1. “Jiena
nsawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq
kull bniedem; u jħabbru
wliedkom, subien u bniet, u
ż-żgħażagħ tagħkom jaraw
dehriet, u x-xjuħ tagħkom
joħolmu ħolmiet” (Atti 2:17; ara
Ġoel 3:1). Din hi l-esperjenza
li għexna f’dan is-Sinodu, billi
mxejna flimkien u tajna widen
għal leħen l-Ispirtu. Hu
saħħarna bl-għana tad-doni
tiegħu, imliena bil-kuraġġ
tiegħu u bil-qawwa tiegħu biex
nistgħu nwasslu t-tama
lid-dinja.
Imxejna flimkien, mas-Suċċessur
ta’ Pietru, li wettaqna fil-fidi
u mliena bil-ħeġġa tal-missjoni.
Imqar jekk konna ġejjin minn
kuntesti ta’ perspettiva
kulturali u ekkleżjali
differenti ħafna, stajna nħossu
sa mill-bidu sintonija
spiritwali, xewqa għad-djalogu u
empatija vera. Ħdimna flimkien,
qsamna dak li kien l-aktar għal
qalbna, u għidna lil xulxin xi
jħassibna, bla ma ħbejna dak li
jħabbtilna qalbna. Tant
interventi messewlna qalbna u
nisslu fina l-kompassjoni
evanġelika: ħassejna li konna
ġisem wieħed li jbati u
jithenna. Nixtiequ naqsmu ma’
kulħadd l-esperjenza tal-grazzja
li għexna u ngħaddu lill-Knejjes
tagħna u lid-dinja kollha l-ferħ
tal-Vanġelu.
Il-preżenza taż-żgħażagħ kienet
aspett ġdid: permezz tagħhom
dewa fis-Sinodu l-leħen ta’
ġenerazzjoni sħiħa. Imxejna
magħhom, pellegrini fuq il-qabar
ta’ Pietru, u hekk stajna nifhmu
kif il-qrubija toħloq
il-kundizzjonijiet it-tajba biex
il-Knisja tkun spazju ta’
djalogu u xhieda ta’ fraternità
affaxxinanti. Il-qawwa ta’ din
l-esperjenza tegħleb kull għeja
u dgħufija. Il-Mulej il-ħin
kollu jtennilna: Tibżgħu xejn,
jiena magħkom.
Il-proċess tal-preparazzjoni
2. Ksibna
ġid kbir mill-kontributi li taw
l-Episkopati, u mis-sehem ta’
ragħajja, reliġjużi, lajċi,
esperti, edukaturi u bosta
oħrajn. Sa mill-bidu ż-żgħażagħ
kienu involuti fil-proċess
sinodali: il-Kwestjonarju
onlajn, tant kontributi
personali, u fuq kollox il-Laqgħa
presinodali huma sinjal
elokwenti ta’ dan. Is-sehem
tagħhom kien essenzjali, bħal
fir-rakkont tal-ħobżiet u
l-ħutiet: Ġesù seta’ jagħmel
il-miraklu grazzi
għad-disponibbiltà ta’ żagħżugħ
li offra b’ġenerożità dak kollu
li kellu (ara Ġw 6:8-11).
Il-kontributi kollha kienu
miġbura fl-Instrumentum
laboris, li kien il-qafas
sod għall-konfront matul
il-ġimgħat tal-Assemblea. Issa
dan id-Dokument finali
qed jiġbor ir-riżultat ta’ dan
il-proċess u jorjentah lejn
il-futur: jesprimi dak li
l-Padri sinodali għarfu,
interpretaw u għażlu fid-dawl
tal-Kelma ta’ Alla.
Id-Dokument finali tal-Assemblea
sinodali
3. Tajjeb
niċċaraw ir-relazzjoni bejn l-Instrumentum
laboris u d-Dokument
finali. Tal-ewwel hu
l-kwadru ta’ riferiment unitarju
u sintetiku li ħareġ mis-sentejn
ta’ smigħ; tat-tieni hu l-frott
tad-dixxerniment li sar u jiġbor
in-nuklej tematiċi ġenerattivi
li fuqhom il-Padri sinodali
kkonċentraw b’intensità u
passjoni partikulari. Mela ħa
nagħrfu d-diversità u
l-kumplimentarjetà ta’ dawn
iż-żewġ testi.
Dan id-Dokument qed jiġi
offrut lill-Qdusija Tiegħu
l-Papa (ara
Franġisku,
Episcopalis communio,
n. 18; Istruzzjoni,
art. 35 §5) u anki lill-Knisja
kollha bħala frott ta’
dan is-Sinodu. Billi l-mixja
sinodali għadha ma ntemmitx u
fadlilha l-fażi tal-attwazzjoni
(araEpiscopalis
communio, n. 19-21),
id-Dokument finali sa
jkun mappa li torjenta l-passi
li jmiss li l-Knisja hi msejħa
tagħmel.
*
F’dan id-dokument, bit-terminu
“Sinodu” xi drabi nifhmu
l-proċess sinodali sħiħ li
għaddej u xi drabi l-Assemblea
ġenerali li ltaqgħet mit-3
sat-28 ta’ Ottubru 2018.
DAĦLA
Ġesù jimxi mad-dixxipli ta’
Għemmaws
4. Fl-episodju
tad-dixxipli ta’ Għemmaws (ara
Lq 24:13-35) sibna test
paradigmatiku biex nistgħu
nifhmu l-missjoni ekkleżjali
f’relazzjoni
mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.
Din il-paġna tesprimi tajjeb dak
li aħna għexna fis-Sinodu u dak
li nixtiequ li kull Knisja
partikulari tista’ tgħix
f’relazzjoni maż-żgħażagħ. Ġesù
jimxi maż-żewġ dixxipli li ma
fehmux is-sens ta’ dak li għadda
minnu u qed jitbiegħdu minn
Ġerusalemm u mill-komunità. Biex
ikun fil-kumpanija tagħhom,
jimxi t-triq magħhom.
Jistaqsihom u b’sabar joqgħod
jisma’ l-verżjoni tagħhom
tal-fatti biex imbagħad jgħinhom
jagħrfu dak li qegħdin
jgħixu. Imbagħad, bi mħabba u
b’ħeġġa, iħabbrilhom il-Kelma, u
jwassalhom biex jaqraw
il-ġrajjiet li għaddew minnhom
fid-dawl tal-Iskrittura. Jilqa’
l-istedina biex jieqaf għandhom
ma’ nżul ix-xemx: huwa jidħol
fil-lejl tagħhom. Fis-smigħ
il-qalb tagħhom titħeġġeġ u
moħħhom jiddawwal, fil-qsim
tal-ħobż għajnejhom
jinfetħulhom. Huma stess
jagħżlu li bla dewmien
jerġgħu jaqbdu l-mixja
fid-direzzjoni opposta, biex
imorru lura għand il-komunità, u
jaqsmu l-esperjenza tal-laqgħa
tagħhom mal-Irxoxt.
F’kontinwità mal-Instrumentum
laboris, id-Dokument
finali hu maqsum fi tliet
partijiet li huma indikati minn
dan l-episodju. L-ewwel parti
jisimha “Baqa’ miexi magħhom”
(Lq 24:15) u tfittex li tixħet
dawl fuq dak li l-Padri sinodali
għarfu mill-kuntest li
fih jgħixu ż-żgħażagħ, u tindika
l-punti qawwija u l-isfidi.
It-tieni parti, “Infetħulhom
għajnejhom” (Lq 24:31), hi
interpretattiva u tagħtina
xi modi fundamentali kif nistgħu
naqraw it-tema sinodali.
It-tielet parti, jisimha “Dak
il-ħin stess qamu” (Lq 24:33),
tiġbor l-għażliet għal
konverżjoni spiritwali,
pastorali u missjunarja.
5. “Dakinhar
stess ġara li tnejn minnhom
kienu sejrin lejn raħal jismu
Għemmaws, xi sittin stadju
bogħod minn Ġerusalemm,
jitħaddtu bejniethom fuq kulma
kien ġara. Huma u jitħaddtu u
jitkixxfu bejniethom, Ġesù
nnifsu resaq lejhom u baqa’
miexi magħhom”
(Lq 24:13-15).
F’din is-silta l-evanġelista
jagħtina ritratt tal-bżonn ta’
dawn iż-żewġ vjaġġaturi li
jfittxu sens fil-ġrajjiet li
għexu. Jisħaq fuq l-atteġġjament
ta’ Ġesù li jimxi magħhom.
L-Irxoxt jixtieq jimxi ma’ kull
żagħżugħ u żagħżugħa, jilqa’
x-xewqat tagħhom, imqar jekk
delużi, u t-tamiet tagħhom,
imqar jekk mhux f’posthom. Ġesù
jimxi, jisma’, jaqsam.
KAPITLU I
KNISJA LI TISMA’
Nisimgħu u nħarsu b’empatija
Il-valur tas-smigħ
6. Is-smigħ
hu laqgħa ta’ libertà, li titlob
umiltà, sabar, disponibbiltà
biex nifhmu, impenn biex
infasslu t-tweġibiet tagħna
b’mod ġdid. Is-smigħ jibdel
il-qalb ta’ dawk li jgħixuh, fuq
kollox meta jidħlu
f’atteġġjament interjuri ta’
sintonija u doċilità
għall-Ispirtu. Mela mhuwiex biss
il-ġbir ta’ tagħrif, lanqas
strateġija biex nilħqu għan,
imma hu l-mod kif Alla nnifsu
jġib ruħu mal-poplu tiegħu.
Fil-fatt, Alla jilmaħ il-miżerja
tal-poplu tiegħu u jisma’ l-krib
tiegħu, iħallih imisslu
l-ġewwieni tiegħu u jinżel biex
jeħilsu (ara Eż 3:7-8). Mela
l-Knisja, permezz tas-smigħ,
tidħol fil-moviment ta’ Alla li,
f’Ibnu, jiġi jiltaqa’ ma’ kull
bniedem.
Iż-żgħażagħ jixtiequ lil min
jismagħhom
7. Iż-żgħażagħ
huma msejħa jagħmlu kontinwament
għażliet li jorjentaw il-ħajja
tagħhom; jesprimu x-xewqa li
jiġu mismugħa, rikonoxxuti,
imsieħba. Ħafna jħossu li
leħinhom mhux jitqies
interessanti jew siewi fil-qasam
soċjali u ekkleżjali. F’ħafna
kuntesti naraw ftit li xejn
attenzjoni għall-karba tagħhom,
b’mod partikulari għal dak
tal-iżjed foqra u sfruttati,
flimkien man-nuqqas ta’ adulti
disponibbli u li kapaċi
jisimgħu.
Is-smigħ fil-Knisja
8. Ma
jonqsux fil-Knisja inizjattivi u
esperjenzi b’saħħithom li
permezz tagħhom iż-żgħażagħ
jistgħu jduqu l-akkoljenza,
is-smigħ u jsemmgħu leħinhom.
Imma s-Sinodu jagħraf li mhux
dejjem il-komunità ekkleżjali
taf turi l-istess atteġġjament
li l-Irxoxt kellu mad-dixxipli
ta’ Għemmaws, meta, qabel ma
dawwalhom bil-Kelma, staqsiehom:
“X’intom tgħidu bejnietkom intom
u miexja?” (Lq 24:17). Xi drabi
iktar għandna t-tendenza li
nipprovdu tweġibiet
prekonfezzjonati u riċetti
lesti, mingħajr ma nħallu
jixirfu l-mistoqsijiet
taż-żgħażagħ fl-aspett ġdid
tagħhom u nilqgħu
l-provokazzjoni tagħhom.
Is-smigħ jagħmel possibbli qsim
ta’ doni, f’kuntest ta’
empatija. Liż-żgħażagħ jgħinhom
jagħtu s-sehem tagħhom
lill-komunità, u hekk jgħinuha
trawwam sensibbiltajiet ġodda u
tagħmel mistoqsijiet li qatt
m’għamlet qabel. Fl-istess waqt
joħloq il-kundizzjonijiet
it-tajba għal tħabbira
tal-Vanġelu li tassew tasal
sal-qalb, b’mod qawwi u
għammiel.
Is-smigħ tar-Ragħajja u ta’
lajċi kkwalifikati
9. Is-smigħ
hu kwalità importanti
tal-ministeru tar-Ragħajja, u
qabelxejn tal-Isqfijiet, li,
imma, spiss issibhom imtaqqlin
iżżejjed b’ħafna impenji u
jsibuha bi tqila li jsibu ħin
xieraq għal dan is-servizz
indispensabbli. Ħafna ħassew li
hemm nuqqas ta’ persuni esperti
u dedikati għall-akkumpanjament.
Jekk nemmnu fil-valur teoloġiku
u pastorali tas-smigħ, irridu
nerġgħu naħsbu kif inġeddu
l-forom li bihom normalment
il-ministeru presbiterali
jesprimi ruħu u nivverifikaw
il-prijoritajiet tiegħu. Barra
minn hekk, is-Sinodu jagħraf
il-ħtieġa li jkollna persuni
kkonsagrati u lajċi, irġiel u
nisa, li jkunu mħejjija tajjeb u
kkwalifikati
għall-akkumpanjament
taż-żgħażagħ. Il-kariżma
tas-smigħ li l-Ispirtu s-Santu
jqanqal fil-komunitajiet tista’
tirċievi wkoll xi għamla ta’
rikonoxximent istituzzjonali
għas-servizz tal-Knisja nfisha.
Id-diversitajiet ta’ kuntesti u
kulturi
Dinja fil-plural
10. L-istess
mod kif kien iffurmat is-Sinodu
wera biċ-ċar il-preżenza u
s-sehem tad-diversi reġjuni
tad-dinja, u kixef il-ġmiel
tal-Knisja universali. Imqar
f’kuntest ta’ globalizzazzjoni
dejjem tikber, il-Padri sinodali
talbu li jintwerew il-ħafna
differenzi bejn kuntesti u
kulturi, anki fl-istess pajjiż.
Teżisti pluralità ta’ dinjiet
taż-żgħażagħ tant li f’xi
pajjiżi hemm it-tendenza li
t-terminu “żgħożija” jintuża
fil-plural. Barra dan, il-faxxa
ta’ età li ħares lejha dan
is-Sinodu (16-29 sena) ma
tirrappreżentax ġabra omoġenja,
imma hi magħmula minn gruppi li
jgħixu sitwazzjonijiet
partikulari.
Dawn id-differenzi kollha jħallu
impatt qawwi fuq l-esperjenza
konkreta li jgħixu ż-żgħażagħ:
fil-fatt jolqtu d-diversi
fażijiet tal-età evoluttiva,
ix-xejriet tal-esperjenza
reliġjuża, il-binja tal-familja
u r-relevanza tagħha
fit-trasmissjoni tal-fidi,
ir-relazzjonijiet bejn
il-ġenerazzjonijiet – bħal
ngħidu aħna r-rwol tal-anzjani u
r-rispett dovut lilhom –,
il-modi ta’ parteċipazzjoni
fil-ħajja soċjali,
l-atteġġjament lejn il-futur,
il-kwistjoni ekumenika u
interreliġjuża. Is-Sinodu
jagħraf u jilqa’ l-għana
tad-diversitajiet tal-kulturi u
hu għas-servizz tal-komunjoni
tal-Ispirtu.
Bidliet li qed iseħħu
11. Ta’
importanza partikulari hi
d-differenza f’dik li hi
dinamika demografika bejn
il-pajjiżi b’rata għolja
tat-twelid, fejn iż-żgħażagħ
jirrappreżentaw kwota
sinifikattiva u li qed togħla
tal-popolazzjoni, u dawk li
fihom l-għadd tagħhom dejjem qed
jonqos. Differenza oħra ġejja
mill-istorja, li toħloq
diversità bejn il-pajjiżi u
l-kontinenti ta’ tradizzjoni
Nisranija antika, fejn
il-kultura ġġorr fiha memorja li
mhux ta’ min iħalliha tintilef,
u l-pajjiżi u kontinenti
mmarkati minn tradizzjonijiet
reliġjużi oħra u li fihom
il-Kristjaneżmu hu preżenza
minoritarja u xi drabi riċenti.
F’territorji oħra mbagħad
il-komunitajiet Insara u
ż-żgħażagħ li jagħmlu parti
minnhom huma oġġett ta’
persekuzzjoni.
Esklużjoni u emarġinazzjoni
12. Imbagħad
bejn il-pajjiżi u fi ħdan kull
wieħed minnhom hemm
id-differenzi li ġejjin
mill-qafas soċjali u
mid-disponibbiltà ekonomika li
jisseparaw, xi drabi b’mod ċar
ħafna, dawk li għandhom aċċess
għal għadd dejjem jikber ta’
opportunitajiet li toffri
l-globalizzazzjoni, minn dawk li
qed jgħixu fit-trufijiet
tas-soċjetà u fid-dinja rurali u
qed ibatu mill-effetti ta’
xejriet ta’ esklużjoni u skart.
Bosta interventi semmew
il-ħtieġa li l-Knisja b’kuraġġ
turi li hi fuq in-naħa tagħhom u
tieħu sehem fil-ħolqien ta’
alternattivi li jneħħu kull
esklużjoni u emarġinazzjoni, u
jsaħħu l-akkoljenza,
l-akkumpanjament u
l-integrazzjoni. Għalhekk hemm
bżonn inkunu konxji
mill-indifferenza li tmiss
il-ħajja anki ta’ ħafna Nsara,
biex negħlbuha bl-approfondiment
tad-dimensjoni soċjali tal-fidi.
Irġiel u nisa
13. Ma
nistgħux ninsew id-differenza
bejn irġiel u nisa bid-doni
partikulari tagħhom,
is-sensibbiltajiet u
l-esperjenzi speċifiċi tagħhom
tad-dinja. Din id-differenza
tista’ tkun qasam li fih jinbtu
xejriet ġodda ta’ ħakma,
esklużjoni u diskriminazzjoni li
minnhom is-soċjetajiet kollha u
l-Knisja nfisha jeħtieġ li
jinħelsu.
Il-Bibbja tippreżenta lir-raġel
u lill-mara bħala sieħba ndaqs
quddiem Alla (ara Ġen 5:2): kull
ħakma u diskriminazzjoni mibnija
fuq is-sess joffendu d-dinjità
umana. Hi tippreżenta wkoll
id-differenza bejn is-sessi
bħala misteru li jikkostitwixxi
l-essri uman u ma nistgħux
nirriduċuh għal sterjotipi.
Ir-relazzjoni bejn raġel u mara
mbagħad nifhmuha fit-termini ta’
vokazzjoni li għandha tingħax
flimkien fir-reċiproċità u
fid-djalogu, fil-komunjoni u
fil-frott għammiel (ara Ġen
1:27-29; 2:21-25), fl-oqsma
kollha tal-esperjenza umana:
il-ħajja ta’ koppja, ix-xogħol,
l-edukazzjoni u anki oħrajn.
Alla fada d-dinja lill-patt ta’
bejniethom.
Il-kolonizzazzjoni kulturali
14. Bosta
Padri sinodali ġejjin minn
kuntesti li mhumiex tal-Punent
qalu kif fil-pajjiżi tagħhom
il-globalizzazzjoni qed iġġib
magħha xejriet veri ta’
kolonizzazzjoni kulturali, li
jaqilgħu liż-żgħażagħ
mill-appartenenzi kulturali u
reliġjużi li minnhom ġejjin.
Hemm bżonn ta’ impenn min-naħa
tal-Knisja biex isseħibhom f’dan
il-passaġġ mingħajr ma jwarrbu
l-aspetti l-iżjed prezzjużi
tal-identità tagħhom.
Jidhru li huma ħafna
l-interpretazzjonijiet
tal-proċess ta’
sekularizzazzjoni. Waqt li xi
wħud jgħixuh bħala opportunità
prezzjuża biex jissaffew minn
reliġjożità tad-drawwa jew
inkella waħda li hi msejsa fuq
identitajiet etniċi u
nazzjonali, għal oħrajn
jirrappreżenta xkiel
għat-trasmissjoni tal-fidi.
Fis-soċjetajiet sekulari qed
nassistu wkoll għal kixfa
mill-ġdid ta’ Alla u
tal-ispiritwalità. Dan
għall-Knisja hu stimolu biex
terġa’ tiskopri l-importanza ta’
dinamiżmi li jappartienu
lill-fidi, lit-tħabbira u
lill-akkumpanjament pastorali.
L-ewwel ħarsa lejn il-Knisja
tal-lum
L-impenn edukattiv tal-Knisja
15. Mhumiex
ftit ir-reġjuni fejn iż-żgħażagħ
jaraw lill-Knisja bħala preżenza
ħajja u li tinvolvi ruħha, u li
hi sinifikattiva anki għal
sħabhom li ma jemmnux jew għal
reliġjonijiet oħra.
L-istituzzjonijiet edukattivi
tal-Knisja jfittxu li jilqgħu
liż-żgħażagħ kollha,
indipendentement mill-għażliet
reliġjużi, il-provenjenza
kulturali u s-sitwazzjonijiet
personali, familjari jew soċjali
tagħhom. B’dan il-mod il-Knisja
qed tagħti sehem fundamentali
fl-edukazzjoni sħiħa
taż-żgħażagħ fl-iktar partijiet
differenti tad-dinja. Dan jista’
jseħħ permezz tal-edukazzjoni
fl-iskejjel ta’ kull ordni u
grad u fiċ-ċentri ta’
formazzjoni personali,
fil-kulleġġi u
fl-universitajiet, imma anki
fiċ-ċentri taż-żgħażagħ u
fl-oratorji; dan l-impenn
jitwettaq ukoll permezz
tal-akkoljenza ta’ rifuġjati u
immigranti u l-impenn ta’ kull
xorta fil-qasam soċjali. F’dawn
il-preżenzi kollha l-Knisja
xxierek mal-ħidma edukattiva u
mal-promozzjoni umana x-xhieda u
t-tħabbira tal-Vanġelu. Meta
mnebbħa mid-djalogu bejn
il-kulturi u r-reliġjonijiet,
l-azzjoni edukattiva tal-Knisja
hi apprezzata wkoll minn dawk li
mhumiex Insara bħala għamla ta’
promozzjoni umana awtentika.
L-attivitajiet tal-pastorali
maż-żgħażagħ
16. Tul
il-mixja sinodali dehret
il-ħtieġa li nikkwalifikaw
vokazzjonalment il-pastorali
maż-żgħażagħ, billi nqisu
liż-żgħażagħ kollha bħala
destinatarji tal-pastorali
vokazzjonali. Flimkien sħaqna
wkoll fuq il-ħtieġa li
niżviluppaw proċessi pastorali
sħaħ, li mit-tfulija jwasslu
għall-ħajja adulta u jinserixxu
fil-komunità Nisranija. Rajna
wkoll kif diversi gruppi
parrokkjali, movimenti u
għaqdiet taż-żgħażagħ qed
iwettqu proċess effikaċi ta’
akkumpanjament u ta’ formazzjoni
taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-fidi
tagħhom.
Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ – li
nibet minn intuwizzjoni
profetika ta’ San Ġwanni Pawlu
II, u li jibqa’ punt ta’
riferiment anki għaż-żgħażagħ
tat-tielet millennju –,
il-laqgħat nazzjonali u
djoċesani jiżvolġu rwol
importanti fil-ħajja ta’ ħafna
żgħażagħ għax joffru esperjenza
ħajja ta’ fidi u ta’ komunjoni,
li tgħinhom jaffrontaw l-isfidi
kbar tal-ħajja u jassumu b’mod
responsabbli l-post tagħhom
fis-soċjetà u fil-komunità
ekkleżjali. Hekk dawn il-laqgħat
jistgħu jindirizzawhom lejn
l-akkumpanjament pastorali
ordinarju tal-komunitajiet, fejn
huma mistednin jinżlu fil-fond
tal-ħajja tal-Vanġelu u
jlaħħmuha f’għażliet ta’ ħajja.
Il-piż tal-amministrazzjoni
17. Ħafna
Padri nnutaw li l-piż ta’
dmirijiet amministrattivi qed
jassorbi żżejjed u xi drabi
b’mod soffokanti l-enerġiji ta’
tant Ragħajja; din hi waħda
mir-raġunijiet li tagħmel
diffiċli l-laqgħa maż-żgħażagħ u
l-akkumpanjament tagħhom. Biex
tidher iktar il-prijorità
tal-impenji pastorali u
spiritwali, il-Padri sinodali
jisħqu fuq il-ħtieġa li nerġgħu
naħsbu ftit fuq kif għandhom
ikunu l-modi konkreti
tat-tħaddim ta’ dan
il-ministeru.
Il-qagħda tal-parroċċi
18. Imqar
jekk din tibqa’ l-ewwel għamla
prinċipali ta’ kif ngħixu bħala
Knisja fit-territorju, ħafna
semmew kif il-parroċċa qed tbati
biex tkun post rilevanti
għaż-żgħażagħ u kif hemm bżonn
li wieħed jaħseb mill-ġdid
x’xejra għandha tieħu
l-vokazzjoni missjunarja.
Il-ftit relevanza li għandha
fl-ispazji urbani, id-dinamiċità
fqira fil-proposti, flimkien
mal-bidliet fl-ispazji u
ż-żminijiet tal-istili ta’ ħajja
qed isejħu għal tiġdid. Imqar
jekk ħafna huma t-tentattivi ta’
innovazzjoni, spiss ix-xmara
tal-ħajja żagħżugħa miexja lejn
it-trufijiet tal-komunità, bla
ma tiltaqa’ magħha.
L-inizjazzjoni għall-ħajja
Nisranija
19. Ħafna
jinnutaw kif il-mixjiet ta’
inizjazzjoni Nisranija mhux
dejjem qed jirnexxielhom
ilaqqgħu tfal, adolexxenti u
żgħażagħ mal-ġmiel
tal-esperjenza tal-fidi. Meta
l-komunità tkun tabilħaqq post
ta’ komunjoni u vera familja ta’
wlied Alla, tesprimi qawwa li
tnissel u tgħaddi l-fidi; imma
fejn hi ċċedi għal-loġika
tad-delega u tgħolli rasha
l-organizzazzjoni burokratika,
l-inizjazzjoni Nisranija tiġi
mifhuma bħala kors ta’ tagħlim
reliġjuż li soltu jintemm
bis-sagrament
tal-Konfirmazzjoni. Għalhekk
huwa urġenti li nerġgħu naħsbu
fil-fond fuq x’impostazzjoni qed
nagħtu lill-katekeżi u r-rabta
bejn trasmissjoni familjari u
komunitarja tal-fidi, b’aktar
insistenza fuq il-proċessi ta’
akkumpanjament personali.
Il-formazzjoni tas-seminaristi u
l-ikkonsagrati
20.
Is-seminarji u d-djar ta’
formazzjoni huma mkejjen ta’
importanza kbira fejn
iż-żgħażagħ imsejħin
għas-saċerdozju u għall-ħajja
kkonsagrata japprofondixxu
l-għażla vokazzjonali tagħhom u
jimmaturaw fil-mixja tagħhom
wara Ġesù. Xi drabi dawn
l-ambjenti ma jagħtux kas
biżżejjed tal-esperjenzi li
l-kandidati jkunu għaddew
minnhom qabel, u ma jagħtuhomx
l-importanza li tixirqilhom. Dan
iżomm il-persuna milli tkompli
tikber u jirriskja li jwassal
għal atteġġjamenti formali,
iktar milli għall-iżvilupp
tad-doni ta’ Alla u
l-konverżjoni profonda tal-qalb.
