STABAT MATER DOLOROSA

 

Wieqfa kienet, imbikkija,

l-Omm ħdejn Binha

fit-tbatija, fuq salib imdendel.

 

Ta' din l-Omm il-qalb maqsuma

f'dak l-imrar bl-uġigħ mitmuma,

nifed sejf in-niket.

 

Kemm tbatija f'qalb muġugħa,

liema dwejjaq li jifnuha

ħasset l-Omm imbierka!

 

X'weġgħa ġarrbet u x'kefrija

meta ratu fit-tbatija

l-Omm lil Binha, Alla!

 

Qalb kull bniedem tħoss għaliha

lil Omm Kristu, u kemm tibkiha

x’ħin tarah f’dil-ħasra!

 

Min ma jħossx id-dwejjaq tagħha

x’ħin ta' Kristu l-Omm jilmaħha

f'niket kbir ma' Binha?

 

Għad-dnubiet tal-poplu l-ħati,

lil Ġesù hi ratu jbati

taħt is-swat bla ħniena.

 

Rat lil Binha u baqgħet miegħu

f'dak l-imrar tal-mewta tiegħu

waqt li ħarġet ruħu.

 

Omm u għajn ta' mħabba għalija,

ġagħalni nħoss dik it-tbatija,

biex jien nibki miegħek.

 

Kebbes f'qalbi nar ta' mħabba,

la tħalliha qatt tittabba'

imħabbti għal Kristu.

 

Omm qaddisa, isma' talbi:

dawk il-pjagi qegħedli f'qalbi

t'Ibnek Ġesù msallab.

 

Aqsam miegħi dit-tbatija

għal Ġesù, li mħabba fija

xerred demmu kollu.

 

Ħdejn Ġesù nibki dnubieti,

fis-salib nara ħtijieti

sakemm ngħix dil-ħajja.

 

Kemm nixtieqni nibqa' miegħek

mas-salib, u fid-dmugħ tiegħek

nissieħeb minn qalbi.

 

Verġni mbierka, Omm qalbiena,

uri miegħi din il-ħniena,

biex inħoss l-indiema.

 

Mewt Ġesù qegħedli quddiemi

fuq il-pjagi jkun biss kliemi

u l-Passjoni tiegħu.

  

Ġagħalni nhoss il-pjagi fija,

is-salib u kull tbatija,

u nissaffa b'Demmu.

 

Verġni mbierka, ieqaf miegħi

f'Jum il-Ħaqq, biex fit-tmiem tiegħi

fin-nar qatt nintilef.

 

Bis-salib fit-triq wennisni,

u b'mewt Ibnek, Omm, ħarisni,

Żommni sħiħ fil-grazzja.

 

Meta jmut dal-ġisem fqajjar,

agħmel int li jien nittajjar

lejn is-sebħ tal-Ġenna.  Amen