżża u mħawda; kun tassew Missier għal dawk li tbiegħdu minnek.

 

Bierek lil dawk li jinsabu nvoluti biex iwieġbu għall-bżonnijiet ġodda u kontemporanji tal-lum; iggwida dawk li jmexxu u jippromwovu d-djalogu ma’ nsara oħra, ma’ dawk li mhux insara u ma’ l-ibliet sekulari. Assisti lil dawk li qed jippruvaw jippromwovu l-valuri Nsara, sabiex biż-żelu mmoderat, bil-prudenza u b’dak li tippermettilhom il-liġi tal-awtoritajiet, jistgħu jgħinu fil-bini ta’ dinja tassew Nisranija għall-bniedem.

 

Ibgħat l-Ispirtu s-Santu b’Pentekoste ġdid, sabiex taħt dawn il-ministri magħżula minnek, il-poplu ta’ Alla jimxi ‘l quddiem b’kooperazzjoni armonjuża lejn il-konsum aħħari tal-għaqda tagħhom, tal-verita’ u tal-imħabba. Dan nitolbuh permezz ta’ Ibnek, ma’ l-istess Ibnek u fl-istess Ibnek Ġesu’ Kristu. Ammen.

 


 

23. Talba ta’ Intercessjoni għas-Saċerdoti

 

Alla etern u li tista’ kollox, b’imħabba nspjegabbli, Inti ġbart is-saċerdoti bħala qaddejja Tiegħek u sejjaħtilhom ħbieb.

 

Nitolbuk: Agħmel li huma qatt ma jieqfu jisimgħu is-sejħa Tiegħek, biex imorru fejn tridhom Int,

biex iwettqu l-ħidma li trid tafdalhom!

 

Agħmel li bil-virtu’ tal-umilta’ u tal-fedelta’, id-dawl fl-imsiebaħ tagħhom ikun jista’ jiddi b’qawwa u li qatt ma jsir dawl ħażin li jmexxi lill-oħrajn lejn

t-telfien.

 

Agħmel li huma qatt ma jittraskuraw is-servizz tiegħek, u li Inti qatt ma jkollok bżonn twarrabhom

bħala strumenti inutli u qaddejja reqdin!

 

Agħmel li huma qatt ma jħollu l-għoqda tar-rabta qaddisa tagħhom miegħek jew jaħarbu mis-servizz tiegħek fi tfittxija għall-kumdita’.

 

Agħmel li huma jipperseveraw fil-konsistenza tagħhom u li qatt ma jerġgħu lura mill-kelma li jkunu tawk anki meta jkollhom iħabbtu

wiċċhom ma’ tempesti u dlam li jkun ġej.

Huma m’huma xejn u ma jistgħu

jagħmlu xejn mingħajrek.

Imma Int, O Mulej,

kun għalihom Missier ta’ mħabba u ħniena.

Agħtihom il-qawwa biex jipperseveraw sal-aħħar

U biex jidhru quddiemek

Bħala qaddejja fidili. Ammen.

 


 

24. Talba għas-Saċerdoti

 

Żommhom, nitolbuk, għażiż Mulej. Żommhom għaliex huma tiegħek; is-saċerdoti tiegħek li ħajjithom tikkonsma quddiem il-maqdes ikkonsagrata tiegħek. Żommhom għaliex huma qegħdin fid-dinja imma mifrudin minnha; fejn il-pjaċiri tad-dinja jattirawhom u huma ta’ tentazzjoni – kennihom fil-Qalb tiegħek.

 

Qawwihom u kennihom f’mumenti ta’ solitudni u wġigħ, meta l-ħajja tagħhom ta’ sagrifiċċju għall-erwieħ tidher għal xejn. Qawwihom u ftakar Mulej li huma m’għandhom lil ħadd ħliefek. Fl-istess waqt il-qlub tagħhom huma umani, bid-dgħjufijiet umani.