IT-TIENI KAPITLU
TLIET MUMENTI DEĊIŻIVI
Il-karattru ġdid tal-ambjent
diġitali
Realtà mifruxa
21. L-ambjent
diġitali jikkaratterizza d-dinja
tal-lum. Faxex wiesgħa
tal-umanità huma mgħaddsa fih
b’mod ordinarju u kontinwu.
M’għadniex nitkellmu biss dwar
l-“użu” ta’ strumenti ta’
komunikazzjoni, imma li qed
ngħixu f’kultura diġitalizzata
b’mod wiesa’ li għandha impatt
qawwi ħafna fuq il-kunċett
taż-żmien u tal-ispazju, fuq kif
inħarsu lejna nfusna, lejn
l-oħrajn u lejn id-dinja, fuq
il-mod kif nikkomunikaw, kif
nifhmu, kif ninfurmaw ruħna, kif
nidħlu f’relazzjoni mal-oħrajn.
Viżjoni tar-realtà li aktarx
tipprivileġġja l-immaġni iktar
mis-smigħ u l-qari tinfluweza
l-mod kif nitgħallmu u
l-iżvilupp tas-sens kritiku.
Illum huwa ċar li “l-ambjent
diġitali m’għadux dinja
parallela jew purament virtwali,
imma hu parti mir-realtà ta’
kuljum ta’ ħafna persuni,
speċjalment ta’ dawk l-iktar
żgħażagħ” (Benedittu XVI, Messaġġ għas-XLVII Jum Dinji
tal-Komunikazzjoni Soċjali).
Ix-xibka tal-opportunitajiet
22. L-internet
u s-social network huma
pjazza fejn iż-żgħażagħ iqattgħu
ħafna ħin u jiltaqgħu faċilment,
anki jekk mhux kollha għandhom
l-istess aċċess għalihom, b’mod
partikulari f’xi reġjuni
tad-dinja. Imma xorta waħda huma
opportunità straordinarja ta’
djalogu, laqgħa u skambju bejn
il-persuni, barra li jagħtu
aċċess għall-informazzjoni u
għall-għarfien. Barra minn hekk,
dak diġitali hu kuntest
għall-parteċipazzjoni
soċjopolitika u
għaċ-ċittadinanza attiva, u
jista’ jiffaċilita
ċ-ċirkolazzjoni ta’
informazzjoni indipendenti li
kapaċi tħares il-persuni l-iżjed
vulnerabbli billi tikxef
għad-dawl il-vjolazzjoni
tad-drittijiet tagħhom. F’ħafna
pajjiżi l-internet u s-social
network illum
jirrappreżentaw post essenzjali
biex jistgħu jintlaħqu u jiġu
involuti ż-żgħażagħ, anki
f’inizjattivi u attivitajiet
pastorali.
Il-lat mudlam tal-internet
23. L-ambjent
diġitali hu wkoll territorju ta’
solitudni, manipulazzjoni,
sfruttament u vjolenza, sal-punt
estrem tad-dark web.
Il-midja diġitali tista’
tesponik għar-riskju ta’
dipendenza, ta’ iżolament u ta’
telfien naqra naqra tal-kuntatt
mar-realtà konkreta, u hekk
ixxekkel l-iżvilupp ta’
relazzjonijiet awtentiċi bejn
il-persuni. Għamliet ġodda ta’
vjolenza jixterdu permezz
tal-midja soċjali, ngħidu aħna
l-ibbuljar fuq is-siti
tal-internet; l-internet hu
wkoll kanal fejn tixtered
il-pornografija u l-abbuż
tal-persuni għal skop sesswali
jew permezz tal-logħob
tal-azzard.
24. Fl-aħħar
nett, fid-dinja diġitali hemm
għaddejjin interessi ekonomiċi
ġganteski, li kapaċi jwasslu
għal forom ta’ kontroll sottili
imma invażivi, joħolqu
mekkaniżmi ta’ manipulazzjoni
tal-kuxjenzi u tal-proċess
demokratiku. Il-funzjonament ta’
ħafna pjattaformi spiss jispiċċa
jiffavorixxi l-laqgħa bejn
persuni li jaħsbuha bl-istess
mod, u għalhekk ixekkel
il-konfront bejn id-differenzi.
Dawn iċ-ċrieki magħluqa
jiffaċilitaw it-tixrid ta’
informazzjoni u aħbarijiet
foloz, u jkebbsu l-preġudizzji u
l-mibegħda. Ir-riproduzzjoni ta’
fake news hi espressjoni
ta’ kultura li warrbet
għall-ġenb is-sens tal-verità u
tgħawweġ il-fatti kif jaqblilha.
Ir-reputazzjoni tal-persuni
titqiegħed f’riskju permezz ta’
proċessi mgħaġġla onlajn. Dan
il-fenomenu qed jolqot ukoll
lill-Knisja u r-Ragħajja tagħha.
Il-migranti bħala paradigma ta’
żmienna
Fenomenu ta’ ħafna xejriet
25. Il-fenomeni
migratorji jirrappreżentaw fuq
livell dinji fenomenu
strutturali u mhux emerġenza
temporanja. Il-migrazzjonijiet
jistgħu jseħħu fi ħdan l-istess
pajjiż jew bejn pajjiżi
differenti. It-tħassib
tal-Knisja jolqot partikularment
lil dawk li qed jaħarbu
mill-gwerra, mill-vjolenza,
mill-persekuzzjoni politika jew
reliġjuża, mid-diżastri naturali
dovuti wkoll lill-bidliet
fil-klima, u mill-faqar estrem:
ħafna minnhom huma żgħażagħ.
Normalment ikunu jfittxu
opportunitajiet għalihom
infushom u għall-familja
tagħhom. Joħolmu futur aħjar u
jixtiequ joħolqu
l-kundizzjonijiet biex dan
iseħħ.
Ħafna Padri sinodali saħqu li
l-migranti huma “paradigma” li
tista’ ddawwal iż-żminijiet
tagħna u b’mod partikulari
l-qagħda taż-żgħażagħ, u
jfakkruna fil-kundizzjoni
oriġinali tal-fidi, jiġifieri
dik li aħna “barranin u għorba
fuq l-art” (Lhud 11:13).
Vjolenza
u
vulnerabbiltà
26. Migranti
oħra jħallu arthom miġbudin
mill-kultura tal-Punent,
b’xenqat xi drabi irrealistiċi
li jesponuhom għal delużjonijiet
ibsin. Traffikanti bla skruplu,
spiss marbuta mas-suq tad-droga
u tal-armamenti, jisfruttaw
id-dgħufija tal-migranti, li fi
triqthom spiss iħabbtu wiċċhom
mal-vjolenza, it-traffikar,
l-abbuż psikoloġiku u anki
fiżiku, u tbatijiet li bilkemm
toħlomhom. Irridu nsemmu
l-vulnerabbiltà partikulari
tal-migranti taħt l-età u mhux
akkumpanjati, u
s-sitwazzjonijiet ta’ dawk li
huma mġiegħla jqattgħu ħafna
snin fil-kampijiet tar-rifuġjati
jew li jibqgħu mwaħħla fit-tul
fil-pajjiżi li jgħaddu minnhom,
mingħajr ma jistgħu jkomplu
l-kors tal-istudji u lanqas
jesprimu t-talenti tagħhom. F’xi
pajjiżi fejn jaslu, il-fenomeni
migratorji jqajmu sens ta’
allarm u biżgħat, spiss imrewħa
u sfruttati għal fini politiċi.
Hemm tinfirex mentalità
ksenofobika, ta’ għeluq fina
nfusna, li għandha nirreaġixxu
għaliha b’mod deċiżiv.
Stejjer ta’ separazzjoni u ta’
laqgħa
27. Iż-żgħażagħ
li jemigraw iduqu s-separazzjoni
mill-kuntest tal-oriġni tagħhom
u spiss anki mill-għeruq
kulturali u reliġjużi. Din
il-qasma tolqot anki
lill-komunitajiet li minnhom
ikunu ġejjin, li jitilfu
l-elementi l-iktar enerġiċi u
dinamiċi, u lill-familji, b’mod
partikulari meta jemigra wieħed
jew tnejn mill-ġenituri, u
jħalli lill-ulied warajh
fil-pajjiż tal-oriġni. Il-Knisja
għandha rwol importanti bħala
punt ta’ riferiment
għaż-żgħażagħ ta’ dawn
il-familji mfarrka. Imma dawk
tal-migranti huma wkoll stejjer
ta’ laqgħa bejn persuni u bejn
kulturi: għall-komunitajiet u
s-soċjetajiet li fihom jaslu
huma opportunità biex jistagħnu
u għall-iżvilupp uman sħiħ ta’
kulħadd. L-inizjattivi ta’
akkoljenza li fihom tkun
involuta l-Knisja minn dan
il-lat għandhom rwol importanti,
u jistgħu jagħtu ħajja ġdida
lill-komunitajiet li għandhom
il-ħila jwettquhom.
Ir-rwol profetiku tal-Knisja
28. Grazzi
għall-provenjenzi differenti
tal-Padri, fejn tidħol it-tema
tal-migranti s-Sinodu ra
t-tlaqqigħ ta’ bosta
perspettivi, b’mod partikulari
bejn pajjiżi li minnhom jitilqu
l-migranti u pajjiżi li fihom
jaslu. Barra minn hekk, dwiet
il-karba ta’ allarm ta’ dawk
il-Knejjes li l-membri tagħhom
qed ikollhom jaħarbu mill-gwerra
u mill-persekuzzjoni u li f’dawn
il-migrazzjonijiet sfurzati qed
jilmħu theddida għall-istess
eżistenza tagħhom. Sewwasew dan
il-fatt li tinkludi fi ħdanha
dawn il-perspettivi kollha
jqiegħed lill-Knisja
f’kundizzjoni li tiżvolġi rwol
profetiku quddiem is-soċjetà
fejn tidħol it-tema
tal-migrazzjonijiet.
Nagħrfu u nirreaġixxu għal kull
xorta ta’ abbuż
Infittxu l-verità u nitolbu
maħfra
29.
Il-bosta għamliet ta’ abbuż
min-naħa ta’ xi isqfijiet,
saċerdoti, reliġjużi u lajċi
jġibu f’dawk li huma vittmi
tagħhom, fosthom bosta żgħażagħ,
tbatijiet li jistgħu jtulu
ħajjithom kollha u li l-ebda
ndiema ma tista’ tagħmel tajjeb
għalihom. Dan il-fenomenu hu
mifrux fis-soċjetà, imiss anki
lill-Knisja u jirrappreżenta
tfixkil serju għall-missjoni
tagħha. Is-Sinodu jtenni b’qawwa
l-impenn sħiħ
għall-implimentazzjoni ta’
miżuri rigorużi ta’ prevenzjoni
biex ma jħallux li jirripetu
ruħhom, ibda mill-għażla u
l-formazzjoni ta’ dawk li lilhom
sa jiġu fdati ħidmiet ta’
responsabbiltà u edukattivi.
Lura lejn l-għeruq
30. Jeżistu
diversi xorta ta’ abbuż: ta’
poter, ekonomiċi, ta’ kuxjenza,
sesswali. Hu ċar id-dmir li
naqilgħu mill-qiegħ ix-xejriet
ta’ tħaddim tal-awtorità li
fuqhom qed jitlaqqmu u li
neħduha kontra n-nuqqas ta’
responsabbiltà u trasparenza li
ntwera fil-mod kif ġew trattati
ħafna każi. Ix-xewqa
għall-ħakma, in-nuqqas ta’
djalogu u trasparenza,
ix-xejriet ta’ ħajja doppja,
il-vojt spiritwali, u mhux
b’inqas id-dgħufijiet
psikoloġiċi huma l-art li fuqha
tixxettel il-korruzzjoni.
Il-klerikaliżmu, b’mod
partikulari, “jiġi minn viżjoni
elitarjana u eskludenti
tal-vokazzjoni, li tinterpreta
l-ministeru li rċivejna bħala
poter li rridu nħaddmu pjuttost
milli bħala qadi b’xejn u
ġeneruż li għandna noffru; u dan
iwassalna naħsbu li aħna nagħmlu
parti minn grupp li għandu
t-tweġibiet kollha u m’għandux
iżjed bżonn li jisma’ u
jitgħallem xejn, jew jagħmel
tabirruħu li qed jisma’” (Franġisku, Diskors lill-I Kongregazzjoni Ġenerali
tal-XV-il Assemblea Ġenerali
tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 3
ta’ Ottubru 2018).
Gratitudni u inkuraġġiment
31. Is-Sinodu
jesprimi gratitudni lejn dawk li
għandhom il-kuraġġ li dritt
jikkundannaw il-ħażin: huma
jgħinu lill-Knisja ssir konxja
ta’ x’ġara u tal-ħtieġa li
tirreaġixxi b’mod deċiżiv.
Japprezza u jinkuraġġixxi wkoll
l-impenn sinċier ta’ għadd bla
qies ta’ lajċi, saċerdoti,
ikkonsagrati u isqfijiet li ta’
kuljum jingħataw b’onestà u
dedikazzjoni għas-servizz
taż-żgħażagħ. L-opra tagħhom hi
foresta li tikber bla ħsejjes.
Bosta fost iż-żgħażagħ preżenti
għas-Sinodu wkoll urew
gratitudni lejn dawk li
akkumpanjawhom u saħqu fuq
il-ħtieġa kbira ta’ figuri ta’
riferiment.
Il-Mulej Ġesù, li qatt ma jitlaq
waħidha lill-Knisja tiegħu,
joffrilha l-qawwa tiegħu u
l-għodda għal mixja ġdida. Waqt
li jikkonferma l-linja ta’
“azzjonijiet u sanzjonijiet
meħtieġa” (Franġisku,
Ittra lill-poplu ta’ Alla,
20 ta’ Awwissu 2018, n. 2)
minnufih, u fl-għarfien li
l-ħniena titlob il-ġustizzja,
is-Sinodu jagħraf li jekk
naffrontaw il-kwistjoni
tal-abbużi fl-aspetti kollha
tagħha, anki bl-għajnuna
prezzjuża taż-żgħażagħ, din
tista’ tkun tassew opportunità
għal riforma ta’ qawwa epokali.
IT-TIELET KAPITLU
IDENTITÀ
U RELAZZJONIJIET
Familja u relazzjonijiet bejn
il-ġenerazzjonijiet
Il-familja bħala punt ta’
riferiment ipprivileġġjat
32. Il-familja
tibqa’ l-punt ta’ riferiment
prinċipali għaż-żgħażagħ.
L-ulied japprezzaw l-imħabba u
l-għożża tal-ġenituri, għandhom
għal qalbhom ir-rabtiet
familjari u jittamaw li għad
jirnexxielhom huma wkoll isawru
familja. Bla dubju, iż-żieda
fis-separazzjonijiet, divorzji,
it-tieni rabtiet u familji
b’ġenitur wieħed tista’ tikkawża
fiż-żgħażagħ tbatijiet kbar u
kriżijiet ta’ identità. Mhux
darba u tnejn ikollhom
jitgħabbew b’responsabbiltajiet
kbar wisq għall-età tagħhom u
jġagħluhom isiru adulti qabel
iż-żmien. In-nanniet spiss
joffru kontribut deċiżiv
fl-affett u fl-edukazzjoni
reliġjuża: bl-għerf tagħhom huma
ħolqa determinanti
fir-relazzjoni bejn
il-ġenerazzjonijiet.
L-importanza
tal-maternità
u tal-paternità
33. Ommijiet
u missirijiet għandhom rwoli
distinti minn xulxin imma
daqstant ieħor importanti bħala
punti ta’ riferiment
fil-formazzjoni tal-ulied u biex
jgħaddulhom il-fidi. Il-figura
tal-omm jibqa’ jkollha rwol li
ż-żgħażagħ iqisuh essenzjali
biex jistgħu jikbru, anki jekk
dan mhuwiex rikonoxxut biżżejjed
fil-profil kulturali, politiku u
tad-dinja tax-xogħol. Ħafna
missirijiet jiżvolġu r-rwol
tagħhom b’dedikazzjoni, imma ma
nistgħux naħbu li, f’xi
kuntesti, il-figura tal-missier
hi assenti jew qed tisfuma
fix-xejn, waqt li f’oħrajn hi
oppressiva jew awtoritarja. Dawn
l-ambigwitajiet jirriflettu
wkoll fuq it-tħaddim
tal-paternità spiritwali.
Ir-relazzjonijiet bejn
il-ġenerazzjonijiet
34. Is-Sinodu
jirrikonoxxi d-dedikazzjoni ta’
ħafna ġenituri u edukaturi li
jħabirku bil-kbir
għat-trasmissjoni tal-valuri,
minkejja d-diffikultajiet
tal-kuntest kulturali. F’diversi
reġjuni, ir-rwol tal-anzjani u
l-qima lejn l-antenati huma
prinċipju fundamentali
tal-edukazzjoni u għandhom sehem
qawwi fil-formazzjoni
tal-identità personali. Anki
l-familja estiża – li f’xi
kulturi hi l-familja fil-veru
sens tal-kelma – għandha rwol
importanti. Imma xi żgħażagħ
iħossu li t-tradizzjonijiet
tal-familja qed joħonquhom u
jaħarbu minnhom miġbuda minn
kultura globalizzata li xi drabi
tħallihom bla ebda punt ta’
riferiment. Min-naħa l-oħra, fi
rkejjen oħra tad-dinja, bejn
iż-żgħażagħ u l-adulti ma hemmx
kunflitt tal-ġenerazzjonijiet,
imma nuqqas reċiproku ta’
familjarità. Xi drabi l-adulti
ma jfittxux jew ma jirnexxilhomx
jgħaddu l-valuri fundamentali
tal-ħajja, inkella jassumu stili
taż-żgħażagħ, u jaqilbu rasha ’l
isfel ir-relazzjoni bejn
il-ġenerazzjonijiet. F’din
id-dinja r-relazzjoni bejn
żgħażagħ u adulti tirriskja li
tibqa’ fuq il-livell affettiv,
mingħajr ma tmiss id-dimensjoni
edukattiva u kulturali.
Żgħażagħ u għeruq kulturali
35. Iż-żgħażagħ
iħarsu lejn il-futur u
jaffrontaw il-ħajja b’enerġija u
dinamiżmu. Imma huma wkoll
ittentati jikkonċentraw fuq kif
jgħixu l-preżent u xi drabi ftit
jagħtu attenzjoni għall-memorja
tal-passat li minnu ġejjin,
b’mod partikulari tal-ħafna doni
mgħoddija lilhom mill-ġenituri,
min-nanniet, mill-bagalja
kulturali tas-soċjetà li fiha
jgħixu. Meta ngħinu liż-żgħażagħ
jiskopru l-għana ħaj
tal-imgħoddi, jagħmlu memorja
tiegħu u jinqdew bih tajjeb
għall-għażliet u
l-possibbiltajiet tagħhom, dan
ikun veru għemil ta’ mħabba
lejhom fid-dawl tal-iżvilupp
tagħhom u tal-għażliet li huma
msejħa jagħmlu.
Ħbiberija u relazzjonijiet ma’
dawk tamparhom
36. Flimkien
mar-relazzjonijiet bejn
il-ġenerazzjonijiet ma rridux
ninsew dawk bejn iż-żgħażagħ
tal-istess età, li huma
esperjenza fundamentali ta’
interazzjoni u ta’
emanċipazzjoni progressiva
mill-kuntest tal-familja li
minnu ġejjin. Il-ħbiberija u
l-konfront, spiss ukoll fi
gruppi ftit jew wisq stutturati,
joffrulhom l-opportunità li
jsaħħu l-kompetenzi soċjali u
relazzjonali f’kuntest li fih ma
jiġux mgħarbla jew iġġudikati.
L-esperjenza tal-grupp hi wkoll
riżorsa kbira għall-qsim
tal-ħajja tal-fidi u
għall-għajnuna reċiproka
fix-xhieda. Iż-żgħażagħ kapaċi
jiggwidaw żgħażagħ oħrajn u
jgħixu appostolat veru qalb
sħabhom.
Ġisem u
affettività
Il-bidliet li jgħaddu minnhom
37. Iż-żgħażagħ
jafu li l-ġisem u s-sesswalità
huma ta’ importanza essenzjali
għal ħajjithom u għall-mixja li
fiha jikbru fl-identità tagħhom,
għax mingħajrhom ma jistgħux
jgħaddu biex jgħixu l-ħbiberija
u l-affettività. Madankollu,
fid-dinja tal-lum, f’dan
ir-rigward qed naraw fenomeni
jevolvu l-ħin kollu. Qabelxejn,
l-iżviluppi tax-xjenza u
tat-teknoloġiji bijomediċi
għandhom effett qawwi fuq kif
inħarsu lejn il-ġisem, u
jagħtuna l-idea li m’hemmx
limitu għal kemm tista’
timmodifika fih. Il-ħila li
nintervienu fuq id-DNA,
il-possibbiltà li ninserixxu
elementi artifiċjali
fl-organiżmu (cyborg) u
l-iżvilupp tax-xjenzi
newroloġiċi huma riżorsa kbira,
imma fl-istess waqt iqanqlu
mistoqsijiet antropoloġiċi u
etiċi. Jekk din il-viżjoni
teknika tal-ġisem nilqgħuha
mingħajr kritika, tista’
ddgħajjef il-kuxjenza tal-ħajja
bħala don u s-sens tal-limitu
ta’ kull ħlejqa, u tista’
tiżvijana jew tiġi
strumentalizzata mid-dinamiżmi
ekonomiċi u politiċi (ara
Franġisku, Laudato si’,
n. 106).
Barra minn hekk, f’xi kuntesti
taż-żgħażagħ hu mifrux
il-faxxinu għal imġibiet
riskjużi bħala strument biex
jesploraw lilhom infushom,
ifittxu emozzjonijiet qawwija
jew jiksbu r-rikonoxximent ta’
ħaddieħor. Barra li baqa’
fenomeni antiki, bħas-sesswalità
prematura, il-promiskwità,
it-turiżmu sesswali, il-kult
esaġerat tal-aspett fiżiku,
illum qed naraw jixterdu b’rata
qawwija l-pornografija diġitali
u l-esebizzjoni tal-ġisem
onlajn. Dawn il-fenomeni, li
għalihom huma esposti
l-ġenerazzjonijiet il-ġodda,
huma xkiel għal maturazzjoni
serena. Huma jindikaw dinamiċi
soċjali ġodda, li jinfluwenzaw
l-esperjenzi u l-għażliet
personali, u jagħmluhom
territorju ta’ xorta ta’
kolonizzazzjoni ideoloġika.
L-ilqugħ tat-tagħlim morali
tal-Knisja
38. Dan
hu l-kuntest li fih il-familji
Nsara u l-komunitajiet
ekkleżjali jfittxu li jgħinu
liż-żgħażagħ jiskopru
s-sesswalità bħala don kbir li
fih jgħammar il-Misteru, biex
jgħixu r-relazzjonijiet skont
il-loġika tal-Vanġelu. Imma mhux
dejjem jirnexxielhom jittraduċu
din ix-xewqa f’edukazzjoni
affettiva u sesswali xierqa, li
ma tillimitax ruħha għal
interventi sporadiċi u
okkażjonali. Fejn din
l-edukazzjoni ntgħażlet tassew
bħala proposta, wieħed jinnota
riżultati pożittivi li jgħinu
liż-żgħażagħ jifhmu r-relazzjoni
li hemm bejn l-għażla tal-fidi
tagħhom f’Ġesù Kristu u l-mod
kif huma jgħixu l-affettività u
r-relazzjonijiet bejniethom.
Dawn ir-riżultati jħeġġu u
jinkuraġġixxu għal investiment
ikbar ta’ enerġiji ekkleżjali
f’dan il-qasam.
Il-mistoqsijiet taż-żgħażagħ
39. Il-Knisja
għandha tradizzjoni għanja li
fuqha tista’ tibni u tipproponi
t-tagħlim tagħha dwar dan
is-suġġett: ngħidu aħna,
il-Katekiżmu tal-Knisja
Kattolika, it-teoloġija
tal-ġisem żviluppata minn San
Ġwanni Pawlu II, l-Enċiklika
Deus caritas est ta’
Benedittu XVI, l-Eżortazzjoni
appostolika Amoris lætitia
ta’ Franġisku. Imma ż-żgħażagħ,
anki dawk li dan it-tagħlim
jafuh u jgħixuh, jesprimu
x-xewqa li jirċievu mingħand
il-Knisja kelma ċara, umana u
ta’ empatija. Fil-fatt, spiss
il-morali sesswali hi kawża ta’
nuqqas ta’ ftehim u ta’ tbegħid
mill-Knisja, għax jarawha bħala
spazju ta’ ġudizzju u ta’
kundanna. Quddiem il-bidliet
soċjali u l-mod kif tingħax
l-affettività u l-għadd bla qies
ta’ perspettivi etiċi,
iż-żgħażagħ juruna li huma
sensibbli għall-valur
tal-awtentiċità u tal-għotja,
imma spiss huma diżorjentati.
Huma jesprimu iżjed
partikularment xewqa espliċita
ta’ konfront fuq
il-kwistjonijiet dwar
id-differenza bejn identità
maskili u femminili,
ir-reċiproċità bejn irġiel u
nisa, l-omosesswalità.
Xejriet ta’
vulnerabbiltà
Id-dinja tax-xogħol
40. Id-dinja
tax-xogħol tibqa’ qasam li fih
iż-żgħażagħ jesprimu
l-kreattività tagħhom u l-ħila
li joħolqu l-ġdid. Fl-istess
waqt huma jduqu għamliet ta’
esklużjoni u emarġinazzjoni.
L-ewwel u l-iżjed gravi hu
l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li
f’xi pajjiżi jilħaq livelli
għoljin ħafna. Barra li
jfaqqarhom, in-nuqqas ta’ xogħol
iqaċċat minn ġoż-żgħażagħ
il-ħila li joħolmu u li jittamaw
u jċaħħadhom mill-possibbiltà li
jagħtu kontribut b’risq
l-iżvilupp tas-soċjetà. F’ħafna
pajjiżi din is-sitwazzjoni
tiddipendi mill-fatt li xi faxxi
tal-popolazzjoni żagħżugħa huma
sajmin mill-ħiliet professjonali
xierqa, anki minħabba fin-nuqqas
tas-sistema edukattiva u
formattiva. Spiss il-prekarjetà
fl-impjiegi li qed tgħakkes
liż-żgħażagħ twieġeb
għall-interessi ekonomiċi li
jisfruttaw ix-xogħol.
Vjolenza u persekuzzjonijiet
41. Ħafna
żgħażagħ jgħixu f’kuntesti ta’
gwerra u jġarrbu l-vjolenza
f’xejriet bla qies: ħtif,
estorsjoni, kriminalità
organizzata, traffikar
tal-bnedmin, jasar u abbuż
sesswali, stupri tal-gwerra, u
oħrajn. Żgħażagħ oħra, minħabba
fil-fidi tagħhom, isibuha bi
tqila biex isibu post
fis-soċjetajiet tagħhom u
jġarrbu bosta xejriet ta’
persekuzzjoni, sal-mewt. Bla
qies hu l-għadd ta’ żgħażagħ li,
għax imġiegħla jew minħabba
f’nuqqas ta’ alternattivi,
jgħaddu ħajjithom jikkommettu
atti kriminali u vjolenzi: tfal
suldati, gruppi armati u
kriminali, traffikar tad-droga,
terroriżmu, u l-bqija. Din
il-vjolenza tkisser ħafna
ħajjiet żgħażagħ. Abbużi u
dipendenzi, bħall-vjolenza u
l-kriminalità, huma fost
ir-raġunijiet li jwasslu
liż-żgħażagħ għall-ħabs, bi
frekwenza partikulari fost xi
gruppi etniċi u soċjali. Dawn
is-sitwazzjonijiet kollha
jisfidaw lill-Knisja.
Emarġinazzjoni u faqar soċjali
42. Iktar
bla għadd fid-dinja huma
ż-żgħażagħ li qed iġarrbu xi
għamla ta’ emarġinazzjoni u
esklużjoni soċjali, għal
raġunijiet reliġjużi, etniċi jew
ekonomiċi. Niftakru fil-qagħda
diffiċli ta’ adolexxenti u
żgħażagħ li joħorġu tqal u
l-pjaga tal-abort, kif ukoll
it-tixrid tal-HIV, il-bosta
xejriet ta’ dipendenza (droga,
azzard, pornografija, u oħrajn)
u l-qagħda ta’ tfal u
adolexxenti mitluqin fit-triq,
li m’għandhomx dar, familja u
riżorsi ekonomiċi; jixirqilhom
attenzjoni partikulari
ż-żgħażagħ fil-ħabs. Bosta
interventi saħqu fuq il-ħtieġa
li l-Knisja tagħti valur
lill-ħila taż-żgħażagħ esklużi u
l-kontribut li huma jistgħu
jagħtu lill-komunitajiet.
B’kuraġġ sħiħ hi trid tkun fuq
in-naħa tagħhom, timxi magħhom
biex jerġgħu jiksbu d-dinjità
tagħhom u rwol fil-bini tal-ġid
komuni.
L-esperjenza tat-tbatija
43. Bil-kontra
ta’ ċertu sterjotip mifrux sew,
anki d-dinja taż-żgħażagħ hi
mmarkata fil-fond
mill-esperjenza
tal-vulnerabbiltà,
tad-diżabbiltà, tal-mard u
tat-tbatija. Mhux ftit huma
l-pajjiżi fejn, fuq kollox fost
iż-żgħażagħ, qed jinfirxu iktar
bosta xejriet ta’ mard
psikoloġiku, dipressjoni, mard
mentali u diżordni alimentari,
marbuta ma’ esperjenzi ta’
skuntentizza qawwija jew
in-nuqqas ta’ ħila li jsibu
posthom fis-soċjetà; fl-aħħar
nett ma rridux ninsew
il-fenomenu traġiku
tas-suwiċidji. Iż-żgħażagħ li
jgħixu dawn id-diversi
kundizzjonijiet ta’ faqar u
l-familji tagħhom jixtiequ
jserrħu fuq l-għajnuna
tal-komunitajiet Insara, li,
imma, mhux dejjem huma
attrezzati tajjeb biex
jilqgħuhom.
Ir-riżorsa tal-vulnerabbiltà
44. Ħafna
minn dawn is-sitwazzjonijiet
huma l-prodott tal-“kultura
tal-iskart”: iż-żgħażagħ huma
fost l-ewwel vittmi tagħha.
Madankollu din il-kultura
jistgħu jittieħdu minnha anki
ż-żgħażagħ, il-komunitajiet
Insara u dawk responsabbli
tagħhom, u hekk twassal għal
iktar faqar uman, soċjali u
ambjentali li jgħakkes id-dinja
tagħna. Għall-Knisja din hi
sejħa għall-konverżjoni,
għas-solidarjetà u għal azzjoni
edukattiva mġedda li tagħmel
lilha nfisha preżenti b’mod
partikulari f’dawn il-kuntesti
ta’ diffikultà. Anki ż-żgħażagħ
li jgħixu f’dawn
is-sitwazzjonijiet għandhom
riżorsi prezzjużi x’jaqsmu
mal-komunità u jgħallmuna
nitkejlu mal-limitu, biex hekk
ngħinu lil xulxin nikbru
fl-umanità. Bla qies hi
l-kreattività li biha l-komunità
li tħalli jmexxiha l-ferħ
tal-Vanġelu kapaċi ssir
alternattiva għall-faqar u
għas-sitwazzjonijiet ibsin.
B’dan il-mod is-soċjetà tista’
tesperimenta kif il-ġebel li
warrbu l-bennejja jista’ jsir
ġebla tax-xewka (ara Salm 118:22; Lq 20:17; Atti 4:11;
1 Piet 2:4).
KAPITLU IV
INKUNU ŻGĦAŻAGĦ ILLUM
Aspetti tal-kultura taż-żgħażagħ
illum
Oriġinalità u speċifiċità
45. Il-ġenerazzjonijiet
żgħażagħ għandhom viżjoni
tar-realtà b’aspetti speċifiċi.
Iż-żgħażagħ iridu min jilqagħhom
u jirrispettahom fl-oriġinalità
tagħhom. Fost l-aspetti
partikulari l-iżjed ċari
tal-kultura taż-żgħażagħ
issemmew il-preferenza mogħtija
lill-immaġni fuq lingwaġġi
komunikattivi oħra, l-importanza
ta’ sensazzjonijiet u
emozzjonijiet bħala triq
għar-realtà, u l-prijorità
tal-konkretezza u
tal-funzjonalità fuq l-analiżi
teorika. Għandhom importanza
kbira r-relazzjonijiet ta’
ħbiberija u l-appartenenza għal
gruppi tal-istess età,
ikkultivati wkoll grazzi
għall-midja soċjali. Iż-żgħażagħ
ġeneralment huma spontanjament
miftuħa għad-diversità, li
tagħmilhom attenti għat-temi
tal-paċi, tal-inklużjoni u
tad-djalogu bejn kulturi u
reliġjonijiet. Għadd kbir ta’
esperjenzi minn bosta partijiet
tad-dinja huma xhieda li
ż-żgħażagħ jafu jkunu pjunieri
tal-laqgħa u tad-djalogu bejn
il-kulturi u bejn
ir-reliġjonijiet,
fil-perspettiva tal-konvivenza
paċifika.
Impenn u parteċipazzjoni soċjali
46. Anki
jekk f’għamla differenti
mill-ġenerazzjonijiet
l-imgħoddija, l-impenn soċjali
hu aspett speċifiku taż-żgħażagħ
tal-lum. Biswit ftit
indifferenti, hemm ħafna oħrajn
li huma disponibbli biex
jimpenjaw ruħhom f’inizjattivi
ta’ volontarjat, ċittadinanza
attiva u solidarjetà soċjali, li
għandna nakkumpanjawhom u
ninkuraġġuhom biex noħorġu
t-talenti, il-kompetenzi u
l-kreattività taż-żgħażagħ u
ninċentivawhom jieħdu fuqhom
ċerti responsabbiltajiet.
L-impenn soċjali u l-kuntatt
dirett mal-foqra jibqgħu
okkażjoni fundamentali biex
jistgħu jiskopru jew jinżlu
iktar fil-fond tal-fidi u
jagħmlu dixxerniment
tal-vokazzjoni tagħhom. Qawwija
u mifruxa sew hi s-sensibbiltà
għat-temi ekoloġiċi u
għas-sostenibbiltà, li
l-Enċiklika Laudato si’
għarfet tħeġġeġ. Ġiet osservata
wkoll id-disponibbiltà
għall-impenn fil-qasam politiku
għall-bini tal-ġid komuni, li
l-Knisja mhux dejjem għarfet
issieħeb billi toffri
opportunitajiet ta’ formazzjoni
u spazji għad-dixxerniment.
Fil-promozzjoni tal-ġustizzja
ż-żgħażagħ jitolbu mill-Knisja
impenn deċiż u koerenti, li
jwarrab kull omertà b’mentalità
mondana.
Arti, mużika u sport
47. Is-Sinodu
jagħraf u japprezza l-importanza
li ż-żgħażagħ jagħtu
lill-espressjoni artistika
fix-xejriet kollha tagħha: ħafna
huma ż-żgħażagħ li f’dan
il-qasam iħaddmu t-talenti li
rċivew, jippromovu l-ġmiel,
il-verità u t-tjieba, u hekk
jikbru fl-umanità u
fir-relazzjoni ma’ Alla. Għal
ħafna l-esperessjoni artistika
hi wkoll vokazzjoni
professjonali awtentika. Ma
nistgħux ninsew li għal sekli
sħaħ it-“triq tal-ġmiel” kienet
wieħed mill-modi pprivileġġjati
ta’ espressjoni tal-fidi u ta’
evanġelizzazzjoni.
Partikulari ħafna hi
l-importanza tal-mużika, li
tirrappreżenta ambjent veru u
proprju li fih iż-żgħażagħ huma
kontinwament mgħaddsa, kif ukoll
kultura u lingwaġġ li kapaċi
jqanqlu emozzjonijiet u jgħaġnu
l-identità. Il-lingwaġġ mużikali
jirrappreżenta wkoll riżorsa
pastorali, li toffri sfida b’mod
partikulari għal-liturġija u
t-tiġdid tagħha. L-approvazzjoni
tal-gosti kummerċjali tal-lum xi
drabi tirriskja li
tikkomprometti r-rabta mal-forom
tradizzjonali ta’ espressjoni
mużikali u anki liturġika.
Daqstant ieħor sinifikattiva hi
l-importanza li għandha fost
iż-żgħażagħ il-prattika
sportiva, li l-Knisja
m’għandhiex tissottovaluta
l-potenzjalità edukattiva u
formattiva tagħha, anzi, għandha
żżomm preżenza qawwija fi
ħdanha. Id-dinja tal-isport
għandha bżonn tiġi megħjuna
tegħleb l-ambigwitajiet tagħha,
bħall-mitizzazzjoni
tal-kampjuni, is-sottomissjoni
għal-loġika kummerċjali u
l-ideoloġija tas-suċċess ikun xi
jkun il-prezz mitlub. F’dan
is-sens intennu l-valur
tal-akkumpanjament u
tal-għajnuna lill-persuni
b’diżabbiltà fil-prattika
sportiva.
Spiritwalità
u
reliġjożità
Il-kuntesti reliġjużi differenti
48. L-esperjenza
reliġjuża taż-żgħażagħ hi
influwenzata ħafna mill-kuntest
soċjali u kulturali li fih
jgħixu. F’xi pajjiżi l-fidi
Nisranija hi esperjenza
komunitarja b’saħħitha u ħajja,
li ż-żgħażagħ jaqsmu ma’ xulxin
bil-ferħ. F’reġjuni oħra ta’
tradizzjoni Nisranija antika
l-parti l-kbira tal-popolazzjoni
Kattolika ma tgħixx appartenenza
vera għall-Knisja; imma ma
jonqsux minoranzi kreattivi u
esperjenzi li jikxfu interess
ġdid reliġjuż, bħala reazzjoni
għal viżjoni riduzzjonista u li
tifga. F’postijiet oħra mbagħad
il-Kattoliċi, flimkien ma’
denominazzjonijiet Insara oħra,
huma minoranza, li qed tħabbat
wiċċha ma’ diskriminazzjoni u
anki persekuzzjoni. Fl-aħħar
nett hemm kuntesti fejn qed
jikbru s-setet jew xejriet oħra
ta’ reliġjożità alternattiva;
dawk li jimxu warajhom mhux
darba u tnejn jibqgħu delużi u
jibdew jeħduha kontra dak kollu
li hu reliġjuż. Jekk f’xi
reġjuni ż-żgħażagħ m’għandhomx
il-possibbiltà li jesprimu
fil-beraħ il-fidi tagħhom jew
qed jaraw li l-libertà reliġjuża
tagħhom mhix magħrufa, band’oħra
jinħass il-piż ta’ għażliet
tal-imgħoddi – anki politiċi –,
li heddu l-kredibbiltà
ekkleżjali. Ma nistgħux
nitkellmu fuq ir-reliġjożità
taż-żgħażagħ mingħajr ma nżommu
quddiem għajnejna dawn
id-differenzi kollha.
It-tiftixa reliġjuża
49. Ġeneralment
iż-żgħażagħ jistqarru li qed
ifittxu sens għal ħajjithom u
juru interess fl-ispiritwalità.
Imma din l-attenzjoni xi drabi
iktar tkun tiftixa
għall-benessri psikoloġiku milli
ftuħ għal-laqgħa mal-Misteru ta’
Alla l-ħaj. B’mod partikulari
f’xi kulturi, ħafna jżommu li
r-reliġjon hi kwistjoni privata
u jagħżlu minn diversi
tradizzjonijiet spiritwali
l-elementi li fihom isibu
l-konvinzjonijiet personali
tagħhom. Hekk jixtered ċertu
sinkretiżmu, li jiżviluppa fuq
il-presuppost relattivistiku li
r-reliġjonijiet kollha huma
ndaqs. Li tkun parti minn
komunità ta’ fidi mhux kulħadd
jaraha bħala t-triq ta’ aċċess
ipprivileġġjat għas-sens
tal-ħajja, u magħha jkun hemm u
xi drabi jeħdulha postha
ideoloġiji jew it-tiftixa
tas-suċċess fuq il-livell
professjonali u ekonomiku,
fil-loġika ta’
awtorealizzazzjoni materjali.
Imma jibqgħu sħaħ xi prattiċi
mgħoddija mit-tradizzjoni,
bħall-pellegrinaġġi
għas-santwarji, li xi drabi
jinvolvu mases ta’ żgħażagħ
f’għadd kbir ħafna, u
espressjonijiet tal-pjetà
popolari, spiss marbuta
mad-devozzjoni lejn Marija u
l-qaddisin, li jħarsu
l-esperjenza tal-fidi ta’ poplu.
Il-laqgħa ma’ Ġesù
50. L-istess
firxa narawha fir-relazzjoni
taż-żgħażagħ mal-figura ta’
Ġesù. Ħafna jaraw fih il-Feddej
u l-Iben ta’ Alla u spiss
iħossuhom qrib tiegħu permezz
ta’ Marija, ommu, u jħabirku
f’mixja ta’ fidi. Oħrajn ma
għandhom l-ebda relazzjoni
personali miegħu, imma jqisuh
bħala bniedem tajjeb u punt ta’
riferiment etiku. Oħrajn
jiltaqgħu miegħu permezz ta’
esperjenza qawwija tal-Ispirtu.
Imma għal oħrajn hu figura
tal-passat li m’għandha l-ebda
rilevanza għall-ħajja jew hi
mbiegħda ħafna mill-esperjenza
umana.
Jekk għal ħafna żgħażagħ Alla,
ir-reliġjon u l-Knisja jidhru
bħal kliem vojt, huma sensibbli
għall-figura ta’ Ġesù, meta tiġi
ppreżentata lilhom b’mod
attraenti u effikaċi. B’ħafna
modi anki ż-żgħażagħ tal-lum qed
jgħidulna: “Nixtiequ naraw lil
Ġesù” (Ġw 12:21), u hekk juruna
dak it-tħassib tajjeb li
jikkaratterizza l-qalb ta’ kull
bniedem: “L-inkwetudni
tat-tfittix spiritwali,
l-inkwetudni tal-laqgħa ma’
Alla, l-inkwetudni tal-imħabba”
(Franġisku,
Quddiesa għall-ftuħ
tal-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni
ta’ Santu Wistin, 28 ta’
Awwissu 2013).
Ix-xewqa għal liturġija ħajja
51. F’diversi
kuntesti ż-żgħażagħ Kattoliċi
jixtiequ proposti ta’ talb u
mumenti sagramentali li kapaċi
jmissu mal-ħajja tagħhom ta’
kuljum, f’liturġija friska,
awtentika u ferrieħa. F’ħafna
partijiet tad-dinja l-esperjenza
liturġika hi r-riżorsa ewlenija
għall-identità Nisranija u fiha
hemm parteċipazzjoni wiesgħa u
konvinta. Iż-żgħażagħ jaraw fiha
mument ipprivileġġjat ta’
esperjenza ta’ Alla u
tal-komunità ekkleżjali, u punt
tat-tluq għall-missjoni. Imma
bnadi oħra, qed naraw ċertu
tbegħid mis-sagramenti u
mill-Ewkaristija tal-Ħadd, li
iktar jarawha bħala preċett
morali milli bħala laqgħa hienja
ma’ Kristu Rxoxt u mal-komunità.
B’mod ġenerali qed naraw li mqar
hemm fejn tiġi offruta
l-katekeżi fuq is-sagramenti, hu
dgħajjef l-akkumpanjament
edukattiv biex jistgħu jgħixu
ċ-ċelebrazzjoni b’mod profond u
jidħlu fl-għana tal-misteru
espress fis-simboli u fir-riti
tagħha.
Parteċipazzjoni u protagoniżmu
Iż-żgħażagħ iridu jkunu
protagonisti
52. Quddiem
il-kontradizzjonijiet
tas-soċjetà, ħafna żgħażagħ
jixtiequ jagħmlu l-frott
mit-talenti, il-kompetenzi u
l-kreattività tagħhom u huma
lesti li jieħdu fuqhom
responsabbiltajiet. Fost it-temi
li huma l-aktar għal qalbhom
hemm is-sostenibbiltà soċjali u
ambjentali, id-diskriminazzjoni
u r-razziżmu. L-involviment
taż-żgħażagħ spiss hu espress
f’viżjonijiet ġodda għalkollox,
u jisfruttaw ukoll
il-potenzjalitajiet
tal-komunikazzjoni diġitali
f’termini ta’ mobilizzazzjoni u
pressjoni politika: it-tixrid
ta’ stili ta’ ħajja u mudelli
ta’ konsum u investiment li
jkunu kritiċi, solidali u
attenti għall-ambjent; xejriet
ġodda ta’ impenn u ta’
parteċipazzjoni fis-soċjetà u
fil-politika; modi ġodda ta’
għajnuna soċjali u garanzija
tas-suġġetti l-iżjed dgħajfa.
Ir-raġunijiet għalfejn iżommu
bogħod
53. Is-Sinodu
jaf li għadd konsistenti ta’
żgħażagħ, għal bosta raġunijiet,
mhuma jitolbu xejn mill-Knisja
għax ma jarawhiex għandha sens
għal ħajjithom. Anzi, xi wħud
jitolbu espressament li
tħallihom bi kwiethom, għax
il-preżenza tagħha ddejjaqhom u
saħansitra tirritahom. Din
it-talba tagħhom spiss mhix
ġejja minn xi stmerrija bla sens
kritiku jew impulsiva, imma
għandha l-għeruq tagħha wkoll
f’raġunijiet serji u li
jixirqilhom kull rispett:
l-iskandi sesswali u ekonomiċi;
in-nuqqas ta’ preparazzjoni
min-naħa tal-ministri ordnati li
ma jafux jaqraw kif imiss
is-sensibbiltà taż-żgħażagħ;
il-ftit attenzjoni fit-tħejjija
tal-omelija u fil-preżentazzjoni
tal-Kelma ta’ Alla; ir-rwol
passiv li jingħata liż-żgħażagħ
fi ħdan il-komunità Nisranija;
il-mod kif il-Knisja tidher qed
issibha bi tqila li tagħti
raġuni għall-pożizzjonijiet
duttrinali u etiċi tagħha
quddiem is-soċjetà ta’ żmienna.
Iż-żgħażagħ fil-Knisja
54. Iż-żgħażagħ
Kattoliċi mhumiex biss
destinatarji tal-azzjoni
pastorali, imma membri ħajjin
tal-ġisem wieħed tal-Knisja,
imgħammdin li fihom jgħix u
jaħdem l-Ispirtu tal-Mulej. Huma
jikkontribwixxu biex jagħnu
lill-Knisja f’dak li hi, u mhux
biss f’dak li tagħmel. Huma
l-preżent tagħha u mhux biss
il-futur tagħha. Iż-żgħażagħ
huma protagonisti f’ħafna
attivitajiet ekkleżjali, fejn
b’ġenerożità joffru s-servizz
tagħhom, b’mod partikulari
bl-animazzjoni tal-katekeżi u
tal-liturġija, l-għożża
taċ-ċkejknin, il-volontarjat
mal-foqra. Anki movimenti,
għaqdiet u kongregazzjonijiet
reliġjużi joffru liż-żgħażagħ
opportunitajiet ta’ impenn u
korresponsabbiltà. Xi drabi
d-disponibbiltà taż-żgħażagħ
ikollha tħabbat wiċċha ma’ ċertu
awtoritarjaniżmu u sfiduċja
tal-adulti u r-Ragħajja, li ma
jagħrfux biżżejjed
il-kreattività tagħhom u jsibuha
bi tqila jaqsmu magħhom
ir-responsabbiltajiet.
In-nisa fil-Knisja
55. Toħroġ
anki fost iż-żgħażagħ it-talba
biex ikun hemm għarfien u
valorizzazzjoni ikbar tan-nisa
fis-soċjetà u fil-Knisja. Ħafna
nisa jiżvolġu rwol
fil-komunitajiet Insara li ħadd
ma jista’ jeħodlu postu, imma
f’ħafna postijiet isibuha bi
tqila biex jagħtuhom spazju
fil-proċessi deċiżjonali, anki
meta dawn ma jkunux jitolbu
l-ebda responsabbiltà
ministerjali speċifika.
In-nuqqas tal-vuċi u tal-ħarsa
femminili jfaqqar id-dibattitu u
l-mixja tal-Knisja, u jċaħħad
lid-dixxerniment minn kontribut
prezzjuż. Is-Sinodu
jirrakkomanda li nagħmlu lil
kulħadd iżjed konxju
mill-urġenza ta’ bidla
inevitabbli, anki billi nibdew
minn riflessjoni antroploġika u
teoloġika fuq ir-reċiproċità
bejn irġiel u nisa.
Il-missjoni taż-żgħażagħ ma’
dawk tamparhom
56. F’ħafna
kuntesti ssib gruppi ta’
żgħażagħ, spiss espressjoni ta’
għaqdiet u movimenti ekkleżjali,
li huma attivi ħafna
fl-evanġelizzazzjoni ta’ sħabhom
tamparhom grazzi għal xhieda
trasparenti tal-ħajja, għal
lingwaġġ aċċessibbli u
għall-ħila li għandhom li
joħolqu rabtiet awtentiċi ta’
ħbiberija. Dan l-appostolat
jgħin biex il-Vanġelu jitwassal
lil persuni li diffiċilment
kienu jintlaħqu mill-pastorali
ordinarja maż-żgħażagħ, u
jikkontribwixxi biex jimmatura
l-istess fidi ta’ dawk li
jimpenjaw ruħhom fih. Għalhekk
dan għandu jiġi apprezzat,
imwieżen, imsieħeb b’mod għaref
u integrat fil-ħajja
tal-komunitajiet.
Xewqa għal komunità ekkleżjali
iżjed awtentika u fraterna
57. Iż-żgħażagħ
qed jitolbu lill-Knisja biex
tiddi bl-awtentiċità,
l-eżemplarità, il-kompetenza,
il-korresponsabbiltà u
s-solidità kulturali. Xi drabi
din it-talba tagħhom tinstema’
qisha kritika, imma spiss
tassumi x-xejra pożittiva ta’
impenn personali b’risq komunità
fraterna, li tilqa’, hi hienja u
impenjata profetikament biex
titqabad kontra l-inġustizzja
soċjali. Fost it-tamiet
taż-żgħażagħ tispikka b’mod
partikulari x-xewqa li
fil-Knisja nadottaw stil ta’
djalogu inqas paternalistiku u
iżjed skjett.
58. “U
beda minn Mosè u l-Profeti
kollha jfissrilhom kulma kien
hemm fl-Iskrittura fuqu. Meta
qorbu lejn ir-raħal fejn kienu
sejrin hu għamel tabirruħu li hu
kien se jibqa’ sejjer aktar ’il
bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’
magħhom u qalulu: ‘Ibqa’ magħna,
għax issa sar ħafna ħin u l-jum
ġa wasal biex jintemm’. Imbagħad
daħal biex joqgħod magħhom. U
waqt li kien fuq il-mejda
magħhom, qabad il-ħobż, qal
il-barka, qasmu u tahulhom.
Imbagħad infetħulhom għajnejhom
u għarfuh, iżda hu għab minn
quddiemhom” (Lq
24:27-31).
Wara li jismagħhom, il-Mulej
idur fuq iż-żewġ vjaġġaturi u
jlissnilhom “kelma” inċiżiva u
deċiżiva, awtorevoli u
trasformanti. Hekk, bi ħlewwa u
b’qawwa, il-Mulej jidħol
fl-għamara tagħhom, jibqa’
magħhom u jaqsam il-ħobż
tal-ħajja: dan hu s-sinjal
Ewkaristiku li permezz tiegħu
ż-żewġ dixxipli saflaħħar
jinfetħulhom għajnejhom.
Pentekoste ġdid
L-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu
59. L-Ispirtu
s-Santu jkebbes il-qalb, jiftaħ
l-għajnejn u jqanqal il-fidi
taż-żewġ vjaġġaturi. Hu jaħdem
sa mill-bidu tal-ħolqien
tad-dinja biex il-pjan
tal-Missier li jiġbor kollox
taħt Kristu jilħaq il-milja
tiegħu. Jaħdem f’kull żmien u
f’kull post, fil-firxa wiesgħa
tal-kuntesti u l-kulturi, u mqar
qalb id-diffikultajiet u
t-tbatijiet iqanqal l-impenn
għall-ġustizzja, it-tiftixa
tal-verità, il-kuraġġ tat-tama.
Għalhekk San Pawl jafferma li
“l-ħolqien kollu għadu s’issa
jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas”
(Rum 8:22). Ix-xewqa għall-ħajja
fl-imħabba u dak it-tħassib
tajjeb li jgħammar fil-qalb
taż-żgħażagħ huma parti
mix-xenqa kbira tal-ħolqien
kollu għall-milja tal-ferħ.
F’kull wieħed u waħda minnhom,
anki f’dawk li ma jafux lil
Kristu, l-Ispirtu Ħallieq qed
jaħdem biex iwassalhom
għall-ġmiel, għat-tjieba u
għall-verità.
L-Ispirtu jżomm lill-Knisja
dejjem żagħżugħa
60. Iż-żgħożija
hi perjodu oriġinali u
stimulanti tal-ħajja, li Ġesù
stess għex, u qaddsu. Il-Messaġġ
liż-żgħażagħ tal-Konċilju
Vatikan II (7 ta’ Diċembru 1965)
ippreżenta lill-Knisja bħala
ż-“żgħożija vera tad-dinja”, li
għandha “l-ħila li tifraħ b’dak
li jibda, li tingħata bla tħares
lura, li tiġġedded u tibda
mill-ġdid il-mixja tagħha lejn
kisbiet ġodda”. Bil-freskezza u
l-fidi tagħhom iż-żgħażagħ
jgħinu biex jidher dan il-wiċċ
tal-Knisja, li fih jilma “l-Ħaj
il-kbir, il-Kristu dejjem
żagħżugħ”. Mela hawn mhux xi
Knisja ġdida għaż-żgħażagħ qed
infittxu, imma pjuttost li
niskopru mill-ġdid flimkien
magħhom iż-żgħożija tal-Knisja,
waqt li niftħu qalbna
għall-grazzja ta’ Pentekoste
ġdid.