 

Żommhom bla tebgħa bħall-Ostja, li jżommu f’idejhom kuljum. Bierek għażiż Mulej kull ħsieb, kull kelma u kull azzjoni minn tagħhom.

 


 

25. Talba lill-Missier Etern

 

Missier ta’ kull grazzja, nirringrazzjawk tas-saċerdoti u l-isqfijiet li huma lejali lejk, li l-paternita’ spiritwali tagħhom u l-eżempju ta’ fedelta’, sagrifiċċju personali u devozzjoni hi vitali għall-fidi tal-poplu tiegħek.

 

Agħmel li s-saċerdoti tagħna jimxu fuq l-eżempji ta' San Pietru u San Pawl, tal-appostli kollha u s-suċċessuri qaddisa tagħhom. Agħtihom fidi soda meta affaċċjati minn sitwazzjonijiet ta' konfużjoni u konflitt, tama f'mumenti ta' diffikulta' u niket, u mħabba qawwija għalik, għall-familja tagħhom, u għall-poplu tiegħek kollu mxerred madwar id-dinja. Ħa jkun id-dawl tal-Verita' tiegħek li jiddi f'ħajjithom u fil-ħidma tajba tagħhom.

 

Assisti lis-saċerdoti kollha, sabiex permezz tal-Grazzja tiegħek ikunu jistgħu jikbru fis-sod fil-qdusija u fl-għarfien tal-Verita' tiegħek. Ħa jgħaddu b'ġenerożita' dan il-għerf lil dawk li jiddependu minnhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

 


 

26. Talba għas-Saċerdoti Tagħna  

 

Intom ġejtu minn fostna biex tkunu għalina dawk li jservu. Nirringrazzjawkom talli taqdu lil Kristu għalina u talli tgħinuna naqdu lil Kristu għal xulxin. Aħna grati ta' tant doni li ġġibu lill-komunita' tagħna:

 

talli tgħaqqduna flimkien fit-talb u l-qima lejn Alla,

talli tiġu żżuruna fi djarna,

talli tfarrġuna fil-mard tagħna,

talli turuna l-mogħdrija,

talli tberkulna ż-żwieġ tagħna,

talli tgħammdulna lil uliedna,

talli tikkonfermawna fis-sejħa tagħna,

talli tissapportjawna meta mnikta minħabba t-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina,

talli tgħinuna nikbru fil-fidi,

talli tinkuraġġuna biex nieħdu l-inizzjattiva,

talli tgħinu lill-komunita' kollha biex tkun konxja tal-preżenta t'Alla fostna.

 

Minn naħa tagħna, nitolbu li aħna nkunu attenti għall-bżonnijiet tagħkom u li qatt ma nieħdukom for granted. Intom, bħalna, għandkom bżonn tal-ħbiberija u l-imħabba, ta' min jilqagħkom bħala wieħed minn ta' ġewwa, ta' kliem ġentili u atti magħmula bil-ħsieb u b'imħabba.

 

Nitolbu wkoll għal dawk is-saċerdoti li ġerrħu s-saċerdozju. Ħa nkunu lesti li naħfrulhom. Nitolbu wkoll biex huma jkunu miftuħa għall-fejqan. Ħa nqawwu lil xulxin f'mumenti ta' kriżi. Alla Missierna, nitolbuk tbierek lis-saċerdoti tagħna u tikkomfermahom fis-sejħa tagħhom. Agħtihom id-doni li għandhom bżonn biex iwieġbu b'ġenerożita' u b'qalb ferħana. Noffrulek din it-talba għas-saċerdoti tagħna, li huma ħutna u l-ħbieb tagħna. Ammen. 

 


 

27. Talb għas-Saċerdoti  

 

Għinna, Marija Ommna, biex ninżlu għarkubbtejna quddiem l-altar ta' Betlehem u biex nieqfu taħt is-salib tal-Kalvarju matul il-ħajja saċerdotali tagħna kollha, filwaqt li nemmnu b'qalbna kollha li Ibnek, issa l-Mulej tagħna rxuxtat, hu dejjem magħna u fina. Qawwina bir-rebħa tal-qawwmien tiegħu biex nipperseveraw.