L-Ispirtu fil-ħajja ta’ min
jemmen
61. Il-vokazzjoni
tan-Nisrani hi li jimxi wara
Kristu billi jgħaddi
mill-ilmijiet tal-Magħmudija,
jirċievi s-siġill
tal-Konfirmazzjoni u jsir
fl-Ewkaristija parti minn Ġismu:
“Jiġi l-Ispirtu s-Santu, in-nar
wara l-ilma, u intom issiru
ħobż, jiġifieri ġisem ta’
Kristu” (Wistin,
Diskors 227). Fil-mixja
tal-inizjazzjoni Nisranija hi
fuq kollox il-Konfirmazzjoni li,
lil min jemmen, tagħtih li jgħix
mill-ġdid l-esperjenza ta’ Għid
il-Ħamsin u allura ta’ tiswib
ġdid tal-Ispirtu biex jista’
jikber u joħroġ għall-missjoni.
Importanti niskopru mill-ġdid
l-għana ta’ dan is-sagrament,
nifhmu r-rabta tiegħu mas-sejħa
personali ta’ kull imgħammed u
mat-teoloġija tal-kariżmi,
nieħdu ħsieb aħjar tal-pastorali
tiegħu, hekk li ma nħalluhx isir
biss mument formali u li ftit li
xejn jibqagħlu tifsira. Kull
mixja vokazzjonali għandha
lill-Ispirtu s-Santu bħala
protagonista: hu l-“imgħallem
ġewwieni” li għandna nħallu
jmexxina.
Esperjenza awtentika ta’ Alla
62. L-ewwel
kundizzjoni għad-dixxerniment
vokazzjonali fl-Ispirtu hi
esperjenza awtentika ta’ fidi fi
Kristu li miet u rxoxta, aħna u
niftakru li din “mhijiex dawl li
jkeċċi d-dlamijiet kollha
tagħna, iżda musbieħ li billejl
imexxi l-passi tagħna, u dan hu
biżżejjed għall-mixi” (Franġisku, Lumen
fidei, n. 57).
Fil-komunitajiet Insara spiss
nirriskjaw li nipproponu, imqar
jekk mhux b’intenzjoni tagħna,
teiżmu etiku u terapewtiku, li
jwieġeb għall-bżonn ta’ ċertezza
u ta’ faraġ li għandu l-bniedem,
minflok għal dak ta’ laqgħa
ħajja ma’ Alla fid-dawl
tal-Vanġelu u bil-qawwa
tal-Ispirtu. Jekk hu minnu li
l-ħajja terġa’ titqanqal biss
permezz tal-ħajja, hu ċar li
ż-żgħażagħ għandhom bżonn
jiltaqgħu ma’ komunitajiet
Insara li għeruqhom huma tassew
imniżżla fil-ħbiberija ma’
Kristu, li jmexxina lejn
il-Missier fil-komunjoni
tal-Ispirtu s-Santu.
KAPITLU I
ID-DON TAŻ-ŻGĦOŻIJA
Ġesù qalb iż-żgħażagħ
Iż-żgħożija ta’ Ġesù
63. “Żagħżugħ
qalb iż-żgħażagħ biex isir
xempju għaż-żgħażagħ u
jikkonsagrahom għall-Mulej” (Irinew,
Kontra l-ereżiji, II,
22,4), Kristu qaddes iż-żgħożija
għall-fatt stess li għexha.
Ir-rakkont bibliku jippreżenta
episodju wieħed biss
taż-żgħożija ta’ Ġesù (ara Lq
2:41-52), li għexu bla storbju,
fis-sempliċità u fl-ambjent
tax-xogħol f’Nazaret, tant li
kien magħruf bħala
“l-mastrudaxxa” (Mk 6:3) u “bin
il-mastrudaxxa” (Mt 13:55).
Fil-kontemplazzjoni ta’ ħajtu
nistgħu nifhmu aħjar il-barka
taż-żgħożija: Ġesù kellu fiduċja
bla tarf fil-Missier, għożż
il-ħbiberija mad-dixxipli
tiegħu, u mqar fil-mumenti ta’
kriżi baqa’ fidil lejhom. Wera
kompassjoni qawwija għall-iżjed
dgħajfa, speċjalment il-foqra,
il-morda, il-midinba u
l-imwarrba. Kellu l-kuraġġ
jaffronta l-awtoritajiet
reliġjużi u politiċi ta’ żmienu;
għex l-esperjenza li ħassu mhux
mifhum u mwarrab; ġarrab
il-biża’ tat-tbatija u għaraf
id-dgħufija tal-Passjoni; xeħet
ħarstu lejn il-futur b’fiduċja
sħiħa fid-dirgħajn żguri
tal-Missier u fil-qawwa
tal-Ispirtu. F’Ġesù ż-żgħażagħ
kollha jistgħu jaraw lilhom
infushom, bil-biżgħat u t-tamiet
tagħhom, l-inċertezzi u l-ħolm
tagħhom, u jistgħu jafdaw fih.
Ikun għalihom għajn ta’
ispirazzjoni jekk jikkontemplaw
il-laqgħat li kellu Ġesù
maż-żgħażagħ.
B’ħarsitna lejn il-Mulej
64. Jekk
jisimgħu lil Kristu u jidħlu
f’komunjoni miegħu, anki
r-Ragħajja u l-edukaturi jkunu
jistgħu jagħrfu jaqraw aħjar dan
l-istaġun tal-ħajja. Is-Sinodu
fittex li jħares lejn
iż-żgħażagħ bl-istess
atteġġjament ta’ Ġesù, biex
jgħarbel fil-ħajja tagħhom
is-sinjali tal-azzjoni
tal-Ispirtu. Fil-fatt, nemmnu li
anki llum Alla jkellem
lill-Knisja u lid-dinja permezz
taż-żgħażagħ, il-kreattività u
l-impenn tagħhom, kif ukoll
permezz tat-tbatijiet u
t-talbiet tagħhom
għall-għajnuna. Magħhom nistgħu
naqraw b’mod iżjed profetiku
l-epoka tagħna u nagħrfu
s-sinjali taż-żminijiet;
għalhekk iż-żgħażagħ huma wieħed
mill-“imkejjen teoloġiċi” li
fihom il-Mulej jurina wħud
mit-tamiet u l-isfidi tiegħu
biex jibni l-jum ta’ għada.
Karatteristiċi tal-età żagħżugħa
65.
Iż-żgħożija, fażi tal-iżvilupp
tal-personalità, hi mmarkata
minn ħolmiet li jfittxu li
jitwettqu, minn relazzjonijiet
li jiksbu dejjem iżjed
konsistenza u bilanċ, minn
tentattivi u
sperimentazzjonijiet, minn
għażliet li jibnu ftit ftit
proġett ta’ ħajja. F’dan
l-istaġun ta’ ħajjithom
iż-żgħażagħ huma msejħa
jipproġettaw għall-futur
mingħajr ma jaqtgħu l-għeruq
tagħhom, biex jibnu
l-awtonomija, imma mhux
fis-solitudni. Il-kuntest
soċjali, ekonomiku, kulturali,
mhux dejjem joffri
l-kundizzjonijiet favorevoli.
Fil-ħajja ta’ ħafna żgħażagħ
qaddisin rajna jilmaw
il-karatteristiċi tal-età
żagħżugħa fil-ġmiel kollu
tagħhom u kienu fi żmienhom veri
profeti ta’ bidla; l-eżempju
tagħhom juri x’inhuma kapaċi
jagħmlu ż-żgħażagħ meta jiftħu
qalbhom għal-laqgħa ma’ Kristu.
Anki ż-żgħażagħ b’diżabbiltà jew
milquta mill-mard jistgħu joffru
kontribut prezzjuż. Is-Sinodu
jistieden lill-komunitajiet biex
jagħtu wisa’ lil inizjattivi li
jirrikonoxxuhom u
jippermettulhom ikunu
protagonisti, ngħidu aħna bl-użu
tal-lingwa tas-sinjali
għat-torox, mixjiet kateketiċi
b’għanijiet apposta, esperjenzi
f’għaqdiet jew ta’ inseriment
fil-ħajja tax-xogħol.
It-tħassib tajjeb taż-żgħażagħ
66. Iż-żgħażagħ
għandhom fihom tħassib li
qabelxejn għandu jiġi milqugħ,
irrispettat u msieħeb,
b’konvinzjoni dwar il-libertà u
r-responsabbiltà tagħhom.
Il-Knisja taf mill-esperjenza li
l-kontribut tagħhom hu
fundamentali għat-tiġdid tagħha.
Iż-żgħażagħ, minn xi aspetti,
jistgħu jkunu iktar ’il quddiem
mir-Ragħajja. Nhar l-Għid
filgħodu d-Dixxiplu l-Maħbub, li
kien żagħżugħ, wasal qabel
fil-qabar, u fil-ġirja tiegħu
għadda lil Pietru li kien
imtaqqal bl-età u bit-tradiment
(ara Ġw 20:1-10); fl-istess
waqt, fil-komunità Nisranija
d-dinamiżmu żagħżugħ hu enerġija
li ġġedded il-Knisja, għax
tgħinha tfarfar minn fuqha
piżijiet u tkarkir, u tinfetaħ
għall-Irxoxt. Fl-istess waqt,
l-atteġġjament tad-Dixxiplu
l-Maħbub juri li importanti
nibqgħu marbuta mal-esperjenza
tal-anzjani, nagħrfu r-rwol
tar-Ragħajja u ma nimxux
waħidna. Hekk ikollna dik
is-sinfonija ta’ ilħna li hi
frott tal-Ispirtu.
Iż-żgħażagħ miġruħa
67. Il-ħajja
taż-żgħażagħ, bħal ta’ kulħadd,
hi mmarkata wkoll mill-ġrieħi.
Huma l-ġrieħi tat-telfiet
fl-istorja personali, tax-xewqat
delużi, tad-diskriminazzjonijiet
u inġustizzji li wieħed ikun
ġarrab, tal-fatt li ma jkunx
ħassu maħbub u rikonoxxut. Huma
ġrieħi tal-ġisem u tar-ruħ.
Kristu, li aċċetta li jieħu
l-passjoni u l-mewt, permezz
tas-salib tiegħu jersaq qrib ta’
dawk iż-żgħażagħ kollha li qed
ibatu. Imbagħad hemm il-ġrieħi
morali, il-piż tal-iżbalji
personali, is-sens ta’ ħtija
għall-iżball. Li nirrikonċiljaw
ruħna mal-ġrieħi tagħna llum sar
iżjed minn qatt qabel
kundizzjoni meħtieġa għal ħajja
tajba. Il-Knisja hi msejħa
twieżen lil dawk iż-żgħażagħ
kollha fil-provi tagħhom u
tippromovi azzjonijiet pastorali
xierqa.
Insiru adulti
L-età tal-għażliet
68. Iż-żgħożija
hi staġun tal-ħajja li għandu
tmiemu, biex imbagħad jagħmel
wisa’ għall-età adulta. Dan
il-passaġġ ma jseħħx b’mod
purament anagrafiku, imma
jimplika mixja ta’ maturazzjoni,
li mhux dejjem hi ffaċilitata
mill-ambjent li fih jgħixu
ż-żgħażagħ. Fil-fatt, f’ħafna
reġjuni xterdet kultura
tal-proviżorju li tiffavorixxi
prolungament indefinit
tal-adolexxenza u l-postponiment
tad-deċiżjonijiet; hekk il-biża’
mid-defenittiv inissel xorta ta’
paraliżi deċiżjonali. Imma
ż-żgħożija ma tistax tibqa’
mdendla: din hi l-età
tal-għażliet u proprju f’dan
jikkonsisti l-faxxinu tagħha u
l-ikbar missjoni tagħha.
Iż-żgħażagħ jieħdu deċiżjonijiet
fil-qasam professjonali,
soċjali, politiku, u oħrajn
iżjed radikali li jagħtu lil
ħajjithom it-tifsila
determinanti tagħha. Hu dwar
dawn tal-aħħar li nitkellmu
preċiżament fuq “għażliet
tal-ħajja”: fil-fatt hi l-istess
ħajja, fis-singularità
irrepetibbli tagħha, li minnhom
tirċievi orjentament
defenittiv.
Il-ħajja taħt is-sinjal
tal-missjoni
69. Il-Papa
Franġisku jistieden liż-żgħażagħ
biex jaħsbu ħajjithom fix-xefaq
tal-missjoni:
“Tant drabi, fil-ħajja, naħlu
l-ħin nistaqsu lilna nfusna:
‘Imma jien min jien?’.
Int tista’ toqgħod tistaqsi
lilek innifsek min int u tgħaddi
ħajtek kollha tfittex min int.
Imma staqsi lilek innifsek: ‘Għal
min jien?’” (Diskors
fil-Velja ta’ talb bi tħejjija
għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ,
Bażilika ta’ Santa Maria
Maggiore,
8
ta’ April
2017).
Din l-istqarrija ddawwal b’mod
profond l-għażliet tal-ħajja,
għax tħeġġiġhom biex jeħduhom
fix-xefaq ħellies tal-għotja
tagħhom infushom. Din hi l-unika
triq biex jaslu għall-ferħ
awtentiku u li jibqa’!
Effettivament, “il-missjoni li
nkun fil-qalba tal-poplu mhix
parti minn ħajti, jew tiżjin li
nista’ ninża’, mhix appendiċi,
jew mument qalb ħafna f’ħajti.
Hi xi ħaġa li ma nistax inħassar
minn dak li jien jekk ma rridx
neqred lili nnifsi. Jiena
missjoni fuq din l-art, u
għalhekk ninsab f’din id-dinja”
(Franġisku, Evangelii
gaudium, n. 273).
Pedagoġija li kapaċi tisfida
70. Il-missjoni
hi boxxla żgura għall-mixja
tal-ħajja, imma mhix
“navigatur”, li jurik minn qabel
il-mixja kollha. Il-libertà
dejjem ħa ġġorr magħha
dimensjoni ta’ riskju li rridu
nivvalorizzawha b’kuraġġ u
nseħbuha bil-mod il-mod u
b’għerf. Ħafna paġni tal-Vanġelu
juruna lil Ġesù jistedinna
nissugraw, naqdfu fil-fond,
ngħaddu mil-loġika
tal-osservanza tal-preċetti għal
dik tad-don ġeneruż u bla
kundizzjonijiet, mingħajr ma
jaħbilna l-esiġenza li nerfgħu
s-salib tagħna (ara Mt 16:24).
Hu radikali:
“jagħti kollox u
kollox jitlob: jagħti mħabba
sħiħa u jitlob qalb sħiħa” (Franġisku,
Omelija tal-14 ta’ Ottubru
2018).
Aħna msejħin nevitaw li nidħku
biż-żgħażagħ billi noffrulhom
proposti żgħar jew nifgawhom
b’ġabra ta’ regoli li jagħtu
dehra riduttiva u moralistika
tal-Kristjaneżmu, aħna msejħin
ninvestu fuq il-kuraġġ tagħhom u
nedukawhom biex jerfgħu
r-responsabbiltajiet tagħhom,
ċerti li anki l-iżball,
il-falliment u l-kriżi huma
esperjenzi li jistgħu jsaħħu
l-umanità tagħhom.
Il-veru sens tal-awtorità
71.
Biex jagħmlu mixja vera ta’
maturazzjoni ż-żgħażagħ għandhom
bżonn ta’ adulti awtorevoli.
Fit-tifsira etimoloġika tagħha
l-auctoritas tindika
l-ħila li wieħed jgħin lil min
jikber; ma tesprimix l-idea ta’
poter li jagħti direttiva, imma
ta’ qawwa vera li kapaċi
tnissel. Meta Ġesù kien jiltaqa’
maż-żgħażagħ, f’kull stat u
kundizzjoni li fihom kienu,
imqar meta kienu mejtin, b’xi
mod jew ieħor kien jgħidilhom:
“Qum! Ikber!”. U l-kelma tiegħu
kienet twettaq dak li kien jgħid
(ara Mk 5:41; Lq 7:14).
Fl-episodju tal-fejqan
tal-imxajtan (ara Mk 9:14-29),
li jevoka tant xorta ta’
aljenazzjoni taż-żgħażagħ
tal-lum, jidher ċar li l-qabda
ta’ id Ġesù mhix biex tieħu
l-libertà imma biex tagħtiha,
biex teħlisha. Ġesù jħaddem
b’mod sħiħ l-awtorità tiegħu: ma
jrid xejn iżjed miż-żagħżugħ
ħlief li dan jikber, mingħajr
ebda possessività,
manipulazzjoni jew tħajjir.
Ir-rabta mal-familja
72. Il-familja
hi l-ewwel komunità ta’ fidi li
fiha, imqar qalb il-limiti u
n-nuqqasijiet, iż-żagħżugħ iduq
l-imħabba ta’ Alla u jibda
jiddixxerni l-vokazzjoni tiegħu.
Is-Sinodi ta’ qabel, u mbagħad
l-Eżortazzjoni appostolika
Amoris lætitia, ma jiqfux
jisħqu li l-familja, bħala
Knisja tad-dar, għandha
l-missjoni li tgħix il-ferħ
tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ kuljum
u tagħmel parteċipi fiha
lill-membri kollha tagħha skont
il-qagħda tagħhom, huma u
jibqgħu miftuħa għad-dimensjoni
vokazzjonali u missjunarja.
Imma mhux dejjem il-familji
jedukaw lil uliedhom biex iħarsu
lejn il-futur f’loġika
vokazzjonali. Xi drabi t-tiftixa
tal-prestiġju soċjali u
tas-suċċess personali,
l-ambizzjoni tal-ġenituri jew
it-tendenza li jiddeterminaw
huma l-għażliet ta’ wliedhom,
jinvadu l-ispazju
tad-dixxerniment u
jikkundizzjonaw
id-deċiżjonijiet. Is-Sinodu
jagħraf il-ħtieġa li jgħin
lill-familji jassumu b’mod iżjed
ċar kunċett tal-ħajja bħala
vokazzjoni. Ir-rakkont
evanġeliku ta’ Ġesù adolexxent
(ara Lq 2:41-52), li qagħad
għall-ġenituri tiegħu imma kien
kapaċi jinqata’ minnhom biex
jagħmel dak li hu ta’ Missieru,
jista’ joffrilna dawl prezzjuż
biex nagħtu impostazzjoni
evanġelika lir-relazzjonijiet
fil-familji tagħna.
Imsejħin għal-libertà
Il-Vanġelu tal-libertà
73. Il-libertà
hi kundizzjoni essenzjali għal
kull għażla awtentika fil-ħajja.
Hi tirriskja li tiġi mifhuma
ħażin, anki għax mhux dejjem
tiġi ppreżentata kif suppost.
Il-Knisja nfisha tispiċċa biex,
f’għajnejn ħafna żgħażagħ,
tidher bħala istituzzjoni li
timponi regoli, projbizzjonijiet
u obbligi. Imma Kristu “ħelisna
biex ngħixu ta’ nies ħielsa”
(Gal 5:1), u għaddiena
mill-ħajja tal-Liġi għal dik
tal-Ispirtu. Fid-dawl
tal-Vanġelu, jixraq li llum
nagħrfu b’iktar ċarezza li
l-libertà minnha nfisha hi
relazzjonali u nuru li
l-passjonijiet u l-emozzjonijiet
huma relevanti skont kemm
jorjentaw lejn il-laqgħa
awtentika mal-persuna l-oħra.
Din il-perspettiva turina b’mod
ċar li l-vera libertà tista’
tinftiehem u hi possibbli biss
f’relazzjoni mal-verità (ara Ġw
8:31-32) u fuq kollox
mal-imħabba (ara 1 Kor 13:1-13;
Gal 5:13): il-libertà hi li
nkunu dak li aħna fil-qalb ta’
ieħor.
Libertà li twieġeb
74. Permezz
tal-fraternità u s-solidarjetà
li jgħixu, speċjalment ma’ dawk
li huma fl-aħħar post,
iż-żgħażagħ jiskopru li
l-libertà awtentika tinbet milli
jħossuhom milqugħa u tikber meta
jagħmlu wisa’ għall-oħrajn.
Jagħmlu esperjenza tixxiebah
meta jimpenjaw ruħhom biex
jikkultivaw is-sobrjetà jew
ir-rispett lejn l-ambjent.
L-esperjenza tal-għarfien
reċiproku u tal-impenn maqsum
bejn ħafna twassalhom jiskopru
li f’qalbhom hemm tgħammar dik
is-sejħa siekta għall-imħabba li
ġejja minn Alla. Hekk isir iżjed
faċli li jagħrfu d-dimensjoni
traxxendenti li oriġinarjament
il-libertà għandha fiha u li,
meta tidħol f’kuntatt
mal-esperjenzi l-aktar intensi
tal-ħajja – it-twelid u l-mewt,
il-ħbiberija u l-imħabba,
il-ħtija u l-maħfra – titqanqal
b’mod iżjed ħaj. Huma sewwasew
dawn l-esperjenzi li jgħinuna
nagħrfu li n-natura tal-libertà
hi radikalment waħda ta’
tweġiba.
Il-libertà
u l-fidi
75. Fuq
ħamsin sena ilu,
San Pawlu VI daħħal
l-espressjoni “djalogu
tas-salvazzjoni” u interpreta
l-missjoni tal-Iben fid-dinja
bħala waħda ta’ “stedina ta’
mħabba”.
Imma żied ukoll li l-bnedmin
“liberi […]
jersqu għad-djalogu jew
jaħarbuh”
(araEcclesiam
suam, n. 77).
F’din il-perspettiva, l-att ta’
fidi personali jidher bħala
ħieles u ħellies: isir il-punt
tat-tluq biex nagħmlu tagħna
ftit ftit il-kontenut tal-fidi.
Għalhekk il-fidi mhijiex xi
element li nżiduh kważi fuq
barra tal-libertà, imma hi
l-ħolqa tal-kuxjenza mal-verità,
mal-ġid u mal-ġmiel, li nsibuhom
b’mod sħiħ f’Ġesù. Ix-xhieda ta’
tant żgħażagħ martri
tal-imgħoddi u tal-lum, li dwiet
b’tant qawwa fis-Sinodu, hi
l-prova l-iżjed konvinċenti li
l-fidi, quddiem il-qawwiet
tad-dinja, tal-inġustizzji
tagħha u saħansitra quddiem
il-mewt, kapaċi teħlisna.
Il-libertà
miġruħa u mifdija
76. Il-libertà
umana hi mmarkata mill-ġrieħi
tad-dnub personali u
tal-konkupixxenza. Imma meta,
grazzi għall-maħfra u
għall-ħniena, il-persuna tiġi
konxja mix-xkiel li jżommha
lsira, hi tikber fil-maturità u
tista’ tmidd għonqha bi ħsiebha
iżjed ċar għall-għażliet
defenittivi tal-ħajja.
F’perspettiva edukattiva,
importanti ngħinu liż-żgħażagħ
ma jaqtgħux qalbhom quddiem
żbalji u fallimenti, imqar jekk
umiljanti, għax dawn jagħmlu
parti integrali mill-mixja lejn
libertà iżjed matura, konxji
mill-kobor u d-dgħufija tagħhom.
Imma l-ħażen m’għandux l-aħħar
kelma: “Għax Alla hekk ħabb
lid-dinja li ta lil Ibnu
l-waħdieni” (Ġw 3:16). Hu ħabbna
sal-aħħar u hekk kisbilna
l-libertà tagħna. B’mewtu
għalina fuq is-salib hu sawwab
l-Ispirtu tiegħu, u “fejn hemm
l-Ispirtu tal-Mulej hemm
il-ħelsien” (2 Kor 3:17):
ħelsien ġdid, Paskwali, li jseħħ
fl-għotja tagħna ta’ kuljum.
KAPITLU II
IL-MISTERU TAL-VOKAZZJONI
It-tiftixa tal-vokazzjoni
Vokazzjoni, vjaġġ u skoperta
77. Ir-rakkont
tas-sejħa ta’ Samwel (ara 1 Sam
3:1-12) jgħinna nifhmu l-aspetti
fundamentali tad-dixxerniment:
is-smigħ u l-għarfien
tal-inizjattiva divina,
esperjenza personali, għarfien
progressiv, akkumpanjament kollu
sabar u li jirrispetta l-misteru
li qed iseħħ, destinazzjoni
komunitarja. Il-vokazzjoni ma
timponix ruħha fuq Samwel
bħallikieku kienet destin li
jkollu jġarrab; hi proposta ta’
mħabba, mandat missjunarju fi
storja ta’ fiduċja reċiproka
kull ġurnata tal-ħajja.
Kif kien għaż-żagħżugħ Samwel,
hekk ukoll għal raġel u mara
l-vokazzjoni, għalkemm għandha
mumenti qawwija u
pprivileġġjati, iġġib magħha
vjaġġ twil. Il-Kelma tal-Mulej
trid iż-żmien biex tiġi mifhuma
u interpretata; il-missjoni li
għaliha huwa jsejjaħ tidher
biċċa biċċa. Iż-żgħażagħ huma
affaxxinati mill-avventura
tal-iskoperta ftit ftit tagħhom
infushom. Huma jieħdu pjaċir
jitgħallmu mill-attivitajiet li
jagħmlu, mil-laqgħat u
mir-relazzjonijiet, u jpoġġu
lilhom infushom taħt il-prova
fil-ħajja ta’ kuljum. Għandhom
bżonn jiġu megħjuna jiġbru
flimkien id-diversi esperjenzi u
jaqrawhom taħt il-lenti
tal-fidi, biex jegħlbu r-riskju
li kollox jitħalla mxerred u
jagħrfu s-sinjali li bihom
jitkellem Alla. Fl-iskoperta
tal-vokazzjoni, mhux kollox hu
ċar minnufih, għax il-fidi
“‘tara’ fil-mod kif jimxi [l-bniedem],
fil-mod kif jidħol fl-ispazju
miftuħ tal-kelma ta’ Alla” (Franġisku,
Lumen
fidei,
9).
Vokazzjoni, grazzja u libertà
78.
Mal-medda tas-sekli, l-għarfien
teoloġiku tal-misteru
tal-vokazzjoni kellu
aċċentwazzjonijiet differenti,
skont il-kuntest soċjali u
ekkleżjali li fih it-tema ġiet
elaborata. Hu x’inhu, irridu
nirrikonoxxu l-karattru
analoġiku tat-terminu
“vokazzjoni” u l-ħafna
dimensjonijiet marbuta
mar-realtà li jrid ifisser. Dan
minn żmien għal żmien wassal
biex jidhru iktar ċerti aspetti
minn oħrajn, b’perspettivi li
mhux dejjem għarfu jħarsu
bl-istess bilanċ il-kumplessità
tal-flimkien. Biex nifhmu b’mod
profond il-misteru
tal-vokazzjoni li ssib f’Alla
l-bidu tagħha, aħna msejħin
insaffu l-immaġinarju tagħna u
l-lingwaġġ reliġjuż tagħna, u
nerġgħu nsibu l-għana u l-bilanċ
tan-narrazzjoni biblika.