                  

Missier Etern, li tgħix fina, hemm mumenti fejn veru nibdew naqtgħu qalbna. Nagħmlu ħilitna imma spiss donnu jidher għal xejn. Għinna nirbħu fuq il-qtiegħ ta' qalb billi kontinwament nimmeditaw fuq il-kliem ta' Ġesu': ''Dak li wieħed jiżra', dak jaħsad''.

Interċessjonijiet tal-qaddisin: Reverendu T. Ronald Haney

 


 

28. Talba lill-Qalb ta' Ġesu' għas-saċerdoti

 

Iben t'Alla l-veru ħaj, nitkarrbu lil qalbek għall-bżonnijiet tas-saċerdoti kollha. Nitkarrbu għall-gwida tiegħek li tfejjaq b'mod speċjali għal dawk is-saċerdoti li jikkumbattu bejn l-idejal ta' din id-dinja u l-verita' miżmuma fil-qalb tal-Knisja. Ħalli l-Ispirtu ta' Kristu; l-Ispirtu ta' servizz, l-Ispirtu ta' qdusija jkun imġedded f'kull wieħed u f'kulħadd.

 

Ħeġġeġ fihom il-valur veru tas-saċerdozju; ħallihom jaraw in-nisġa tas-saċerdoti lil kull familja u l-bżonn iddisprat tas-saċerdoti tagħna fis-soċjeta' kollha. Ħa jkun il-ferħ u l-profondita' tal-persuna ta’ Kristu fis-saċerdot li ġġeddidhom.

 

B'mod partikolari nitolbu għall-għajnuna tal-Anġlu Rafel li huwa mmarkat u magħruf bħala l-fejqan ta' Alla u r-'Rimedju ta' Alla'.

 

Ftakar, Ġesu' twajjeb li ħadd minn dawk li rrikorrew fil-Qalb 'Qaddisa Tiegħek, talbu l-għajnuna tiegħek jew talbuk il-ħniena, ma ġew abbandunati. Mimlijin b'din il-kunfidenza, Qalb Qaddisa, mexxej ta' kull qalb, aħna niġu għandek, oppressi taħt it-toqol tad-dnubietna. Twarrabx minn quddiemek it-talb fqajjar tagħna, imma ismagħhom bi ħniena, u weġibhom bil-qalb.

 

Litanija:

·  Imħabba tal-Qalb ta' Ġesu', ħeġġeġ il-qlub tas-saċerdoti tagħna.

·  Karita' tal-Qalb ta' Ġesu', ixxerred fil-qlub tas-saċerdoti tagħna.

·  Qawwa tal-Qalb ta' Ġesu', qawwi il-qlub tas-saċerdoti tagħna.

·  Ħniena tal-Qalb ta' Ġesu', aħfer il-qlub tas-saċerdoti tagħna.

·  Paċenzja tal-Qalb ta' Ġesu', la tiqafx tieħu ħsieb tal-qlub tas-saċerdoti tagħna.

·  Saltna tal-Qalb ta' Ġesu', kun fil-qalb tas-saċerdoti tagħna.

·  Għerf tal-Qalb ta' Ġesu', għallem lis-saċerdoti tagħna.

·  Rieda tal-Qalb ta' Ġesu', iggwida il-qalb tas-saċerdoti tagħna.

·  Zelu tal-Qalb ta' Ġesu', ikkonsma il-qlub tas-saċerdoti tagħna.

·  Immakulata Verġni Marija, itlob għas-saċerdoti kollha tagħna lill-Qalb Qaddisa ta' Ġesu'.

(Missierna, Sliema u Glorja)

(Ippreżenta fis-skiet ta' qalbek l-ismijiet tas-saċerdoti tagħna).

 


 

29. It-tieni Jum tan-Novena tal-Ħniena Divina

 

“Illum ġibli l-erwieħ tas-Saċerdoti u r-Reliġjużi u daħħalhom fil-ħniena Tiegħi bla qies.  Kienu huma li tawni l-qawwa biex nissaporti l-Passjoni kiefra li minnha għaddejt.  Permezz tagħhom tinżel il-Ħniena Tiegħi fuq l-umanita` kollha”.

Ġesu 

O Ġesu` l-aktar ħanin, li minnek jiġi kull ma hu tajjeb, kattar il-grazzja tiegħek fin-nisa ikkonsagrati għall-qadi tiegħek, sabiex ikunu jistgħu jwettqu għemejjel xierqa ta’ ħniena; u sabiex kull min jarahom, jagħti glorja lill-Missier tal-ħniena li hu fis-smewwiet.

Missier Etern, dawwar il-ħarsa Ħanina Tiegħek lejn dawk li għażilt biex jaħdmu fil-għalqa Tiegħek;  lejn l-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi u agħtihom is-setgħa tal-Barka Tiegħek.

F’ġieħ l-imħabba tal-Qalb ta’ Ibnek li fiha jinsabu miġburin, agħtihom il-qawwa u d-dawl Tiegħek, ħalli jkunu jistgħu jmexxu ‘l-oħrajn fit-triq tas-Salvazzjoni, u b’leħen wieħed ilkoll ifaħħru għal dejjem il-Ħniena Tiegħek bla tarf.  Ammen.

 


30. Talba għall-Bżonnijiet tas-Saċerdoti

 

§   Ġesu, Saċerdot Etern,

qaddes is-saċerdoti tiegħek.

§   Qalb ta' Ġesu, minfuda mil-lanza,

ħaddan miegħek is-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, f'ġieħ id-demm għażiż tiegħek,

ippurifika s-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, f'ġieħ il-passjoni tiegħek,

agħti l-qawwa lis-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, f'ġieħ it-tbatijiet u s-salib tiegħek,

żomm fil-qdusija s-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, nkurunat bix-xewk,

imla bl-għerf tas-sema s-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, f'ġieħ idejk minfudin mill-imsiemer,

bierek b'barka speċjali s-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, f'ġieħ riġlejk minfudin bl-imsiemer,

agħmel li s-saċerdoti jimxu dejjem fit-triq tal-qdusija.

§   Ġesu, ta' tjieba bla tarf,

fer in-nuqqasijiet tas-saċerdoti tiegħek.

§   Ġesu, ta' ħniena bla tmiem,

ħobb u agħder is-saċerdoti tiegħek.

§   Spirtu ta' Ġesu Kristu,

agħti l-ħajja lill-opri kollha tas-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, Omm ta' Ġesu s-Saċerdot Etern,

kun il-għaxqa tas-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, avukata setgħana,

iddefendi u ħares lis-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, qawwa tad-debboli,

kun mas-saċerdoti tiegħek, fix-xogħol tal-ministeru tagħhom ta' kuljum.

§   Marija, kewkba l-aktar sabiħa,

dawwal is-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, patruna ċelesti tal-kleru,

iddefendi l-kawża tas-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, refuġju ħelu tal-insara kollha,

ilqa' fil-kenn tal-Qalb Immakulata tiegħek, lis-saċerdoti kollha.

§   Marija, għajnuna qawwija tal-insara,

in u assisti s-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, gwida żgura tagħna,

akkumpanja dejjem is-saċerdoti tiegħek.

§   Marija, konsolatriċi tal-imnikktin,

ikkonforta s-saċerdoti tiegħek fid-dwejjaq tagħhom.

§   Marija, assisti s-saċerdoti moribondi, farraġhom fl-agunija tagħhom, iftħilhom il-bibien tal-ġenna, u daħħalhom fis-saltna ta' dejjem.  Ammen.