In-nisġa bejn l-għażla divina u
l-libertà umana, b’mod
partikulari, irridu naħsbu fuqha
’l barra minn kull determiniżmu
u minn kull estrinseċiżmu.
Il-vokazzjoni la hi xi skript
miktub u lest li l-bniedem
sempliċiment irid jirreċta, u
lanqas improvizzazzjoni teatrali
bla ebda pjan li jsegwi. Ladarba
Alla jsejħilna biex inkunu ħbieb
u mhux qaddejja (ara Ġw 15:13),
l-għażliet tagħna huma sehem
reali fit-twettiq storiku
tal-pjan ta’ mħabbtu.
L-ekonomija tas-salvazzjoni,
min-naħa l-oħra, hi Misteru li
jgħaddina b’mod infinit;
għalhekk hu biss is-smigħ
tal-Mulej li jista’ jikxfilna
liema parti aħna msejħin li
jkollna fiha. Milqugħa f’dan
id-dawl, il-vokazzjoni tidher
tassew bħala don ta’ grazzja u
ta’ patt, bħala l-isbaħ u
l-egħżeż sigriet tal-libertà
tagħna.
Ħolqien u vokazzjoni
79. Fl-istqarrija
tagħha li l-ħwejjeġ kollha kienu
maħluqa permezz ta’ Kristu u
għalih (ara Kol 1:16),
l-Iskrittura torjentana biex
naqraw il-misteru tal-vokazzjoni
bħala realtà li timmarka
l-istess ħolqien ta’ Alla. Alla
ħalaq bil-Kelma tiegħu li
“ssejjaħ” għall-eżistenza u
għall-ħajja u mbagħad, fil-kaos
ta’ dak li mhux magħżul,
“jagħżel”, u jimmarka l-kożmu
bil-ġmiel tal-ordni u l-armonija
tad-diversità. Jekk diġà San
Pawlu VI kien afferma li “kull
ħajja hi vokazzjoni”
(araPopulorum
progressio, 15),
Benedittu XVI għafas fuq il-fatt
li l-bniedem hu maħluq bħala
essri djaloġiku: il-Kelma
ħallieqa “ssejjaħ lil kull
wieħed u waħda b’mod personali,
u hekk turi li l-istess ħajja
hi vokazzjoni f’relazzjoni
ma’ Alla”
(ara
Verbum Domini,
77).
Għal kultura vokazzjonali
80. Meta
nitkellmu fuq il-ħajja
tal-bniedem f’termini
vokazzjonali nistgħu nuru xi
elementi li huma importanti
ħafna biex żagħżugħ jikber:
ifisser neskludu li l-mod kif
huwa jikber u jiżviluppa jiġi
determinat mid-destin jew
b’kumbinazzjoni, kif ukoll li
jkun ġid privat li jieħu ħsiebu
hu waħdu. Jekk fl-ewwel każ ma
hemmx vokazzjoni għax ma hemmx
l-għarfien ta’ destinazzjoni
denja li teżisti, fit-tieni
l-bniedem maħsub “bla rbit ta’
xejn” isir “bla vokazzjoni”.
Għalhekk importanti noħolqu
l-kundizzjonijiet biex
fil-komunitajiet Insara kollha,
ibda mill-kuxjenza li għandhom
ta’ mgħammdin il-membri fi
ħdanhom, tiżviluppa kultura
vokazzjonali vera u proprja u
impenn kostanti ta’ talb
għall-vokazzjonijiet.
Il-vokazzjoni biex nimxu wara
Ġesù
Il-faxxinu ta’ Ġesù
81. Ħafna
żgħażagħ huma affaxxinati
mill-figura ta’ Ġesù. Ħajtu
tidhrilhom tajba u sabiħa, għax
fqira u sempliċi, magħmula minn
ħbiberija sinċiera u profonda,
mogħtija għall-aħwa
b’ġenerożità, qatt magħluqa għal
ħadd, imma dejjem disponibbli
għad-don. Il-ħajja ta’ Ġesù
tibqa’ anki llum xi ħaġa li
tiġbidna lejha u tispirana
bil-kbir; hi għaż-żgħażagħ
kollha provokazzjoni li tisfida.
Il-Knisja taf li dan ġej
mill-fatt li Ġesù għandu rabta
profonda ma’ kull bniedem, għax
“Kristu, Adam il-ġdid, meta juri
l-misteru tal-Missier u
tal-imħabba tiegħu, juri wkoll
għalkollox il-bniedem
lill-bniedem stess u jurih
is-sejħa l-aktar għolja tiegħu”
(ara
Gaudium et spes,
n. 22).
Fidi, vokazzjoni u dixxipulat
82. Fil-fatt,
Ġesù mhux biss affaxxina
bil-ħajja tiegħu, imma sejjaħ
ukoll espliċitament għall-fidi.
Hu ltaqa’ ma’ bnedmin li għarfu
fil-ġesti tiegħu u fi kliemu
l-mod it-tajjeb kif jistgħu
jitkellmu ma’ Alla u jġibu
ruħhom miegħu, biex daħlu f’dik
il-fidi li twassal
għas-salvazzjoni: “Binti,
il-fidi tiegħek salvatek. Mur
fis-sliem!” (Lq 8:48). Oħrajn li
ltaqgħu miegħu ġew imsejħin biex
isiru dixxipli u xhieda tiegħu.
Lil min ried isir dixxiplu
tiegħu hu ma ħbilux l-esiġenza
li jerfa’ salibu ta’ kuljum u
jimxi warajh fit-triq Paskwali
tal-mewt u tal-qawmien.
Ix-xheida tal-fidi għadha ħajja
fil-Knisja, sinjal u strument
ta’ salvazzjoni għall-popli
kollha. L-appartenenza
għall-komunità ta’ Ġesù dejjem
għarfet li hemm bosta xorta ta’
mixja warajh. Il-parti l-kbira
tad-dixxipli għexu l-fidi
fil-kundizzjonijiet ordinarji
tal-ħajja ta’ kuljum; imma hemm
oħrajn, inklużi xi figuri
femminili, li qasmu fil-ħajja
itineranti u profetika
tal-Imgħallem tagħhom (ara Lq
8:1-3); sa mill-bidu l-Appostli
kellhom rwol partikulari
fil-komunità u ġew assoċjati
minnu mal-ministeru tiegħu ta’
gwida u ta’ predikazzjoni.
Il-Verġni Marija
83. Fost
il-figuri bibliċi kollha li juru
l-misteru tal-vokazzjoni għandna
nikkontemplaw b’mod waħdieni dik
ta’ Marija. Xebba żagħżugħa li
bl-“iva” tagħha għamlet
possibbli l-Inkarnazzjoni billi
ħolqot il-kundizzjonijiet biex
kull vokazzjoni oħra fil-Knisja
tista’ tiġi mnissla, hi tibqa’
l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù u
l-mudell ta’ kull dixxipulat.
Fil-pellegrinaġġ tagħha
tal-fidi, Marija mxiet wara
Binha sa riġlejn is-salib, u,
wara l-Qawmien, sieħbet
lill-Knisja li kienet għadha
titwieled lejn Għid il-Ħamsin.
Bħala omm u għalliema ħanina
tibqa’ ssieħeb lill-Knisja u
titlob lill-Ispirtu li jagħti
l-ħajja lil kull vokazzjoni.
Allura hu ċar li l-“prinċipju
Marjan” għandu rwol eminenti u
jdawwal il-ħajja kollha
tal-Knisja fid-diversi
manifestazzjonijiet tagħha.
Biswit il-Verġni Mbierka, anki
l-figura ta’ Ġużeppi, l-għarus
tagħha, hi mudell eżemplari ta’
tweġiba vokazzjonali.
Vokazzjoni u vokazzjonijiet
Vokazzjoni u missjoni fil-Knisja
84. Ma
nistgħux nifhmu b’mod sħiħ
it-tifsira tal-vokazzjoni
tal-Magħmudija jekk ma nqisux li
din hi għal kulħadd, ħadd
eskluż, sejħa għall-qdusija. Din
is-sejħa timplika bilfors
l-istedina biex nieħdu sehem
fil-missjoni tal-Knisja, li
għandha bħala għan fundamentali
tagħha l-komunjoni ma’ Alla u
bejn il-bnedmin kollha.
Il-vokazzjonijiet ekkleżjali
fil-fatt huma espressjonijiet
kotrana u mirquma li permezz
tagħhom il-Knisja twettaq
is-sejħa tagħha biex tkun sinjal
reali tal-Vanġelu milqugħ
f’komunità ta’ aħwa. Id-diversi
għamliet ta’ mixja wara Kristu
jesprimu, kull waħda bil-mod
tagħha, il-missjoni li tagħti
xhieda ta’ Ġesù, li fih kull
bniedem isib is-salvazzjoni.
Il-varjetà tal-kariżmi
85. San
Pawl fl-ittri tiegħu jsemmi
kemm-il darba din it-tema, u
jfakkar fix-xbieha tal-Knisja
bħala ġisem magħmul minn bosta
membri, waqt li juri kif kull
membru hu meħtieġ u fl-istess
waqt relattiv għall-ġabra
flimkien, għax l-għaqda tagħhom
kollha flimkien biss tista’
tagħmel il-ġisem ħaj u
f’armonija. L-għerq ta’ din
il-komunjoni l-Appostlu jsibu
fl-istess misteru tat-Trinità
Qaddisa: “Hemm imbagħad diversi
doni, imma l-istess wieħed hu
l-Ispirtu; hemm diversi
ministeri, imma l-istess wieħed
hu l-Mulej; hemm diversi
ħidmiet, imma l-istess Alla, li
jaħdem kollox f’kulħadd” (1 Kor
12:4-6). Il-Konċilju Vatikan II
u l-maġisteru li ġie wara joffru
indikazzjonijiet prezzjużi biex
nelaboraw teoloġija korretta
tal-kariżmi u tal-ministeri
fil-Knisja, b’mod li nistgħu
nilqgħu b’rikonoxxenza u
bl-għerf nagħtu valur lid-doni
tal-grazzja li l-Ispirtu jqanqal
il-ħin kollu fil-Knisja biex
iżommha żagħżugħa.
Professjoni u vokazzjoni
86. Għal
ħafna żgħażagħ, l-orjentament
professjonali jingħax f’xefaq
vokazzjonali. Mhux darba u tnejn
jirrifjutaw proposti ta’ xogħol
li jwegħdu ħafna imma li mhumiex
f’linja mal-valuri Nsara, u
l-għażla tal-mixjiet ta’
formazzjoni ssir billi jistaqsu
kif jistgħu jagħmlu frott
mit-talenti personali tagħhom
għas-servizz tas-Saltna ta’
Alla. Għal ħafna, ix-xogħol hu
okkażjoni biex jagħrfu u
jivvalorizzaw id-doni li rċivew:
hekk il-bnedmin ikunu jieħdu
sehem attiv fil-misteru
Trinitarju tal-ħolqien, il-fidwa
u t-tqaddis tal-bnedmin.
Il-familja
87. Iż-żewġ
Assemblej sinodali riċenti fuq
il-familja, li warajhom ħarġet
l-Eżortazzjoni appostolika
Amoris lætitia, offrew
kontribut għani dwar
il-vokazzjoni tal-familja
fil-Knisja u s-sehem uniku li
l-familji huma msejħa jagħtu
għax-xhieda tal-Vanġelu permezz
tal-imħabba reċiproka,
it-tnissil u l-edukazzjoni
tal-ulied. Waqt li niftakru
fl-għana li ħareġ mid-dokumenti
riċenti, infakkru fl-importanza
li nerġgħu naqbdu f’idejna
l-messaġġ tagħhom biex niskopru
mill-ġdid u nfiehmu liż-żgħażagħ
il-ġmiel tal-vokazzjoni
taż-żwieġ.
Il-ħajja kkonsagrata
88. Id-don
tal-ħajja kkonsagrata, fl-għamla
tagħha kemm kontemplattiva u
kemm attiva, li l-Ispirtu
jqajjem fil-Knisja, għandu valur
profetiku partikulari għax hu
xhieda hienja tal-imħabba
mogħtija b’xejn. Meta
l-komunitajiet reliġjużi u
l-fondazzjonijiet il-ġodda
jgħixu l-fraternità b’mod
awtentiku, huma jsiru skejjel
ta’ komunjoni, ċentri ta’ talb u
ta’ kontemplazzjoni, imkejjen
ta’ xhieda ta’ djalogu bejn
il-ġenerazzjonijiet u l-kulturi
u spazji għall-evanġelizzazzjoni
u l-karità. Il-missjoni ta’
ħafna persuni kkonsagrati li
jieħdu ħsieb tal-foqra
fil-periferiji tad-dinja turi
konkretement l-għotja sħiħa ta’
Knisja li toħroġ. Jekk f’xi
reġjuni qed tesperjenza tnaqqis
fil-għadd u l-isfida tal-avvanz
fl-età, il-ħajja kkonsagrata
għadha realtà għammiela u
kreattiva anki permezz
tal-korresponsabbiltà ma’ ħafna
lajċi li jaqsmu fl-ispirtu u
l-missjoni tad-diversi kariżmi.
Il-Knisja u d-dinja ma jistgħux
jgħaddu mingħajr dan id-don
vokazzjonali, li hu riżorsa
kbira għal żmienna.
Il-ministeru ordnat
89. Il-Knisja
dejjem kellha għożża partikulari
għall-vokazzjonijiet
għall-ministeru ordnat,
fl-għarfien li dan tal-aħħar hu
element kostituttiv tal-identità
tagħha u huwa meħtieġ
għall-ħajja Nisranija. Għalhekk,
hi dejjem rawmet attenzjoni
speċifika għall-formazzjoni u
l-akkumpanjament tal-kandidati
għall-presbiterat. It-tħassib
ta’ ħafna Knejjes għall-fatt li
l-għadd qed jonqos jitlob
riflessjoni mġedda fuq
il-vokazzjoni għall-ministeru
ordnat u fuq pastorali
vokazzjonali li tagħraf turi
l-faxxinu tal-persuna ta’ Ġesù u
tas-sejħa tiegħu biex ikun hemm
ragħajja għall-merħla tiegħu.
Anki l-vokazzjoni għad-djakonat
permanenti għandha bżonn ta’
attenzjoni ikbar, għax hi
riżorsa li għadhom ma ġewx
żviluppati l-potenzjalitajiet
kollha tagħha.
Il-kundizzjoni ta’ min hu
“single”
90. Is-Sinodu
rrifletta fuq il-kundizzjoni
tal-persuni li jgħixu bħala
“single”, u jagħraf li b’dan
it-terminu jistgħu jiġu indikati
sitwazzjonijiet ta’ ħajja
differenti sew minn xulxin. Dawn
is-sitwazzjonijiet jistgħu
jiddependu minn ħafna
raġunijiet, mixtieqa u mhumiex,
u minn fatturi kulturali,
reliġjużi, soċjali. Għalhekk dan
jista’ jesprimi firxa wiesgħa
ħafna ta’ mixjiet. Il-Knisja
tagħraf li din il-kundizzjoni,
hekk mifhuma f’loġika ta’ fidi u
ta’ don, tista’ ssir waħda
mill-ħafna toroq li permezz
tagħhom titwettaq il-grazzja
tal-Magħmudija u nimxu lejn dik
il-qdusija li għaliha lkoll aħna
msejħin.
KAPITLU III
IL-MISSJONI LI NAKKUMPANJAW
Il-Knisja li takkumpanja
Quddiem l-għażliet
91. Fid-dinja
tal-lum, ikkaratterizzata minn
pluraliżmu dejjem iżjed evidenti
u minn disponibbiltà ta’
għażliet dejjem usa’, it-tema
tal-għażliet tidher quddiemna
b’qawwa ikbar u fuq diversi
livelli, fuq kollox quddiem
mixjiet ta’ ħajja dejjem inqas
lineari, ikkaratterizzati minn
prekarjetà kbira. Fil-fatt,
spiss iż-żgħażagħ issibhom nofs
triq bejn viżjonijiet estremi u
oħrajn inġenwi: milli jqisuhom
priża ta’ destin diġà miktub u
persistenti, għal li jħossuhom
mirbuħa minn astratt ideali ta’
eċċellenza, fi kwadru ta’
kompetizzjoni eċċessiva u
vjolenti.
Għalhekk, li nakkumpanjawhom
biex jagħmlu għażliet validi,
stabbli u mibnija tajjeb, hu
servizz li l-ħtieġa tiegħu
tinħass kullimkien.
Għall-Knisja, li tagħmel lilha
nfisha preżenti, twieżen u
takkumpanja l-mixja lejn
għażliet awtentiċi, hu mod kif
tħaddem il-funzjoni materna
tagħha u tnissel ’l-ulied Alla
għal-libertà. Dan is-servizz
mhux ħlief il-kontinwazzjoni
tal-mod kif Alla ta’ Ġesù Kristu
jaġixxi fil-konfront tal-poplu
tiegħu: permezz ta’ preżenza
kostanti u kordjali, qrubija
dedikata u kollha mħabba u
ħlewwa bla qies.
Naqsmu l-ħobż flimkien
92.
Kif jgħallem ir-rakkont
tad-dixxipli ta’ Għemmaws,
l-akkumpanjament jitlob
id-disponibbiltà biex nagħmlu
flimkien biċċa mit-triq,
nistabbilixxu relazzjonijiet li
għandhom tifsira. L-oriġni
tat-terminu “akkumpanjament”
ifakkarna fil-ħobż maqsum
(cum pane), bl-għana
simboliku uman u sagramentali
ta’ din it-tifsira. Għalhekk hi
l-komunità flimkien l-ewwel
suġġett tal-akkumpanjament,
proprju għax fi ħdanha
tiżviluppa dik in-nisġa ta’
relazzjonijiet li tista’ twieżen
il-persuna fil-mixja tagħha u
tagħtiha punti ta’ riferiment u
ta’ orjentament.
L-akkumpanjament biex il-bniedem
jikber umanament u Kristjanament
lejn il-ħajja adulta hu waħda
mix-xejriet li bihom il-komunità
turi li hi kapaċi tiġġedded u
ġġedded id-dinja.
L-Ewkaristija hi tifkira ħajja
tal-ġrajja tal-Għid, post
ipprivileġġjat
tal-evanġelizzazzjoni u
tat-trasmissjoni tal-fidi
fid-dawl tal-missjoni.
Fil-ġemgħa miġbura
għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika,
l-esperjenza li nħallu lil Ġesù
jmissna, jgħallimna u jfejjaqna
personalment takkumpanja lil
kull wieħed u waħda fil-mixja
tiegħu biex jikber bħala
persuna.
Ambjenti u rwoli
93. Barra
mill-membri tal-familja, huma
msejħa biex iwettqu dan ir-rwol
ta’ akkumpanjament il-persuni
kollha sinifikattivi fid-diversi
oqsma tal-ħajja taż-żgħażagħ,
bħall-għalliema, l-animaturi,
dawk li jħarrġuhom jew figuri
oħra ta’ riferiment, anki
professjonali. Saċerdoti u
reliġjużi, anki jekk m’għandhomx
il-monopolju tal-akkumpanjament,
għandhom dmir speċifiku li
joħroġ mill-vokazzjoni tagħhom u
li għandhom jiskopruh mill-ġdid,
kif mitlub miż-żgħażagħ preżenti
għall-Assemblea sinodali, f’isem
tant oħrajn. L-esperjenza ta’ xi
Knejjes tgħolli r-rwol
tal-katekisti bħala
akkumpanjaturi tal-komunitajiet
Insara u tal-membri tagħhom.
Nakkumpanjaw l-inseriment
fis-soċjetà
94. L-akkumpanjament
ma jistax jillimita ruħu
għall-mixja ta’ maturazzjoni
spiritwali u għall-prattika
tal-ħajja Nisranija. Jista’
jħalli daqstant ieħor frott
l-akkumpanjament fil-mixja li
fiha ftit ftit wieħed jassumi
iktar responsabbiltajiet fi ħdan
is-soċjetà, ngħidu aħna
fil-qasam professjonali jew
tal-impenn soċjopolitiku. F’dan
is-sens, l-Assemblea sinodali
tirrakkomanda l-valorizzazzjoni
tad-duttrina soċjali tal-Knisja.
Fi ħdan soċjetà u komunitajiet
ekkleżjali dejjem iżjed
interkulturali u multireliġjużi,
hu meħtieġ akkumpanjament
speċifiku għar-relazzjoni
mad-diversità, li jagħtiha
l-valur tagħha bħala għana
reċiproku u possibbiltà ta’
komunjoni fraterna, kontra
t-tentazzjoni doppja li
ningħalqu fl-identità tagħna u
tar-relattiviżmu.
L-akkumpanjament komunitarju, fi
grupp u personali
Tensjoni għammiela
95.
Hemm kumplimentarjetà
kostituttiva bejn
l-akkumpanjament personali u dak
komunitarju, li kull
spiritwalità jew sensibbiltà
ekkleżjali hi msejħa torqom
b’mod oriġinali. Fuq kollox,
ikun f’mumenti partikularment
delikati, ngħidu aħna l-fażi
tad-dixxerniment dwar għażliet
fundamentali tal-ħajja jew
iż-żmien li fih wieħed irid
jgħaddi minn mumenti kritiċi, li
l-akkumpanjament personali
dirett jagħti l-iktar frott.
Imma jibqa’ importanti anki
fil-ħajja ta’ kuljum bħala triq
biex ninżlu iktar fil-fond
tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla.
Ta’ min jisħaq imbagħad fuq
l-urġenza li nakkumpanjaw
personalment seminaristi,
saċerdoti u reliġjużi żgħażagħ
fil-formazzjoni, kif ukoll
il-koppji fil-mixja ta’ tħejjija
għaż-żwieġ u fl-ewwel żminijiet
wara ċ-ċelebrazzjoni
tas-sagrament, imnebbħin
mill-katekumenat.
L-akkumpanjament komunitarju u
ta’ grupp
96. Ġesù
akkumpanja l-grupp tad-dixxipli
tiegħu u qasam magħhom il-ħajja
ta’ kuljum. L-esperjenza
komunitarja turi x’inhuma
l-kwalitajiet u l-limiti ta’
kull persuna u tkabbar
il-kuxjenza umli li, mingħajr
il-qsim tad-doni li wieħed ikun
irċieva għall-ġid ta’ kulħadd,
ma tistax timxi wara Ġesù.
Din l-esperjenza tkompli
fil-prattika tal-Knisja, li tara
liż-żgħażagħ inseriti
fil-gruppi, movimenti u għaqdiet
ta’ kull xorta, fejn
jesperimentaw l-ambjent kollu
mħabba u akkoljenti u
l-intensità tar-relazzjonijiet
li jixtiequ. L-inseriment
f’realtà ta’ din ix-xorta hu ta’
importanza partikulari meta tkun
intemmet il-mixja
tal-inizjazzjoni Nisranija, għax
joffri liż-żgħażagħ l-art li
fuqha jistgħu jimxu
għall-maturazzjoni
tal-vokazzjoni Nisranija
tagħhom. F’dawn l-ambjenti hi
mħeġġa l-preżenza ta’ Ragħajja,
biex jiggarantixxu
akkumpanjament xieraq.
Fil-gruppi, edukaturi u
animaturi jirrappreżentaw punt
ta’ riferiment f’termini ta’
akkumpanjament, waqt li
r-relazzjonijiet ta’ ħbiberija
li jiżviluppaw fi ħdanhom huma
l-art it-tajba għal
akkumpanjament bejn persuni
tal-istess età.
L-akkumpanjament spiritwali
personali
97. L-akkumpanjament
spiritwali hu proċess li jrid
jgħin lill-persuna tintegra
bil-mod il-mod id-diversi
dimensjonijiet tal-ħajja biex
timxi wara l-Mulej Ġesù. F’dan
il-proċess hemm tliet mumenti:
is-smigħ tal-ħajja, il-laqgħa
ma’ Ġesù u d-djalogu misterjuż
bejn il-libertà ta’ Alla u dik
tal-persuna. Min jakkumpanja,
jilqa’ bis-sabar, iqanqal
il-mistoqsijiet l-iżjed veri u
jagħraf is-sinjali tal-Ispirtu
fit-tweġiba taż-żgħażagħ.
Fl-akkumpanjament spiritwali
personali nitgħallmu nagħrfu,
ninterpretaw u nagħżlu
fil-perspettiva tal-fidi,
fis-smigħ ta’ dak li l-Ispirtu
jissuġġerixxi fil-ħajja ta’
kuljum (ara
Franġisku,
Evangelii gaudium, nn.
169-173).
Il-kariżma tal-akkumpanjament
spiritwali, anki
fit-tradizzjoni, mhix bilfors
marbuta mal-ministeru ordnat.
Qatt daqs illum ma neħtieġu
gwidi spiritwali, missirijiet u
ommijiet b’esperjenza profonda
ta’ fidi u ta’ umanità u mhux
biss imħejjija intellettwalment.
Is-Sinodu jawgura li jkun hemm
kixfa mill-ġdid f’dan il-qasam
anki tar-riżorsa kbira
ġenerattiva tal-ħajja
kkonsagrata, b’mod partikulari
dik femminili, u ta’ lajċi,
adulti u żgħażagħ, iffurmati
tajjeb.
Akkumpanjament u Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni
98. Is-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni għandu rwol
indispensabbli biex wieħed jimxi
’l quddiem fil-ħajja tal-fidi,
li hi mmarkata mhux biss
mil-limitu u mid-dgħufija, imma
anki mid-dnub. Il-ministeru
tar-Rikonċiljazzjoni u
l-akkumpanjament spiritwali kemm
jista’ jkun għandhom ikunu
magħżula minn xulxin, għax
għandhom għanijiet u xejriet
differenti. Hi pastoralment
f’lokha gradwalità sana u għarfa
ta’ mixjiet penitenzjali,
bl-involviment ta’ għadd ta’
persuni edukattivi, li jistgħu
jgħinu liż-żgħażagħ jaqraw
il-ħajja morali tagħhom,
jimmaturaw sens korrett tad-dnub
u fuq kollox jinfetħu għall-ferħ
ħellies tal-ħniena.
Akkumpanjament sħiħ
99. Is-Sinodu
mbagħad jagħraf il-ħtieġa li
jippromovi akkumpanjament sħiħ,
fejn l-aspetti spiritwali huma
integrati tajjeb ma’ dawk umani
u soċjali. Kif jispjega l-Papa
Franġisku,
“id-dixxerniment spiritwali ma
jeskludix l-għajnuniet
tax-xjenzi umani, eżistenzjali,
psikoloġiċi, soċjoloġiċi jew
morali. Imma jgħaddihom ilkoll”
(Gaudete
et exsultate,
n. 170).
Dawn huma elementi li għandna
nħarsu lejhom b’mod dinamiku u
fir-rispett tad-diversi
spiritwalitajiet u kulturi,
mingħajr esklużjonijiet u
mingħajr konfużjonijiet.
L-akkumpanjament psikoloġiku jew
psikoterapewtiku, jekk miftuħ
għat-traxxendenza, jista’ jkun
fundamentali għal mixja ta’
integrazzjoni tal-personalità, u
jesponi ċerti aspetti
tal-personalità li kienu tħallew
magħluqa jew imblukkati bl-għan
li ssir maturazzjoni
vokazzjonali. Iż-żgħażagħ jgħixu
l-għana u d-dgħufija kollha
tagħhom bħallikieku kienu “post
li għadu qed jinbena”.
L-elaborazzjoni psikoloġika mhux
biss tista’ tgħin biex wieħed
bis-sabar kollu jerġa’ jgħarbel
l-istorja ta’ ħajtu, imma anki
tpoġġi mistoqsijiet biex wieħed
jista’ jilħaq bilanċ affettiv
iżjed stabbli.
L-akkumpanjament fil-formazzjoni
għall-ministeru ordnat u
għall-ħajja kkonsagrata
100.
Meta nilqgħu liż-żgħażagħ
fid-djar ta’ formazzjoni jew
seminarji, importanti
nivverifikaw jekk għandhomx
biżżejjed għeruqhom imniżżla
f’komunità, stabbiltà
fir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija
ma’ sħabhom, impenn fl-istudju
jew fix-xogħol, fil-kuntatt
mal-faqar u t-tbatija.
Fl-akkumpanjament spiritwali hu
deċiżiv li nintroduċu
għall-ħajja tat-talb u tal-ħidma
interjuri, u nitgħallmu nagħmlu
d-dixxerniment qabelxejn
fil-ħajja tagħna, anki permezz
ta’ ċaħdiet u ta’ axxeżi.
Iċ-ċelibat għas-Saltna (ara Mt
19:12) għandnu jinftiehem bħala
don li wieħed irid jagħraf u
jivverifika fil-libertà,
il-ferħ, il-gratwità u l-umiltà,
qabel l-ammissjoni għall-ordni
jew il-professjoni sempliċi.
Il-kontribut tal-psikoloġija
wieħed għandu jarah bħala
għajnuna għall-maturazzjoni
affettiva u l-integrazzjoni
tal-personalità, u għandu jkun
parti mill-mixja formattiva
skont l-etika professjonali u
r-rispett tal-libertà effettiva
ta’ min ikun fil-formazzjoni.
Il-figura tar-rettur jew ta’ min
hu responsabbli mill-formazzjoni
ssir dejjem iżjed importanti
bħala punt fejn tingħaqad
il-mixja formattiva kollha, biex
wieħed jasal għal dixxerniment
realistiku f’konsultazzjoni
mal-persuni kollha involuti
fil-formazzjoni u biex
jiddeċiedi dwar l-eventwalità li
jwaqqaf il-mixja formattiva
ħalli jgħin lil dak li jkun
ikompli miexi fi triq
vokazzjonali oħra.
Meta tkun intemmet il-fażi
inizjali tal-formazzjoni, irridu
niżguraw il-formazzjoni
permanenti u l-akkumpanjament
tas-saċerdoti, il-persuni
kkonsagrati, fuq kollox dawk
l-iżjed żgħażagħ. Dawn spiss
isibu ruħhom wiċċ imb wiċċ ma’
sfidi u responsabbiltajiet
sproporzjonati. Ix-xogħol
tal-akkumpanjament mhux biss ta’
delegati maħtura apposta, imma
għandu jkun imħaddem
personalment mill-isqfijiet u
s-superjuri.
Akkumpanjaturi ta’ kwalità
Imsejħin nakkumpanjaw
101. B’ħafna
modi ż-żgħażagħ talbuna
nikkwalifikaw il-figura
tal-akkumpanjaturi. Is-servizz
tal-akkumpanjament hu missjoni
awtentika, li tħeġġeġ
għad-disponibbiltà appostolika
ta’ min iwettaqha. Bħad-djaknu
Filippu, l-akkumpanjatur hu
msejjaħ jagħti widen għas-sejħa
tal-Ispirtu u joħroġ u jħalli
warajh il-ħitan ta’ Ġerusalemm,
figura tal-komunità Nisranija,
biex imur f’post deżert u
mwiegħer, forsi perikuluż, fejn
diffiċli ġġerri karru. Meta
jasal hemm, irid isib il-mod kif
jidħol f’relazzjoni
mal-vjaġġatur barrani, biex
iqanqal mistoqsija li forsi
waħidha qatt ma kienet tiġi
fformulata (ara Atti 8:26-40).
Fil-qosor, li takkumpanja
jfisser li tkun
għad-dispożizzjoni tal-Ispirtu
tal-Mulej u ta’ min qed jiġi
akkumpanjat, bil-kwalitajiet u
l-ħiliet kollha tiegħek, u
mbagħad ikollok il-kuraġġ li
b’umiltà twarrab għall-ġenb.
Il-profil tal-akkumpanjatur
102. L-akkumpanjatur
it-tajjeb hu persuna
bbilanċjata, li taf tisma’,
b’ħajja ta’ fidi u ta’ talb, li
taf x’inhuma d-dgħufijiet
tagħha. Għalhekk taf tkun
akkoljenti maż-żgħażagħ li
takkumpanja, mingħajr moraliżmi
u mingħajr tolleranzi foloz.
Meta jkun hemm bżonn, taf toffri
wkoll il-kelma tal-korrezzjoni
fraterna.
L-għarfien li l-akkumpanjament
hu missjoni li titlob li wieħed
iniżżel għeruqu fil-fond
tal-ħajja spiritwali jista’
jgħinu biex jibqa’ ħieles
fil-konfront taż-żgħażagħ li
jkun qed jakkumpanja:
jirrispetta dak li joħroġ
mill-mixja tagħhom, iweżinhom
bit-talb u jifraħ bil-frott li
l-Ispirtu jwettaq f’dawk li
jiftħulu qalbhom, mingħajr ma
jipprova jimponi r-rieda tiegħu
u l-preferenzi tiegħu. Bl-istess
mod ikun kapaċi jaqdi, u mhux
jokkupa ċ-ċentru tax-xena jew
jassumi atteġġjamenti possessivi
jew li jimmanipulaw u joħolqu
dipendenza u mhux libertà
tal-persuni. Dan ir-rispett
profond ikun l-aqwa garanzija
kontra r-riskji
tal-manipulazzjoni jew ta’
abbużi ta’ kull għamla.
L-importanza
tal-formazzjoni
103.
Biex jista’ jwettaq is-servizz
tiegħu, l-akkumpanjatur sa
jkollu bżonn jikkultiva l-ħajja
spiritwali tiegħu, jikber
fir-relazzjoni li torbtu ma’ Dak
li tah il-missjoni. Fl-istess
waqt ikollu bżonn tal-għajnuna
tal-komunità ekkleżjali li
minnha jagħmel parti. Importanti
jirċievi l-formazzjoni speċifika
għal dan il-ministeru
partikulari u li huwa wkoll ikun
jista’ jibbenefika
mill-akkumpanjament u
s-superviżjoni.
Fl-aħħar nett, ta’ min ifakkar
li aspetti li jikkaratterizzawna
bħala Knisja u li jiġbdu
l-apprezzament kbir taż-żgħażagħ
huma d-disponibbiltà u l-ħila li
naħdmu f’équipe:
b’dan il-mod inkunu iktar
sinifikattivi, effikaċi u
inċiżivi fil-formazzjoni
taż-żgħażagħ. Din il-kompetenza
fil-ħidma komunitarja titlob
il-maturazzjoni ta’ virtujiet
relazzjonali speċifiċi:
id-dixxiplina tas-smigħ u l-ħila
li nagħmlu wisa’ għall-ieħor,
il-ħeffa biex naħfru u
d-disponibbiltà li nagħtu
sehemna skont spiritwalità vera
u proprja ta’ komunjoni.
KAPITLU IV
L-ARTI TAD-DIXXERNIMENT
Il-Knisja, ambjent
għad-dixxerniment
Għadd ta’ sinifikati fil-varjetà
tat-tradizzjonijiet spiritwali
104.
L-akkumpanjament vokazzjonali hu
dimensjoni fundamentali ta’
proċess ta’ dixxerniment
min-naħa tal-persuna li hi
msejħa tagħżel. It-terminu
“dixxerniment” jintuża b’ħafna
tifsiriet, anki jekk marbuta
bejniethom. F’sens iżjed
ġenerali, dixxerniment hu
l-proċess li fih jittieħdu
deċiżjonijiet importanti; f’sens
ieħor, li hu iktar
tat-tradizzjoni Nisranija u li
fuqu sa nieqfu b’mod
partikulari, jikkorrispondi
għad-dinamika spiritwali li
permezz tagħha persuna, grupp
jew komunità jfittxu li jagħrfu
u li jilqgħu r-rieda ta’ Alla
fil-konkret tas-sitwazzjoni
tagħhom: “Ippruvaw kollox;
it-tajjeb żommuh” (1 Tess 5:21).
Bħala attenzjoni biex wieħed
jagħraf il-leħen tal-Ispirtu u
jilqa’ s-sejħa tiegħu,
id-dixxerniment hu dimensjoni
essenzjali tal-istil tal-ħajja
ta’ Ġesù, atteġġjament profond
iktar milli xi att puntwali.
Matul l-istorja tal-Knisja
d-diversi spiritwalitajiet
affrontaw it-tema
tad-dixxerniment, b’diversi
aċċentwazzjonijiet anki f’rabta
mad-diversi sensibbiltajiet
kariżmatiċi u epoki storiċi.
Matul is-Sinodu rajna xi
elementi komuni, li ma jneħħux
id-diversità tal-lingwaġġi:
il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja u
fl-istorja ta’ kull persuna;
il-possibbiltà li wieħed jagħraf
fejn Alla jaħdem; ir-rwol
tat-talb, tal-ħajja sagramentali
u tal-axxeżi; il-konfront
kontinwu mal-esiġenzi tal-Kelma
ta’ Alla; il-libertà meta
mqabbla maċ-ċertezzi miksuba;
il-verifika kostanti mal-ħajja
ta’ kuljum; l-importanza ta’
akkumpanjament xieraq.
Ir-riferiment kostituttiv
għall-Kelma u għall-Knisja
105. Bħala
“atteġġjament interjuri
li għandu għeruqu f’att ta’
fidi” (Franġisku,
Diskors fl-1 Kongregazzjoni
Ġenerali tal-XV-il Assemblea
Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu
tal-Isqfijiet, 3 ta’ Ottubru
2018),
id-dixxerniment minnu nnifsu
jwassalna għand il-Knisja, li
l-missjoni tagħha hi li tħabrek
biex kull bniedem jiltaqa’
mal-Mulej li diġà qed jaħdem
f’ħajtu u fil-qalb tiegħu.
Il-kuntest tal-komunità
ekkleżjali jiffavorixxi klima
ta’ fiduċja u ta’ libertà
fit-tiftix tal-vokazzjoni
f’ambjent ta’ ġabra u ta’ talb;
joffri opportunitajiet konkreti
biex wieħed jaqra mill-ġdid
l-istorja tiegħu u jerġa’
jiskopri d-doni u
l-vulnerabbiltajiet tiegħu
fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla;
jgħin lil dak li jkun biex
jikkonfronta ruħu ma’ xhieda li
fihom huma mlaħħma diversi
għażliet tal-ħajja. Anki
l-laqgħa mal-foqra twassal
għall-approfondiment ta’ x’inhu
tabilħaqq essenzjali fil-ħajja,
waqt li s-Sagramenti – b’mod
partikulari l-Ewkaristija u
r-Rikonċiljazzjoni – huma ikel u
għajnuna għal min miexi biex
jiskopri r-rieda ta’ Alla.
Ix-xefaq komunitarju hu dejjem
implikat f’kull dixxerniment, li
qatt ma jista’ jirriduċi ruħu
għad-dimensjoni individwali
biss. Fl-istess waqt, kull
dixxerniment personali jisfida
lill-komunità kollha, iħeġġiġha
biex tagħti widen għal dak li
l-Ispirtu qed jissuġġerilha
permezz tal-esperjenza
spiritwali tal-membri tagħha:
bħal kull min jemmen, anki
l-Knisja hi dejjem
f’dixxerniment.
Il-kuxjenza fid-dixxerniment
Alla jkellem lill-qalb
106. Id-dixxerniment
jitlob l-attenzjoni għal dak li
għaddej fil-qalb ta’ kull
bniedem. Fit-testi bibliċi
jintuża t-terminu “qalb” biex
jindika l-punt ċentrali
tal-interjorità tal-persuna,
fejn is-smigħ tal-Kelma li Alla
kontinwament itarrfilha jsir
kriterju ta’ valutazzjoni
tal-ħajja u tal-għażliet (ara
Salm 139). Il-Bibbja tħares lejn
id-dimensjoni personali, imma
fl-istess waqt tisħaq fuq dik
komunitarja. Lanqas il-“qalb
ġdida” mwiegħda mill-profeti ma
hi don individwali, imma hi għal
Iżrael kollu, li fit-tradizzjoni
u l-istorja salfivika tiegħu hu
inserit l-individwu li jemmen
(ara Eżek 36:26-27). Il-Vanġelu
jkompli fl-istess triq: Ġesù
jisħaq fuq l-importanza
tal-interjorità u jqiegħed
fil-qalb iċ-ċentru tal-ħajja
morali (ara Mt 15:18-20).
L-idea Nisranija ta’ kuxjenza
107. L-Appostlu
Pawlu jkompli jagħni dak li
t-tradizzjoni biblika elaborat
dwar il-qalb billi jqegħedha
f’relazzjoni mat-terminu
“kuxjenza”, li hu jieħu
mill-kultura ta’ żmienu. Hu
fil-kuxjenza li wieħed isib
il-frott tal-laqgħa u
tal-komunjoni ma’ Kristu:
trasformazzjoni salvifika u li
wieħed jilqa’ libertà ġdida.
It-tradizzjoni Nisranija tisħaq
fuq il-kuxjenza bħala post
ipprivileġġjat ta’ intimità
speċjali ma’ Alla u ta’ laqgħa
miegħu, fejn nisimgħu leħnu:
“Il-kuxjenza hija ċ-ċentru
l-aktar moħbi tal-bniedem u
s-santwarju fejn hu jinsab waħdu
ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’
Alla jinstama’ ġo fina”
(Gaudium et spes, n. 16).
Din il-kuxjenza mhix xi smigħ
immedjat u superfiċjali, lanqas
“għarfien tagħna nfusna”: hi
preżenza traxxendenti, li kull
wieħed isib fil-ġewwieni tiegħu,
imma li ma hix proprjetà tiegħu.
Il-formazzjoni tal-kuxjenza
108. Il-formazzjoni
tal-kuxjenza hi mixja li tieħu
l-ħajja kollha u li fiha
nitgħallmu nrawmu fina l-istess
sentimenti ta’ Ġesù Kristu billi
nagħmlu tagħna l-kriterji
tal-għażliet tiegħu u
l-intenzjonijiet ta’ kif kien
jaġixxi (ara Fil 2:5). Biex
nilħqu d-dimensjoni l-iktar
profonda tal-kuxjenza, skont
il-viżjoni Nisranija, importanti
li nieħdu ħsieb tal-interjorità
tagħna, li jfisser qabelxejn
ħinijiet ta’ skiet, ta’
kontemplazzjoni fit-talb u ta’
smigħ tal-Kelma, l-għajnuna li
nieħdu mill-prattika
sagramentali u mit-tagħlim
tal-Knisja. Fuq kollox hemm
bżonn infittxu li ngħixu tajjeb,
u dan nivverifikawh fl-eżami
tal-kuxjenza: taħriġ li fih mhux
sempliċiment naraw x’kienu
d-dnubiet, imma nagħrfu wkoll
kif Alla jaħdem fl-esperjenza
tagħna ta’ kuljum, fil-ġrajjiet
tal-istorja u tal-kulturi li
fihom ngħixu, fix-xhieda ta’
tant irġiel u nisa oħra li ġew
qabilna jew jakkumpanjawna
b’għerfhom. Dan kollu jgħinna
nikbru fil-virtù tal-prudenza,
biex hekk inwettqu l-orjentament
globali ta’ ħajjitna bl-għażliet
konkreti, fl-għarfien seren
tad-doni tagħna imma wkoll
tal-limiti tagħna. Iż-żagħżugħ
Salamun dan id-don talab fuq
kull ħaġa oħra (ara 1 Slat 3:9).
Il-kuxjenza ekkleżjali
109. Il-kuxjenza
ta’ kull min jemmen,
fid-dimensjoni l-aktar personali
tagħha, hi dejjem f’relazzjoni
mal-kuxjenza ekkleżjali. Huwa
biss permezz tal-medjazzjoni
tal-Knisja u tat-tradizzjoni
tagħha ta’ fidi li nistgħu naraw
il-wiċċ awtentiku ta’ Alla li
jidher f’Ġesù Kristu.
Id-dixxerniment spiritwali
għalhekk hu ħidma sinċiera
tal-kuxjenza, fl-impenn
personali li nagħrfu l-ġid
possibbli u fuqu niddeċiedu
b’responsabbiltà fit-tħaddim
korrett tar-raġuni prattika, fi
ħdan u fid-dawl tar-relazzjoni
personali mal-Mulej Ġesù.
Il-prattika tad-dixxerniment
Il-familjarità mal-Mulej
110. Bħala
laqgħa mal-Mulej li jagħmel lilu
nnifsu preżenti fl-intimità
tal-qalb, id-dixxerniment jista’
jinftiehem bħala għamla
awtentika ta’ talb. Għalhekk
jitlob ħinijiet xierqa ta’
ġabra, kemm fir-regolarità
tal-ħajja ta’ kuljum, kemm
fil-mumenti pprivileġġjati, bħal
irtiri, korsijiet tal-eżerċizzi
spiritwali, pellegrinaġġi, u
oħrajn. Dixxerniment serju
jfittex kull okkażjoni biex
jiltaqa’ mal-Mulej u jinżel
iktar fil-fond tal-familjarità
miegħu, fid-diversi xejriet li
fihom hu preżenti:
is-Sagramenti, u b’mod
partikulari l-Ewkaristija u
r-Rikonċiljazzjoni; is-smigħ u
l-meditazzjoni tal-Kelma ta’
Alla, il-Lectio divina
fil-komunità; l-esperjenza
fraterna tal-ħajja komuni;
il-laqgħa mal-foqra li magħhom
jidentifika ruħu l-Mulej Ġesù.
Id-dispożizzjoni tal-qalb
111. Li
niftħu qalbna għas-smigħ
tal-Ispirtu jitlob
dispożizzjonijiet interjuri
preċiżi: l-ewwel waħda hi
l-attenzjoni għall-qalb,
megħjuna mis-silenzju u minn
tbattil minna nfusna li jitlob
axxeżi. Daqstant ieħor
fundamentali huma l-għarfien,
l-aċċettazzjoni tagħna nfusna u
l-indiema, flimkien
mad-disponibbiltà li nqiegħdu
ħajjitna fl-ordni, waqt li
nwarrbu għall-ġenb dak li jidher
bħala xkiel, u niksbu mill-ġdid
il-libertà interjuri meħtieġa
biex nagħmlu għażliet imdawla
biss mill-Ispirtu s-Santu.
Dixxerniment tajjeb jitlob ukoll
attenzjoni għaċ-ċaqliq tal-qalb,
biex nikbru fil-ħila tagħna li
nagħrfuh u nagħtuh isem.
Fl-aħħar nett, id-dixxerniment
jitlob minna l-kuraġġ li
nħabirku fit-taqbida spiritwali,
għax qatt mhuma sa jonqsu
t-tentazzjonijiet u t-tfixkil li
l-Ħażin ipoġġi fi triqitna.
Id-djalogu ta’ akkumpanjament
112. Id-diversi
tradizzjonijiet spiritwali
jaqblu fuq il-fatt li
dixxerniment tajjeb jitlob
konfront regolari bi gwida
spiritwali. Meta dak li nkunu
għexna nesprimuh b’mod awtentiku
u personali permezz tal-kliem,
inkunu niċċarawh. Fl-istess waqt
l-akkumpanjatur għandu funzjoni
essenzjali ta’ konfront estern,
u jsir medjatur tal-preżenza
materna tal-Knisja. Din hi
funzjoni delikata li
ttrattajnieha fil-kapitlu ta’
qabel.
Id-deċiżjoni u l-konferma
113. Id-dixxerniment
bħala dimensjoni tal-istil
tal-ħajja ta’ Ġesù u
tad-dixxipli tiegħu jippermetti
proċessi konkreti li jwassluna
biex noħorġu minn dak li hu vag
u nassumu r-responsabbiltà
tad-deċiżjonijiet li nieħdu.
Għalhekk il-proċessi ta’
dixxerniment ma jistgħux jibqgħu
għaddejjin għal dejjem, kemm
fil-każi ta’ mixjiet personali,
u kemm f’dawk komunitarji u
istituzzjonali. Wara d-deċiżjoni
ssegwi fażi daqshekk ieħor
fundamentali ta’ attwazzjoni u
ta’ verifika fil-ħajja ta’
kuljum. Għaldaqstant hu
indispensabbli li nimxu f’fażi
ta’ smigħ attent ta’ dak li
nħossu ġewwa fina biex nagħtu
widen għal-leħen tal-Ispirtu.
Il-konfront mal-konkretezza
għandu importanza speċifika
f’din il-fażi. B’mod partikulari
bosta tradizzjonijiet spiritwali
jagħrfu l-valur tal-ħajja
fraterna u tal-qadi lill-foqra
bħala l-post tal-prova
tad-deċiżjonijiet li jkunu ħadu
u fejn il-persuna tidher kif
inhi tassew.
114. “U
wieħed lill-ieħor bdew jgħidu:
‘Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa
fina huwa u jkellimna fit-triq u
jfissrilna l-Iskrittura?’. Dak
il-ħin stess qamu u reġgħu lura
Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax
u lil sħabhom miġbura flimkien,
u dawn qalulhom: ‘Il-Mulej qam
tassew, u deher lil Xmun!’. U
huma wkoll tarrfulhom x’kien
ġralhom fit-triq, u kif kienu
għarfuh fil-qsim tal-ħobż”
(Lq 24:32-35).
Mis-smigħ tal-Kelma ngħaddu
għall-ferħ ta’ laqgħa li
timlielna lil qalbna, tagħti
sens lill-eżistenza u tfawwarna
b’enerġija ġdida. L-uċuħ
jixegħlu u l-mixja terġa’ taqbad
b’ħeġġa ġdida: hu d-dawl u
l-qawwa tat-tweġiba vokazzjonali
li jsiru missjoni fil-komunità u
fid-dinja kollha. Bla dewmien u
bla biża’ d-dixxipli reġgħu lura
fuq l-istess passi tagħhom biex
jilħqu lil ħuthom u jagħtu
xhieda tal-laqgħa tagħhom ma’
Ġesù Rxoxt.
Knisja żagħżugħa
Ikona tal-qawmien
115. F’kontinwità
mal-ispirazzjoni Paskwali ta’
Għemmaws, l-ikona ta’ Marija
Maddalena (ara Ġw 20:1-18)
ddawwal il-mixja li l-Knisja
trid twettaq maż-żgħażagħ u
għalihom bħala frott ta’ dan
is-Sinodu: mixja ta’ qawmien li
twassal għat-tħabbira u
għall-missjoni. Maħkuma minn
xewqa qawwija għall-Mulej,
il-Maddalena tisfida d-dalma
tal-lejl u tmur tiġri għand
Pietru u d-dixxiplu l-ieħor;
il-moviment tagħha jdakkar lil
tagħhom, id-dedikazzjoni tagħha
ta’ mara tantiċipa l-mixja
tal-Appostli u tiftħilhom triq
qabilhom. Maż-żerniq ta’ dak
il-jum, l-ewwel wieħed
tal-ġimgħa, tasal is-sorpriża
tal-laqgħa: Marija fittxet għax
ħabbet, imma ssib għax hi
maħbuba. L-Irxoxt iħalliha
tagħrfu meta jsejħilha b’isimha
u jitlobha biex ma żżommux
iżjed, għax il-Ġisem imqajjem
tiegħu mhuwiex xi teżor biex
inżommuh magħluq, imma Misteru
li rridu naqsmuh. Imfejqa
mill-ġrieħi tagħha (ara Lq 8:2)
u xhud tal-qawmien, hi x-xbieha
tal-Knisja żagħżugħa li noħolmu.
Nimxu maż-żgħażagħ
116. Il-passjoni
biex infittxu l-verità, l-għoġba
quddiem il-ġmiel ta’ Alla,
il-ħila li naqsmu ma’ xulxin u
l-ferħ tat-tħabbira jgħammru
llum ukoll fil-qalb ta’ tant
żgħażagħ li huma membri ħajjin
tal-Knisja. Mela hawn m’aħniex
nitkellmu biss fuq x’se nagħmlu
“għalihom”, imma fuq kif ngħixu
f’komunjoni “magħhom”, u hekk
nikbru flimkien fl-għarfien
tal-Vanġelu u fit-tiftix
tax-xejriet l-iżjed awtentiċi
biex ngħixuh u nagħtu xhieda
tiegħu. Il-parteċipazzjoni
responsabbli taż-żgħażagħ
fil-ħajja tal-Knisja mhix xi
għażla, imma esiġenza tal-ħajja
tal-Magħmudija u element
indispensabbli għall-ħajja ta’
kull komunità. It-taħbit u
d-dgħufijiet taż-żgħażagħ
jgħinuna nkunu aħjar,
il-mistoqsijiet tagħhom
jisfidawna, id-dubji tagħhom
iġagħluna nistaqsu aħna wkoll
fuq il-kwalità tal-fidi tagħna.
Anki l-kritika tagħhom għandna
bżonnha, għax mhux darba u tnejn
permezz tagħha nisimgħu leħen
il-Mulej li jitlobna
l-konverżjoni tal-qalb tagħna u
t-tiġdid tal-istrutturi.
Ix-xewqa li nilħqu liż-żgħażagħ
kollha
117. Fis-Sinodu
dejjem staqsejna dwar
iż-żgħażagħ u f’moħħna żammejna
mhux biss lil dawk li huma parti
mill-Knisja u jaħdmu attivament
fiha, imma anki lil dawk kollha
li għandhom viżjonijiet oħra
tal-ħajja, jistqarru twemmin
ieħor jew jiddikjaraw ruħhom
barranin għax-xefaq reliġjuż.
Iż-żgħażagħ kollha, ħadd eskluż,
huma fil-qalb ta’ Alla u
għalhekk anki fil-qalb
tal-Knisja. Imma frankament
nagħrfu li mhux dejjem din
l-affermazzjoni li tidwi fuq
fommna qed issib espressjoni
reali fl-azzjoni pastorali
tagħna: spiss nibqgħu magħluqin
fl-ambjenti tagħna, fejn
il-leħen tagħhom ma jasalx, jew
niddedikaw ruħna għal
attivitajiet inqas esiġenti u
iżjed gratifikanti, u hekk
nifgaw dak it-tħassib pastorali
tajjeb li jaqlagħna minn dawk li
nippretendu li huma ċ-ċertezzi
tagħna. Imma l-Vanġelu qed
jitlobna nissograw u dan irridu
nagħmluh mingħajr preżunzjoni u
mingħajr ma nagħmlu
proselitiżmu, billi nagħtu
xhieda tal-imħabba tal-Mulej u
naqbdu jdejn iż-żgħażagħ kollha
tad-dinja.