 


 

31. Talba għas-Saċerdoti li abbandunaw il-Vokazzjoni taghom

          (Tingħad nhar ta' Ġimgħa)

 

O Alla Missier, Inti li bgħatt l-Ispirtu tiegħek u mlejt l-imħuħ u l-qlub tal-appostli u d-dixxipli tiegħek, nitolbuk bil-ħerqa f'ġieħ it-tbatijiet ta' Ibnek Ġesu, Feddej tagħna, li timla bid-dawl u bl-imhabba tieghek, l-imħuħ u l-qlub ta' dawk is-saċerdoti li abbandunaw il-vokazzjoni taghhom.

 

Nitolbuk li mill-aktar fis treġġagħhom għall-ħdan tiegħek.

 

Missier Etern, għall-merti tat-tbatijiet li sofra lbnek Ġesu fil-ħajja tiegħu, speċjalment fl-aħħar ħin ta' ħajtu, f’ġieħ dik l-aħħar għajta ta' dwejjaq li huwa semma' u f’ġieħ id-duluri li ġarrbet f'dak il-ħn l-Omm Santissma tiegħu, aħna nitolbuk li tagħtina l-vera konverżjoni ta' dawn is-saċerdoti.

 

O Marija, Omm tar-Redentur, nitolbuk f'ġieħ dik l-imħabba li kellek lejn Ġesu’, u f'ġieħ dawk id-duluri li ġarrabt għall-fidwa tagħna, li tnissel fil-qlub ta' dawn is-saċerdoti l-vera ndiema u proponiment sod biex jerġgħu jaqbdu l-ħajja ta' intimita ma' Ġesu. F'ġieħ Kristu lbnek. Ammen.

 


 

32. Talba għas-Saċerdoti waqt irtir

          (Tingħad waqt l-irtiri tas-saċerdoti)

 

O Ġesu, Feddej Divin, li fdajt f'idejn is-saċerdoti tiegħek, is-salvazzjoni tad-dinja, aħna noffrulek permezz ta' Ommok Marija Santissma t-talb kollu tagħna, x-xogħol, is-sagrifiċċji, il-ferħ u n-niket ta' dan il-jum għall-qduisja ta' dawn is-saċerdoti li qegħdin jagħmlu irtir.

 

Nitolbuk, agħti d-dawl u l-għajnuna tiegħek lill-predikatur, sabiex iwassal ċar il-messaġġ tiegħek; u agħmel li s-saċerdoti jilqgħu l-kelma tiegħek b'qalb umli u miftuħa; biegħed minnhom, nitolbuk, kull distrazzjoni li tista' ttellifhom il-ġabra li jilqgħu l-kelma tiegħek u ddisponilhom qalbhom biex jirċevuha.

 

O Ġesu, imlihom bil-grazzja tiegħek, u agħmilhom saċerdoti skond il-Qalb tiegħek. Ammen.

 


 

33. Talba għall-Predikaturi tar-Randan 

       (Tingħad matul ir-Randan)

 

Missier Etern, għall-meriti infiniti ta' Ġesu Kristu, li għalih darba għidt "Dan hu Ibni l-maħbub, isimgħuh", agħmel li l-kelma ta' dawn is-saċerdoti jkollha l-qawwa tal-istess kelma tiegħu biex l-insara jipperswadu ruħhom mill-veritajiet eterni u jipprattikawhom għall-akbar glorja tiegħek u għall-qdusija tal-istess saċerdoti. F'ġieħ l-istess Kristu Sidna. Ammen.

 


 

34. Talba għad-Diretturi Spiritwali

 

O Ġesu, nitolbuk qaddes lid-Diretturi Spiritwali tagħna u agħmilhom xbieha perfetta tiegħek biex meta jkellmuna fuqek aħna nagħrfu fil-vuċi tagħhom, l-aċċent tal-vuċi tiegħek.

 

Agħtihom, nitolbuk, dawl speċjali fuq l-istat tar-ruħ tagħna biex iressquna iżjed lejk. Bierek il-laqgħat kollha li jkollna magħhom u agħmel fuq kollox li r-relazzjonijiet tagħna magħhom jkunu kollha għal qalbek billi jkunu biss spiritwali u sopranaturali. Ammen.