Konverżjoni spiritwali,
pastorali u missjunarja
118. Il-Papa
Franġisku spiss ifakkarna li dan
mhux possibbli mingħajr mixja
serja ta’ konverżjoni. Aħna nafu
li dan ma jfissirx biss li
nagħtu bidu għal attivitajiet
ġodda u aħna ma rridux niktbu
“pjanijiet appostoliċi ta’
espansjoni, metikolużi u mirquma
tajjeb, tipiċi ta’ ġenerali
mirbuħa” (Franġisku,
Evangelii gaudium,
n. 96). Nafu li
biex inkunu kredibbli rridu
ngħixu riforma tal-Knisja, li
timplika l-purifikazzjoni
tal-qalb u bidliet fl-istil.
Il-Knisja trid tabilħaqq tħalli
tagħġinha lill-Ewkaristija li
tiċċelebra bħala quċċata u għajn
ta’ ħajjitha: l-għamla tal-ħobż
magħmul minn ħafna żbuliet
tal-qamħ u maqsum għall-ħajja
tad-dinja. Il-frott ta’ dan
is-Sinodu, l-għażla li l-Ispirtu
nebbaħna nagħmlu permezz
tas-smigħ u d-dixxerniment hi li
nimxu maż-żgħażagħ u nersqu lejn
kulħadd biex nagħtu xhieda
tal-imħabba ta’ Alla. Nistgħu
nfissru dan il-proċess billi
nitkellmu fuq sinodalità
għall-missjoni, jew sinodalità
missjunarja: “It-twettiq ta’
Knisja sinodali hu presuppost
indispensabbli għal ċaqliqa
missjunarja ġdida li tinvolvi
lill-Poplu kollu ta’ Alla”.[1]
Hi l-profezija tal-Konċilju
Vatikan II, li għadna ma
għamilniex tagħna fil-profondità
kollha u ma żviluppajniex
fl-implikazzjonijiet tagħha
għall-ħajja ta’ kuljum, kif
fakkarna l-Papa Franġisku meta
qal:
“Il-mixja tas-sinodalità
hi sewwasew il-mixja li Alla
jistenna mill-Knisja tat-tielet
millennju” (Franġisku,
Diskors għat-Tifkira tal-50
anniversarju mit-twaqqif
tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17
ta’ Ottubru 2015).
Aħna konvinti li din l-għażla,
frott it-talb u l-konfront,
tista’ tgħin lill-Knisja, bi
grazzja ta’ Alla, tkun u tidher
b’mod iżjed ċar bħala
ż-“żgħożija tad-dinja”.
KAPITLU I
IS-SINODALITÀ
MISSJUNARJA TAL-KNISJA
Dinamiżmu kostituttiv
Iż-żgħażagħ qed jitolbuna nimxu
flimkien
119. Il-Knisja
flimkien, meta f’dan is-Sinodu
għażlet li tħares lejn
iż-żgħażagħ, għamlet għażla
preċiża: hi tqis din il-missjoni
bħala prijorità pastorali
epokali li fiha trid tinvesti
ż-żmien, l-enerġija u r-riżorsi
tagħha. Sa mill-bidu tal-mixja
ta’ tħejjija ż-żgħażagħ esprimew
ix-xewqa tagħhom li jkunu
involuti, apprezzati u li
jħossuhom koprotagonisti
tal-ħajja u tal-missjoni
tal-Knisja. F’dan is-Sinodu
ħassejna li l-korresponsabbiltà
li ngħixu maż-żgħażagħ Insara hi
għajn ta’ ferħ profond anki
għall-isqfijiet. F’din
l-esperjenza nagħrfu l-frott
tal-Ispirtu li jġedded
kontinwament il-Knisja u
jsejħilha tipprattika
s-sinodalità bħala mod kif tgħix
u taġixxi, waqt li tippromovi
s-sehem tal-imgħammdin kollha u
tal-persuni ta’ rieda tajba,
kull wieħed u waħda skont l-età,
l-istat ta’ ħajja u l-vokazzjoni
tiegħu. F’dan is-Sinodu, doqna
kif il-kolleġġjalità li xxierek
lill-isqfijiet cum Petro et
sub Petro fl-għożża kbira
għall-Poplu ta’ Alla hi msejħa
tiġi mirquma u tistagħna permezz
tal-prattika tas-sinodalità fuq
kull livell.
Il-proċess sinodali jkompli
120. Tmiem
il-ħidma tal-Assemblej u
d-Dokument li jiġbor il-frott
tagħhom ma jagħlqux il-proċess
sinodali, imma huma tappa
tiegħu. Billi l-kundizzjonijiet
konkreti, il-possibbiltajiet
reali u l-ħtiġijiet urġenti
taż-żgħażagħ huma ħafna
differenti minn pajjiż u
kontinent għall-ieħor, imqar
jekk fi ħdan fidi waħda komuni,
nistiednu lill-Konferenzi
Episkopali u lill-Knejjes
partikulari biex jissoktaw b’din
il-mixja, u jħabirku b’risq
proċessi ta’ dixxerniment
komunitarju li jinkludu wkoll
fid-deliberazzjonijiet tagħhom
lil dawk li mhumiex isqfijiet,
kif għamel dan is-Sinodu.
L-istil ta’ dawn il-mixjiet
ekkleżjali għandu jiġbor fih
is-smigħ fratern u d-djalogu
bejn il-ġenerazzjonijiet,
bl-għan li jelaboraw
orjentamenti pastorali
partikularment attenti
għaż-żgħażagħ emarġinati u għal
dawk li għandhom ftit jew xejn
kuntatt mal-komunitajiet
ekkleżjali. Nawguraw li f’dawn
il-mixjiet jieħdu sehem familji,
istituti reliġjużi, għaqdiet,
movimenti u ż-żgħażagħ infushom,
ħalli l-“fjamma” ta’ dak li
għexna f’dawn il-jiem tkompli
tixtered.
L-għamla sinodali tal-Knisja
121. L-esperjenza
li għexna, lill-parteċipanti
tas-Sinodu ġabithom konxji
mill-importanza ta’ għamla
sinodali tal-Knisja
għat-tħabbira u
għat-trasmissjoni tal-fidi.
Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
għenet biex “tqajjem mill-ġdid”
is-sinodalità, li hi “dimensjoni
kostituttiva tal-Knisja.
[…]
Kif jgħid San Ġwann Griżostmu,
‘Knisja u Sinodu huma sinonimi’
– għax il-Knisja mhix ħlief
il-Merħla ta’ Alla li tul
il-mogħdijiet tal-istorja ‘timxi
flimkien’ lejn Kristu l-Mulej” (Franġisku,
Diskors għat-Tifkira tal-50
anniversarju mit-twaqqif
tas-Sinodui tal-Isqfijiet,
17 ta’ Ottubru 2015).
Is-sinodalità
tikkaratterizza kemm il-ħajja u
kemm il-missjoni tal-Knisja, li
hi l-Poplu ta’ Alla magħmul minn
żgħażagħ u anzjani, irġiel u
nisa ta’ kull kultura u xefaq, u
l-Ġisem ta’ Kristu, li fih aħna
membri ta’ xulxin, ibda minn min
hu mixħut fit-truf u mkasbar.
Matul l-iskambji u permezz
tax-xhieda, is-Sinodu ħareġ xi
aspetti fundamentali tal-istil
sinodali, li lejh aħna msejħin
nikkonvertu.
122. Huwa
mir-relazzjonijiet – ma’ Kristu,
mal-oħrajn, fil-komunità – li
tgħaddi l-fidi. Anki fid-dawl
tal-missjoni, il-Knisja hi
msejħa li jkollha wiċċ
relazzjonali li jqiegħed
fiċ-ċentru s-smigħ,
l-akkoljenza, id-djalogu,
id-dixxerniment komuni f’mixja
li tibdel il-ħajja ta’ min jieħu
sehem fiha. “Knisja sinodali hi
Knisja li tisma’, għax taf li
s-smigħ ‘hu iktar milli sempliċi
tisma’ b’widnejk’. Hu smigħ
reċiproku fejn kulħadd għandu
x’jitgħallem. Poplu fidil,
Kulleġġ episkopali, Isqof ta’
Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor;
u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu
s-Santu, l-‘Ispirtu tal-verità’
(Ġw 14:17), biex jagħraf dak li
Hu ‘jgħid lill-Knejjes’ (Apok
2:7)”
(Franġisku,
Diskors għat-Tifkira tal-50
anniversarju mit-twaqqif
tas-Sinodui tal-Isqfijiet,
17 ta’ Ottubru 2015).
B’dan il-mod il-Knisja ssir
it-“tinda tal-laqgħa” li fiha
tinżamm l-Arka tal-Patt (ara Eż
25): Knisja dinamika u
f’moviment, li ssieħeb hija u
timxi, imseddqa minn tant
kariżmi u ministeri. Hekk Alla
jsir preżenti b’dan il-mod.
Knisja parteċipattiva u
korresponsabbli
123. Karatteristika
ta’ dan l-istil ta’ Knisja hi
l-valorizzazzjoni tal-kariżmi li
l-Ispirtu jagħti skont
il-vokazzjoni u r-rwol ta’ kull
wieħed u waħda mill-membri
tiegħu, permezz ta’ dinamiżmu
ta’ korresponsabbiltà. Biex
inwettquha hemm bżonn ta’
konverżjoni tal-qalb u
disponibbiltà għas-smigħ
reċiproku, li jibni sentiment
wieħed komuni effettiv. Moħjija
minn dan l-Ispirtu, nistgħu
nimxu lejn Knisja parteċipattiva
u korresponsabbli, li kapaċi
tivvalorizza l-għana tal-varjetà
li minnha magħmula, u tilqa’
bil-gratitudni anki s-sehem
tal-fidili lajċi, fosthom
żgħażagħ u nisa, dak tal-ħajja
kkonsagrata femminili u maskili,
u dak tal-gruppi, għaqdiet u
movimenti. Ħadd ma għandu
jitwarrab jew iwarrab. Dan hu
l-mod kif nevitaw kemm
il-klerikaliżmu, li jeskludi lil
bosta mill-proċessi deċiżjonali,
u kemm il-klerikalizzazzjoni
tal-lajċi, li tagħlaqhom flok
tgarahom fl-impenn missjunarju
fid-dinja.
Is-Sinodu jitlob li tkun
effettiva u ordinarja
l-parteċipazzjoni attiva
taż-żgħażagħ fil-postijiet ta’
korresponsabbiltà tal-Knejjes
partikulari, kif ukoll
fl-organiżmi tal-Konferenzi
Episkopali u tal-Knisja
universali. Jitlob ukoll li
tissaħħaħ l-attività
tal-Uffiċċju taż-Żgħażagħ fi
ħdan id-Dikasteru tal-Lajċi,
il-Familja u l-Ħajja, anki
permezz tat-twaqqif ta’
organiżmu li jirrappreżenta
liż-żgħażagħ fuq livell
internazzjonali.
Proċessi
ta’ dixxerniment komunitarju
124. L-esperjenza
li “nimxu flimkien” bħala Poplu
ta’ Alla tgħinna nifhmu dejjem
aħjar is-sens tal-awtorità
fl-ottika tas-servizz.
Mir-Ragħajja hi mitluba l-ħila
li jkabbru l-kollaborazzjoni
fix-xhieda u fil-missjoni, u li
jsieħbu proċessi ta’
dixxerniment komunitarju biex
jaqraw is-sinjali taż-żminijiet
fid-dawl tal-fidi u taħt
il-gwida tal-Ispirtu, bis-sehem
tal-membri kollha tal-komunità,
ibda minn min jinsab fit-truf.
Dawk li fil-Knisja huma
responsabbli u għandhom dawn
il-ħiliet jeħtieġu formazzjoni
speċifika għas-sinodalità. Minn
din il-perspettiva jidher
promettenti li nistrutturaw
mixjiet ta’ formazzjoni komuni
bejn lajċi żgħażagħ, reliġjużi u
seminaristi żgħażagħ, b’mod
partikulari fejn jidħlu suġġetti
bħat-tħaddim tal-awtorità u
l-ħidma f’équipe.
Stil għall-missjoni
Il-komunjoni missjunarja
125. Il-ħajja
sinodali tal-Knisja hi
essenzjalment orjentata lejn
il-missjoni: hi “sinjal u
strument tal-għaqda intima ma’
Alla u tal-unità tal-ġens
tal-bnedmin kollu” (Lumen
gentium, n. 1),
sa dakinhar li Alla jsir “kollox
f’kulħadd” (1 Kor 15:28).
Iż-żgħażagħ, miftuħin
għall-Ispirtu, jistgħu jgħinu
lill-Knisja tagħmel il-passaġġ
Paskwali tal-ħruġ “mill-‘jien’
mifhum b’mod individwalistiku
għall-‘aħna’ ekkleżjali, fejn
kull ‘jien’, imlibbes minn
Kristu (ara Gal 2:20), jgħix u
jimxi mal-aħwa bħala suġġett
responsabbli u attiv
fil-missjoni waħdanija tal-Poplu
ta’ Alla” (Kummissjoni
Teoloġika Internazzjonali,
Is-sinodalità fil-ħajja u
fil-missjoni tal-Knisja,
2
ta’ Marzu 2018,
n. 107).
L-istess passaġġ, bil-qawwa
tal-Ispirtu u t-tmexxija
tar-Ragħajja, għandha tagħmlu
l-komunità Nisranija, imsejħa
toħroġ mill-awtoreferenzjalità
tal-“jien”
tal-awtokonservazzjoni tagħha
lejn is-servizz biex jissawwar
“aħna” inklużiv fil-konfront
tal-familja kollha tal-bnedmin u
tal-ħolqien kollu.
Missjoni fi djalogu
126. Din
id-dinamika fundamentali għandha
konsegwenzi preċiżi fuq il-mod
kif inwettqu l-missjoni flimkien
maż-żgħażagħ, li titlob li
niftħu, b’mod ċar u bla
kompromessi, djalogu mal-bnedmin
kollha ta’ rieda tajba. Kif
afferma San Pawlu VI: “Il-Knisja
għandu jkollha djalogu mad-dinja
li fiha tgħix; u minn dan jiġi
li hija stess tgħid xi kelma,
tassew xi messaġġ u tibda
taħdita”
(Ecclesiam suam, n. 67).
F’dinja mmarkata mid-diversità
tal-popli u mill-varjetà
tal-kulturi, li “nimxu flimkien”
hu fundamentali biex nagħtu
kredibbiltà u effikaċja
lill-inizjattivi ta’
solidarjetà, ta’ integrazzjoni,
ta’ promozzjoni tal-ġustizzja, u
biex nuru fiex tikkonsisti
kultura tal-laqgħa u
tal-gratwità.
Proprju ż-żgħażagħ, li jgħixu
ta’ kuljum f’kuntatt ma’ sħabhom
tal-età tagħhom minn
konfessjonijiet Insara,
reliġjonijiet, konvinzjonijiet u
kulturi oħra, qed iħeġġu
lill-komunità Nisranija kollha
biex tgħix l-ekumeniżmu u
d-djalogu interreliġjuż. Dan
jitlob il-kuraġġ tal-parresia
fil-kliem, u dak tal-umiltà
fis-smigħ, biex naslu
għall-axxeżi – u xi drabi
l-martirju – li din timplika.
Lejn il-periferiji tad-dinja
127. Il-prattika
tad-djalogu u t-tiftix ta’
soluzzjonijiet flimkien
jirrappreżentaw prijorità ċara
fi żmien fejn is-sistemi
demokratiċi huma sfidati minn
livelli baxxi ta’
parteċipazzjoni u minn
influwenza sproporzjonata ta’
gruppi żgħar ta’ interess li
m’għandhomx rappreżentanza
wiesgħa fil-popolazzjoni,
bil-periklu ta’ devjazzjonijiet
riduzzjonistiċi, tekniċi u
awtoritarjanisti. Il-fedeltà
lejn il-Vanġelu torjenta dan
id-djalogu lejn it-tiftix ta’
kif nistgħu nagħtu tweġiba
għall-karba doppja tal-foqra u
tal-art
(ara
Franġisku, Laudato
si’, n. 49),
li għaliha ż-żgħażagħ qed juru
sensibbiltà partikulari, billi
ndaħħlu fil-proċessi soċjali
l-ispirazzjoni tal-prinċipji
tad-duttrina soċjali: id-dinjità
tal-persuna, id-destinazzjoni
universali tal-ġid, l-għażla
preferenzjali favur il-foqra,
il-primat tas-solidarjetà,
l-attenzjoni għas-sussidjarjetà,
l-għożża tad-dar komuni tagħna.
L-ebda vokazzjoni fi ħdan
il-Knisja ma tista’ tirfes ’il
barra minn dan id-dinamiżmu
komunitarju ta’ ħruġ u ta’
djalogu, u għalhekk kull sforz
ta’ akkumpanjament hu msejjaħ
jitkejjel ma’ dan ix-xefaq, u
jżomm l-attenzjoni
pprivileġġjata tiegħu fuq
l-iktar foqra u l-iktar
vulnerabbli.
KAPITLU II
NIMXU FLIMKIEN FIL-ĦAJJA TA’
KULJUM
Mill-istrutturi
għar-relazzjonijiet
Mid-delega għall-involviment
128. Is-sinodalità
missjunarja mhix xi ħaġa biss
tal-Knisja fuq livell
universali. L-esiġenza li nimxu
flimkien, u nagħtu xhieda vera
ta’ fraternità f’ħajja
komunitarja mġedda u iżjed
evidenti, tmiss qabelxejn
lill-komunitajiet waħda waħda.
Għalhekk hemm bżonn li f’kull
realtà lokali nerġgħu nqajmu
l-għarfien li aħna poplu ta’
Alla, responsabbli biex inlaħħmu
l-Vanġelu fid-diversi kuntesti u
fi ħdan is-sitwazzjonijiet
kollha tal-ħajja ta’ kuljum. Dan
jitlob li noħorġu mil-loġika
tad-delega li tikkundizzjona
tant l-azzjoni pastorali tagħna.
Nistgħu nirreferu, ngħidu aħna,
għal mixjiet ta’ katekeżi bi
tħejjija għas-sagramenti, li
huma dmir li ħafna familji
jiddelegaw għalkollox
lill-parroċċa. Din il-mentalità
għandha bħala konsegwenza tagħha
li t-tfal jirriskjaw li jifhmu
l-fidi mhux bħala realtà li
ddawwal il-ħajja ta’ kuljum,
imma bħala ġabra ta’ kunċetti u
regoli li jappartienu għal
ambitu separat mill-ħajja
tagħhom. Imma hemm bżonn nimxu
flimkien: il-parroċċa għandha
bżonn tal-familja biex iddewwaq
liż-żgħażagħ ir-realiżmu
tal-ħajja ta’ kuljum tal-fidi;
il-familja min-naħa tagħha
għandha bżonn tal-ministeru
tal-katekisti u tal-istruttura
parrokkjali biex toffri
lill-ulied viżjoni iżjed
organika tal-Kristjaneżmu, biex
tintroduċihom għall-komunità u
tiftħilhom qalbhom għal ixfqa
usa’. Mela mhux biżżejjed
ikollok l-istrutturi, jekk fihom
ma jiżviluppawx relazzjonijiet
awtentiċi; fil-fatt, hi
l-kwalità ta’ dawn
ir-relazzjonijiet li
tevanġelizza.
It-tiġdid tal-parroċċa
129. Il-parroċċa
bilfors trid tkun parti minn dan
il-proċess, biex ikollha l-bixra
ta’ komunità iżjed ġenerattiva,
ambjent li minnu tilma
l-missjoni għal dawk li jinsabu
fl-aħħar post. F’dan il-mument
storiku partikulari qed joħorġu
diversi sinjali li juru kif hi,
f’ħafna każi, mhux qed
jirnexxielha tikkorrispondi
għall-esiġenzi spiritwali
tal-bnedmin ta’ żmienna, fuq
kollox minħabba xi fatturi, li
mmodifikaw bil-kbir l-istili ta’
ħajja ta’ persuna. Fil-fatt qed
ngħixu f’kultura “bla konfini”,
immarkata minn relazzjoni ġdida
fl-ispazju u ż-żmien anki
minħabba l-komunikazzjoni
diġitali, u kkaratterizzata minn
ċaqliq kontinwu. F’dan
il-kuntest, viżjoni tal-azzjoni
parrokkjali mmarkata biss minn
konfini territorjali u li mhix
kapaċi bi proposti diversifikati
tidħol fil-ħajja tal-fidi, b’mod
partikulari taż-żgħażagħ, tkun
qed iżomm lill-parroċċa
f’immobiliżmu inaċċettabbli u
f’ripetettività pastorali
preokkupanti. Għalhekk hu
meħtieġ mod ġdid ta’ kif naħsbu
l-pastorali tal-parroċċa,
f’loġika ta’ korresponsabbiltà
ekkleżjali u ta’ qabża
missjunarja, biex niżviluppaw
sinerġiji fit-territorju. Hekk
biss hi tista’ tidher bħala
ambjent sinifikattiv li miegħu
ż-żgħażagħ jistgħu jidentifikaw
ruħhom.
Strutturi miftuħa u deċifrabbli
130.
Fl-istess direzzjoni ta’ ftuħ u
qsim ikbar, importanti li
l-komunitajiet jistaqsu lilhom
infushom biex jivverifikaw jekk
l-istili tal-ħajja u l-użu
tal-istrutturi humiex jgħaddu
liż-żgħażagħ xhieda tal-Vanġelu
li huma jistgħu jaqraw. Il-ħajja
privata ta’ bosta saċerdoti,
sorijiet, reliġjużi, isqfijiet
hi bla dubju sobrja u impenjata
b’risq in-nies; imma hi kważi
inviżibbli għall-parti l-kbira
tan-nies, fuq kollox
għaż-żgħażagħ. Ħafna minnhom qed
jaraw li d-dinja ekkleżjali
tagħna hi kumplessa wisq biex
jifhmuha; iżommu ’l bogħod
mir-rwoli li nħaddnu u
mill-isterjotipi li jiġu
magħhom. Ejjew nagħmlu mod li
l-ħajja ordinarja tagħna,
fl-espressjonijiet kollha
tagħha, tkun iktar aċċessibbli.
Il-qrubija effettiva, il-qsim
tal-ispazji u ta’ attivitajiet
joħolqu l-kundizzjonijiet għal
komunikazzjoni awtentika, ħielsa
mill-preġudizzji. Hu b’dan
il-mod li Ġesù wassal
it-tħabbira tas-Saltna u hu
f’din it-triq li qed imexxina
llum ukoll l-Ispirtu tiegħu.
Il-ħajja tal-komunità
Mużajk ta’ wċuħ
131. Knisja
sinodali u missjunarja tidher
permezz tal-komunitajiet lokali
li fihom jgħixu ħafna wċuħ. Sa
mill-bidu l-Knisja ma kellhiex
forma riġida u konformanti, imma
żviluppat bħala priżma ta’
persuni b’sensibbiltajiet,
provenjenzi u kulturi
differenti. Proprju b’dan il-mod
hi wriet li fil-ġarar tal-fuħħar
tad-dgħufija umana qed iġġorr
it-teżor bla qies tal-ħajja
Trinitarja. L-armonija li hi don
tal-Ispirtu ma tħassarx
id-differenzi, imma tinsiġhom
flimkien billi tnissel għana
sinfoniku. Din il-laqgħa
fil-fidi waħdanija bejn persuni
differenti hi l-kundizzjoni
fundamentali għat-tiġdid
pastorali tal-komunitajiet
tagħna. Din tinfluwenza
t-tħabbira, iċ-ċelebrazzjoni u
s-servizz, jiġifieri l-oqsma
fundamentali tal-pastorali ta’
kuljum. L-għerf popolari jgħid
li “biex teduka tifel trid raħal
sħiħ”: dan il-prinċipju llum
jgħodd għall-oqsma kollha
tal-pastorali.
Il-komunità fit-territorju
132. It-twettiq
effettiv ta’ komunità b’ħafna
wċuħ jinkludi wkoll l-inseriment
fit-territorju, il-ftuħ
għat-tessut soċjali u l-laqgħa
mal-istituzzjonijiet ċivili.
Komunità magħquda u pluralistika
biss tista’ tippreżenta ruħha
b’mod miftuħ u twassal id-dawl
tal-Vanġelu fl-oqsma tal-ħajja
soċjali li llum qed jisfidawna:
il-kwistjoni ekoloġika,
ix-xogħol, l-għajnuna
lill-familja, l-emarġinazzjoni,
it-tiġdid tal-politika,
il-pluraliżmu kulturali u
reliġjuż, il-mixja b’risq
il-ġustizzja u l-paċi, l-ambjent
diġitali. Dan diġà qed iseħħ
fl-għaqdiet u fil-movimenti
ekkleżjali tagħna. Iż-żgħażagħ
qed jitolbuna biex ma
naffrontawx dawn l-isfidi
waħidna u biex niddjalogaw ma’
kulħadd, mhux biex naqtgħu
għalina felli mill-poter, imma
biex nikkontribwixxu għall-ġid
komuni.
Kerigma
u katekeżi
133. It-tħabbira
ta’ Ġesù Kristu, li miet u
rxoxta, li wriena lill-Missier u
tana l-Ispirtu, hi vokazzjoni
fundamentali tal-komunità
Nisranija. Tagħmel parti minn
din it-tħabbira l-istedina
liż-żgħażagħ biex jagħrfu
fil-ħajja tagħhom is-sinjali
tal-imħabba ta’ Alla u jiskopru
l-komunità bħala post tal-laqgħa
ma’ Kristu. Din it-tħabbira hi
l-pedament, li dejjem jeħtieġ
jiġġedded, tal-katekeżi
taż-żgħażagħ u tagħtiha kwalità
kerigmatika
(ara
Franġisku,
Evangelii gaudium, n.
164).
Irridu nżommu ħaj l-impenn biex
noffru mixjiet li jkomplu u
organiċi li jafu jintegraw:
għarfien ħaj ta’ Ġesù Kristu u
tal-Vanġelu tiegħu, il-ħila li
bil-fidi naqraw l-esperjenza
tagħna u l-ġrajjiet tal-istorja,
akkumpanjament fit-talb u
fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija,
l-introduzzjoni għal-Lectio
divina u l-għajnuna
fix-xhieda tal-karità u
fil-promozzjoni tal-ġustizzja,
biex hekk nipproponu
spiritwalità awtentika
żagħżugħa.
Il-mixjiet kateketiċi għandhom
juru r-rabta qawwija tal-fidi
mal-esperjenza konkreta ta’
kuljum, mad-dinja tas-sentimenti
u tar-rabtiet, mal-ferħ u
mad-delużjonijiet li wieħed
jgħix fl-istudju u fuq
ix-xogħol; jagħrfu jintegraw
id-duttrina soċjali tal-Knisja;
ikunu miftuħa għal-lingwaġġi
tal-ġmiel, tal-mużika u
tad-diversi espressjonijiet
artistiċi, u għax-xejriet
tal-komunikazzjoni diġitali.
Id-dimensjonijiet
tal-korporjetà, tal-affettività
u tas-sesswalità għandna nieħdu
ħsiebhom, ladarba hemm nisġa
qawwija bejn edukazzjoni
għall-fidi u edukazzjoni
għall-imħabba. Għalhekk il-fidi
rridu nifhmuha bħala prattika,
jiġifieri bħala mod kif ngħixu
fid-dinja.
Hu urġenti li fil-katekeżi
taż-żgħażagħ inġeddu l-impenn
b’risq il-lingwaġġi u
l-metodoloġiji, mingħajr ma
nwarrbu qatt minn quddiem
għajnejna dak li hu essenzjali,
jiġifieri l-laqgħa ma’ Kristu,
li hu l-qalba tal-katekeżi. Ġew
apprezzati l-YouCat, id-DoCat u
għodod simili, mingħajr ma
ninsew il-katekiżmi li tawna
d-diversi Konferenzi episkopali.
Hu meħtieġ ukoll impenn imġedded
favur il-katekisti, li spiss
huma żgħażagħ għas-servizz ta’
żgħażagħ oħra, kważi tal-istess
età tagħhom. Importanti nieħdu
ħsieb kif jixraq tal-formazzjoni
tagħhom u nagħmlu mezz li
l-ministeru tagħhom jiġi magħruf
iktar mill-komunità.
Iċ-ċentralità tal-liturġija
134. Iċ-ċelebrazzjoni
Ewkaristika tnissel il-ħajja
tal-komunità u tas-sinodalità
tal-Knisja. Hi l-post
tat-trasmissjoni tal-fidi u
tal-formazzjoni għall-missjoni,
fejn jidher ċar li l-komunità
tgħix bil-grazzja u mhux b’opra
ta’ jdejha. Bil-kliem
tat-tradizzjoni Orjentali
nistgħu naffermaw li l-liturġija
hi laqgħa mal-Qaddej Divin li
jinfaxxa l-ġrieħi tagħna u
jħejji għalina l-ikla tal-festa
tal-Għid, waqt li jibgħatna biex
nagħmlu l-istess ma’ ħutna.
Għalhekk irridu nisħqu b’mod ċar
li l-impenn biex niċċelebrawha
b’sempliċità nobbli u
bl-involviment tad-diversi
ministeri lajkali, hu pass
essenzjali tal-konverżjoni
missjunarja tal-Knisja.
Iż-żgħażagħ urewna li jafu
japprezzaw u jgħixu b’intensità
ċelebrazzjonijiet awtentiċi fejn
il-ġmiel tas-sinjali,
l-attenzjoni għall-predikazzjoni
u l-involviment tal-komunità
tabilħaqq jitkellmu dwar Alla.
Mela għandna nagħmlu minn kollox
biex ngħinu l-parteċipazzjoni
attiva tagħhom, waqt li nżommu
ħaj is-sens ta’ għoġba
għall-Misteru; infittxu x’inhi
s-sensibbiltà mużikali u
artistika tagħhom, imma
ngħinuhom jifhmu li l-liturġija
mhijiex purament espressjoni
tagħna nfusna, imma azzjoni ta’
Kristu u tal-Knisja. Bl-istess
mod, importanti nsieħbu
liż-żgħażagħ biex jiskopru
l-valur tal-adorazzjoni
Ewkaristika bħala prolungament
taċ-ċelebrazzjoni, fejn jgħixu
l-kontemplazzjoni u t-talb
fis-skiet.
135.
Fil-mixjiet ta’ fidi, għandha
importanza kbira wkoll
il-prattika tas-Sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni.
Iż-żgħażagħ għandhom bżonn li
jħossuhom maħbuba, maħfura,
irrikonċiljati u għandhom
nostalġija sigrieta
għat-tgħanniqa ħanina
tal-Missier. Għalhekk huwa
fundamentali li l-presbiteri
joffru disponibbiltà ġeneruża
għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dan
is-sagrament.
Iċ-ċelebrazzjonijiet
penitenzjali komunitarji jgħinu
liż-żgħażagħ jersqu lejn il-qrar
individwali u jagħmlu iżjed
espliċita d-dimensjoni
ekkleżjali ta’ dan is-sagrament.
136. F’ħafna
kuntesti l-pjetà popolari
għandha rwol importanti biex
iż-żgħażagħ jistgħu jersqu
għall-ħajja tal-fidi b’mod
prattiku, sensibbli u immedjat.
Il-pjetà popolari tagħti valur
lil-lingwaġġ tal-ġisem u
l-parteċipazzjoni affettiva, u
hekk iġġib magħha x-xewqa li
wieħed jidħol f’kuntatt ma’ Alla
li jsalva, spiss permezz
tal-medjazzjoni tal-Omm ta’ Alla
u tal-qaddisin.
Il-pellegrinaġġ hu għaż-żgħażagħ
esperjenza ta’ mixja li ssir
metafora tal-ħajja u tal-Knisja:
fil-kontemplazzjoni tal-ġmiel
tal-ħolqien u tal-arti,
fl-għajxien tal-fraternità u
l-għaqda mal-Mulej fit-talb,
jinstabu l-aħjar kundizzjonijiet
għad-dixxerniment.
Il-ġenerożità tad-djakonija
137.
Iż-żgħażagħ jistgħu
jikkontribwixxu biex iġeddu
l-istil tal-komunitajiet
parrokkjali u biex jibnu
komunità fraterna u qrib
tal-foqra. Il-foqra, iż-żgħażagħ
imwarrba, dawk li qed ibatu
l-iżjed, jistgħu jsiru
l-prinċipju tat-tiġdid
tal-komunità. Irridu naraw fihom
is-suġġetti
tal-evanġelizzazzjoni u jgħinuna
ninħelsu mill-mondanità
spiritwali. Spiss iż-żgħażagħ
huma sensibbli għad-dimensjoni
tad-diakonia. Ħafna huma
impenjati attivament
fil-volontarjat u jsibu
fis-servizz it-triq biex
jiltaqgħu mal-Mulej.
Id-dedikazzjoni għall-iktar
foqra hekk issir tassew prattika
tal-fidi, fejn wieħed jifhem dik
l-imħabba “moħlija” li tinsab
fil-qalba tal-Vanġelu u li hi
pedament tal-ħajja Nisranija
kollha. Il-foqra, iċ-ċkejknin,
il-morda, l-anzjani huma l-laħam
ta’ ġisem Kristu li jbati:
għalhekk, fil-qadi tagħhom
inkunu niltaqgħu mal-Mulej u dan
hu spazju pprivileġġjat
għad-dixxerniment tas-sejħa
tagħna. F’diversi kuntesti, hemm
bżonn ukoll ta’ ftuħ partikulari
għall-migranti u r-rifuġjati.
Magħhom irridu naħdmu
għall-akkoljenza,
il-protezzjoni, il-promozzjoni u
l-integrazzjoni. L-inklużjoni
soċjali tal-foqra tagħmel
mill-Knisja d-dar tal-imħabba.
Pastorali maż-żgħażagħ f’ottika
vokazzjonali
Il-Knisja, dar għaż-żgħażagħ
138. Hija
biss dik il-pastorali li għandha
l-ħila tiġġedded, ibda
mill-għożża għar-relazzjonijiet
u mill-kwalità tal-komunità
Nisranija, li tista’ tagħmel
sens għaż-żgħażagħ u tiġbidhom
lejha. Il-Knisja hekk tista’
tippreżenta ruħha lilhom bħala
dar li tilqa’, ikkaratterizzata
minn klima ta’ familja msejsa
fuq il-fiduċja u l-kunfidenza.
Ix-xenqa għall-fraternità, li
ħarġet kemm-il darba mis-smigħ
sinodali taż-żgħażagħ, titlob
mill-Knisja li tkun “dar għal
ħafna, omm għall-ġnus kollha”
(Franġisku, Evangelii
gaudium, n. 288):
il-pastorali għandha d-dmir li
twettaq fl-istorja l-maternità
universali tal-Knisja permezz
ta’ ġesti konkreti u profetiċi
ta’ akkoljenza hienja u
fil-ħajja ta’ kuljum, li jagħmlu
minnha dar għaż-żgħażagħ.
L-animazzjoni vokazzjonali
tal-pastorali
139. Il-vokazzjoni
hi l-fulkru li madwaru jissenslu
d-dimensjonijiet kollha
tal-persuna. Dan il-prinċipju ma
jmissx biss lill-individwu li
jemmen, imma anki l-pastorali
sħiħa. Għalhekk importanti ħafna
niċċaraw li hu biss
fid-dimensjoni vokazzjonali li
l-pastorali kollha tista’ ssib
prinċipju li jgħaqqad kollox,
għax fiha ssib il-bidu tagħha u
l-milja tagħha. Għalhekk,
fil-mixjiet ta’ konverżjoni
pastorali, mhux mitlub minna li
nsaħħu l-pastorali vokazzjonali
bħala xi qasam separat u għalih
waħdu, imma li nanimaw
il-pastorali kollha tal-Knisja u
nippreżentaw b’effikaċja l-kotra
tal-vokazzjonijiet. L-għan
tal-pastorali fil-fatt hu li
ngħinu lil kulħadd u lil kull
wieħed u waħda, permezz ta’
mixja ta’ dixxerniment, biex
jilħaq “il-milja ta’ Kristu”
(Efes 4:13).
Pastorali vokazzjonali
għaż-żgħażagħ
140. Sa
mill-bidu tal-mixja sinodali
ħarġet b’ċerta qawwa l-ħtieġa li
nikkwalifikaw vokazzjonalment
il-pastorali maż-żgħażagħ. B’dan
il-mod joħorġu ż-żewġ
karatteristiċi indispensabbli
għal pastorali maħsuba
għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ:
hi “żagħżugħa”, għax
id-destinatarji tagħha jinsabu
f’dik l-età waħdanija u
irripetibbli tal-ħajja li hi
ż-żgħożija; hi “vokazzjonali”,
għax iż-żgħożija hi l-istaġun
ipprivileġġjat tal-għażliet
tal-ħajja u tat-tweġiba
għas-sejħa ta’ Alla.
Il-“vokazzjonalità”
tal-pastorali maż-żgħażagħ ma
rridux nifhmuha b’mod esklussiv,
imma intensiv. Alla jsejjaħ
fl-etajiet kollha tal-ħajja –
mill-ġuf tal-omm sax-xjuħija –,
imma ż-żgħożija hi l-mument
ipprivileġġjat tas-smigħ,
tad-disponibbiltà u biex wieħed
jilqa’ r-rieda ta’ Alla.
Is-Sinodu jressaq il-proposta li
fuq livell ta’ Konferenza
Episkopali Nazzjonali jinħadem
“Direttorju tal-pastorali
maż-żgħażagħ” f’dawl
vokazzjonali li jista’ jgħin
lir-responsabbli djoċesani u
lill-operaturi lokali biex
jikkwalifikaw il-formazzjoni u
l-azzjoni tagħhom maż-żgħażagħ u
għalihom.
Mill-frammentazzjoni
għall-integrazzjoni
141. Imqar
jekk għarfu li l-programmazzjoni
għal oqsma pastorali hi meħtieġa
biex nevitaw l-improvizzazzjoni,
f’bosta okkażjonijiet il-Padri
sinodali wrew li mhumiex komdi
b’ċerta frammentazzjoni
tal-pastorali tal-Knisja. B’mod
partikulari rreferew għall-bosta
ħidmiet pastorali li jmissu
liż-żgħażagħ: pastorali
maż-żgħażagħ, mal-familji,
vokazzjonali, skolastika u
universitarja, soċjali,
kulturali, karitattiva, tal-ħin
liberu, u l-bqija.
Il-multiplikazzjoni ta’ uffiċċji
speċjalizzati ħafna, imma xi
kultant separati, ma tgħinx biex
il-proposta Nisranija tagħmel
iktar sens. F’dinja frammentata
li iktar ixxerred u
timmultiplika l-appartenenzi,
iż-żgħażagħ għandhom bżonn li
jiġu megħjuna jaslu għal ħajja
magħquda, billi jaqraw fil-fond
l-esperjenzi ta’ kuljum u
jagħmlu dixxerniment fuqhom.
Jekk din hi l-prijorità, hemm
bżonn niżviluppaw kordinament
ikbar u integrazzjoni bejn
id-diversi oqsma, billi ngħaddu
minn ħidma għal “uffiċċji” għal
ħidma għal “proġetti”.
Ir-rabta għammiela bejn
avvenimenti u ħajja ta’ kuljum
142. Matul
is-Sinodu, f’ħafna
okkażjonijiet, issemma l-Jum
Dinji taż-Żgħażagħ u anki
l-ħafna avvenimenti oħra li
jsiru fuq livell kontinentali,
nazzjonali u djoċesan, flimkien
ma’ dawk organizzati minn
għaqdiet, movimenti,
kongregazzjonijiet reliġjużi u
minn suġġetti ekkleżjali oħra.
Dawn il-mumenti ta’ laqgħa u ta’
qsim huma apprezzati kważi
kullimkien għax joffru
l-possibbiltà li nimxu
fil-loġika tal-pellegrinaġġ, li
ngħixu l-fraternità ma’ kulħadd,
li naqsmu l-fidi bil-ferħ u li
nikbru fl-appartenenza
għall-Knisja. Għal ħafna
żgħażagħ kienu esperjenza ta’
trasfigurazzjoni, fejn daqu
l-ġmiel ta’ wiċċ il-Mulej u
għamlu għażliet importanti
fil-ħajja. L-aħjar frott ta’
dawn l-esperjenzi jinġabar
fil-ħajja ta’ kuljum. Għalhekk
importanti nippjanaw u nwettqu
dawn il-mumenti ta’ laqgħa bħala
tappi sinifikattivi fi proċess
siewi usa’.
Ċentri taż-żgħażagħ
143. Spazji
speċifiċi ddedikati
mill-komunità Nisranija
għaż-żgħażagħ, bħall-oratorji u
ċ-ċentri taż-żgħażagħ, u
strutturi oħra simili juru
l-passjoni edukattiva
tal-Knisja. Dawn qed jonqsu
b’ħafna modi, imma għadhom
ambjenti pprivileġġjati li fihom
il-Knisja ssir dar li tilqa’
lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ,
fejn jistgħu jiskopru t-talenti
tagħhom u jqegħduhom
għad-dispożizzjoni fis-servizz.
Dawn jittrasmettu wirt edukattiv
għani ħafna, li għandu jinqasam
fuq skala ikbar, b’għajnuna
lill-familji u lill-istess
soċjetà ċivili.
Imma fid-dinamiżmu ta’ Knisja li
toħroġ hemm bżonn naħsbu
f’tiġdid kreattiv u flessibbli
ta’ din ir-realtà, u ngħaddu
mill-idea ta’ ċentri statiċi,
fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiġu,
għall-idea ta’ suġġetti
pastorali f’moviment ma’ u lejn
iż-żgħażagħ, li allura kapaċi
jiltaqgħu magħhom fil-postijiet
tagħhom tal-ħajja ta’ kuljum –
l-iskola u l-ambjent diġitali,
il-periferiji eżistenzjali,
id-dinja rurali u dik
tax-xogħol, l-espressjoni
mużikali u artistika, u l-bqija
– u hekk inisslu għamla ġdida
ta’ appostolat iktar dinamiku u
attiv.
KAPITLU III
QABŻA MISSJUNARJA MĠEDDA
Xi sfidi urġenti
144. Is-sinodalità
hi l-metodu li bih il-Knisja
tista’ taffronta sfidi qodma u
ġodda, u tista’ tiġbor u
tqiegħed fi djalogu ma’ xulxin
id-doni tal-membri kollha
tagħha, ibda miż-żgħażagħ.
Grazzi għall-ħidma tas-Sinodu,
fl-Ewwel Parti ta’ dan id-Dokument
semmejna xi oqsma li fihom huwa
urġenti nniedu jew inġeddu dan
il-pass tal-Knisja fit-twettiq
tal-missjoni li Kristu fdalha
f’idejha, li hawn qed nippruvaw
naffrontaw b’mod iżjed konkret.
Il-missjoni fl-ambjent diġitali
145. L-ambjent
diġitali jirrappreżenta
għall-Knisja sfida fuq bosta
livelli; għalhekk huwa
essenzjali ninżlu iktar fil-fond
tal-għarfien tagħna tad-dinamika
tiegħu u l-portata li għandu
mill-perspettiva antropoloġika u
etika. Mhux biss jitlob li
ngħixu fih u li nippromovu
l-potenzjalitajiet komunikattivi
tiegħu fid-dawl tat-tħabbira
Nisranija, imma anki li
l-kultura u d-dinamika tiegħu
nimlewha bil-Vanġelu. Xi
esperjenzi f’dan is-sens diġà
għaddejjin u għandna
ninkuraġġuhom, napprofonduhom u
naqsmuhom. Il-prijorità li ħafna
jagħtu lill-immaġni bħala għodda
komunikattiva ma tistax ma
tqanqalx ċerti mistoqsijiet fuq
il-modi kif qed ngħaddu l-fidi
li hi mibnija fuq is-smigħ
tal-Kelma ta’ Alla u fuq il-qari
tal-Iskrittura Mqaddsa.
Iż-żgħażagħ Insara, li bħal
sħabhom twieldu f’dinja
diġitali, hawnhekk isibu
missjoni awtentika, li fiha diġà
hemm minnhom li huma impenjati.
Sadattant huma ż-żgħażagħ stess
li qed jitolbu li jiġu
akkumpanjati f’dixxerniment fuq
il-modi maturi ta’ ħajja
f’ambjent li llum hu
ddiġitalizzat b’ċerta qawwa,
biex hekk jistgħu jaħtfu
l-opportunitajiet u jevitaw
ir-riskji.
146. Is-Sinodu
jawgura li fil-Knisja jitwaqqfu
fil-livelli xierqa Uffiċċji jew
organiżmi adatti għall-kultura u
l-evanġelizzazzjoni diġitali,
li, bil-kontribut essenzjali
taż-żgħażagħ, jippromovu
l-azzjoni u r-riflessjoni
ekkleżjali f’dan il-qasam. Fost
il-funzjonijiet tagħhom, barra
li jiffavorixxu l-qsim u
t-tixrid ta’ prattiċi tajba fuq
livell personali u komunitarju,
u li jiżviluppaw għodda tajba
ta’ edukazzjoni diġitali u ta’
evanġelizzazzjoni, jistgħu wkoll
jħaddmu sistemi ta’
ċertifikazzjoni ta’ siti
Kattoliċi, biex jikxfu t-tixrid
ta’ fake news dwar
il-Knisja, jew ifittxu modi kif
jipperswadu lill-awtoritajiet
pubbliċi biex jippromovu
politika u għodda dejjem iżjed
konvinċenti għall-ħarsien
tal-minuri fuq l-internet.
Migranti:
inwaqqgħu l-ħitan u nibnu
pontijiet
147. Ħafna
migranti huma żgħażagħ.
L-universalità tal-Knisja
toffrilha l-opportunità kbira li
ddaħħal fi djalogu ma’ xulxin
il-komunitajiet li minnhom
jitilqu u dawk li fihom jaslu, u
hekk tikkontribwixxi biex
jingħelbu l-biżgħat u
s-suspetti, u biex jissaħħu
r-rabtiet li l-migrazzjonijiet
qed jirriskjaw li jfarrku.
“Nilqgħu, inħarsu, nippromovu u
nintegraw”, l-erba’ verbi li
bihom il-Papa Franġisku jiġbor
il-linja ta’ azzjoni b’risq
il-migranti, huma verbi
sinodali.
Li nqegħduhom fil-prattika
jitlob l-azzjoni tal-Knisja fuq
kull livell u jinvolvi
lill-membri kollha
tal-komunitajiet Insara.
Min-naħa tagħhom, il-migranti,
imsieħba kif imiss, jistgħu
joffru riżorsi spiritwali,
pastorali u missjunarji
lill-komunitajiet li jilqgħuhom.
Ta’ importanza partikulari hu
l-impenn kulturali u politiku,
li għandu jsir anki permezz ta’
strutturi apposta, biex nitqabdu
kontra t-tixrid tal-ksenofobija,
ir-razziżmu u r-rifjut
tal-migranti. Ir-riżorsi
tal-Knisja Kattolika huma
element vitali fit-taqbida
kontra t-traffikar ta’ bnedmin,
kif jirriżulta ċar fl-opra ta’
ħafna reliġjużi nisa. Ir-rwol
tas-Santa Marta Group, li
jgħaqqad ir-responsabbli
reliġjużi u l-forzi tal-ordni,
hu kruċjali u hu prattika tajba
li nistgħu nispiraw ruħna
minnha. Ma rridux inwarrbu
għall-ġenb lanqas l-impenn biex
niggarantixxu d-dritt effettiv
li jibqgħu f’pajjiżhom ta’ dawk
il-persuni li ma jridux jemigraw
imma jiġu mġiegħla jagħmlu dan,
u l-għajnuna lill-komunitajiet
Insara li l-migrazzjonijiet qed
jheddu li jiżvojtaw għalkollox.
In-nisa fil-Knisja sinodali
148. Knisja
li tfittex li tgħix l-istil
sinodali ma tistax ma
tirriflettix fuq il-qagħda u fuq
ir-rwol tan-nisa fi ħdanha, u
konsegwentement anki
fis-soċjetà. Iż-żgħażagħ dan qed
jitolbuh b’saħħithom kollha.
Ir-riflessjoni li żviluppat
jeħtieġ inwettquha fil-prattika
permezz ta’ opra kuraġġjuża ta’
konverżjoni kulturali u ta’
bidla fil-prattika pastorali ta’
kuljum. Qasam ta’ importanza
partikulari f’dan ir-rigward hu
dak tal-preżenza femminili
fl-organi ekkleżjali fuq kull
livell, anki f’funzjonijiet ta’
responsabbiltà, u
tal-parteċipazzjoni femminili fi
proċess deċiżjonali fil-Knisja
fejn jidħol ir-rwol
tal-ministeru ordnat. Dan hu
dmir lejn il-ġustizzja, li jsib
ispirazzjoni kemm fil-mod li bih
Ġesù mexa mal-irġiel u n-nisa
ta’ żmienu, u kemm fl-importanza
tar-rwol ta’ xi figuri femminili
fil-Bibbja, fl-istorja
tas-salvazzjoni u fil-ħajja
tal-Knisja.
Sesswalità:
kelma ċara, ħielsa, awtentika
149.
Fil-kuntest kulturali ta’
żmienna l-Knisja qed tbati biex
tittrasmetti l-ġmiel tal-viżjoni
Nisranija tal-korporjetà u
tas-sesswalità, hekk kif joħroġ
mill-Iskrittura Mqaddsa,
mit-Tradizzjoni u mill-Maġisteru
tal-aħħar Papiet. Għalhekk
jidher urġenti li nfittxu modi
iżjed xierqa, li jitlaħħmu
konkretement fl-elaborazzjoni
ta’ mixjiet imġedda ta’
formazzjoni. Irridu nipproponu
liż-żgħażagħ antropoloġija
tal-affettività u tas-sesswalità
li kapaċi wkoll tagħti l-valur
ġust lill-kastità, u b’għerf
pedagoġiku turi t-tifsira
l-iktar awtentika biex
il-persuna tista’ tikber,
fl-istati kollha ta’ ħajjitha.
Irridu nisimgħu b’empatija,
nakkumpanjaw u nagħmlu
dixxerniment, fil-linja indikata
mill-Maġisteru riċenti. Għalhekk
irridu nieħdu ħsieb
tal-formazzjoni ta’ operaturi
pastorali kredibbli, ibda
mill-maturazzjoni
tad-dimensjonijiet affettivi u
sesswali tal-persuna.
150. Jeżistu
kwistjonijiet marbuta mal-ġisem,
mal-affettività u mas-sesswalità
li jeħtieġu elaborazzjoni
antropoloġika, teoloġika u
pastorali iktar fil-fond, biex
titwettaq bil-modi u fuq
il-livelli l-iżjed konvenjenti,
minn dawk lokali għal dak
universali. Fost dawn b’mod
partikulari hemm dawk li
għandhom x’jaqsmu mad-differenza
u l-armonija bejn identità
maskili u femminili u
mal-inklinazzjonijiet sesswali.
Dwar dan, is-Sinodu jisħaq li
Alla jħobb lil kull persuna u
hekk ukoll tagħmel il-Knisja,
waqt li ġġedded l-impenn tagħha
kontra kull diskriminazzjoni u
vjolenza fuq bażi sesswali.
Bl-istess mod tafferma mill-ġdid
ir-rilevanza antropoloġika
determinanti tad-differenza u
r-reċiproċità bejn ir-raġel u
l-mara u żżomm li hi ħaġa
riduttiva li tiddefinixxi
l-identità tal-persuni billi
titlaq biss mill-“orjentament
sesswali”
(Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi,
Ittra lill-Isqfijiet
tal-Knisja Kattolika fuq il-kura
pastorali tal-persuni
omosesswali, 1 ta’ Ottubru
1986, n. 16) tagħhom.
Diġà jeżistu f’ħafna
komunitajiet Insara mixjiet ta’
akkumpanjament fil-fidi ta’
persuni omosesswali: is-Sinodu
jirrakkomanda mixjiet bħal dawn.
F’dawn il-mixjiet il-persuni
huma megħjuna jaqraw l-istorja
tagħhom; iwieġbu b’libertà u
responsabbiltà għas-sejħa
tal-Magħmudija tagħhom; jagħrfu
x-xewqa li jappartienu u
jikkontribwixxu għall-ħajja
tal-komunità; u jiddixxernu
l-aħjar modi kif iwettquha.
B’dan il-mod kull żagħżugħ jiġi
megħjun, ħadd eskluż, u
jintegraw dejjem iżjed
id-dimensjoni sesswali
fil-personalità tagħhom, waqt li
jikbru fil-kwalità
tar-relazzjonijiet tagħhom u
jimxu lejn l-għotja tagħhom
infushom.
Ekonomija, politika, xogħol, dar
komuni
151. Il-Knisja
timpenja ruħha fil-promozzjoni
ta’ ħajja soċjali, ekonomika u
politika f’isem il-ġustizzja,
is-solidarjetà u l-paċi, kif
anki ż-żgħażagħ qed jitolbu
b’ċerta qawwa. Dan jitlob minnha
l-kuraġġ li ssir leħen għal min
m’għandux leħen quddiem
il-mexxejja tad-dinja, u
tikkundanna l-korruzzjoni,
il-gwerer, il-kummerċ tal-armi,
it-traffikar tad-droga u l-abbuż
ta’ riżorsi naturali, u
tistieden għall-konverżjoni lil
dawk li huma responsabbli.
F’perspettiva integrali, dan ma
jistax jiġi mifrud mill-impenn
b’risq l-inklużjoni tal-iżjed
dgħajfa, biex hekk niftħu toroq
li jippermettulhom mhux biss li
jsibu tweġiba għall-ħtiġijiet
tagħhom, imma anki li jagħtu
l-kontribut tagħhom b’risq
il-bini tas-soċjetà.
152. Fl-għarfien
li “x-xogħol hu l-qofol
tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art”
(San
Ġwanni Pawlu II, Laborem
exercens, n. 4)
u li n-nuqqas tiegħu hu
umiljanti għal ħafna żgħażagħ,
is-Sinodu jirrakkomanda
lill-Knejjes lokali li
jiffavorixxu u jakkumpanjaw
l-inseriment taż-żgħażagħ f’din
id-dinja, anki bl-għajnuna ta’
inizjattivi ta’ intrapriża
żagħżugħa. Esperjenzi f’dan
is-sens huma mxerrda f’ħafna
Knejjes lokali u għandhom jiġu
mwieżna u msaħħa.
153. Il-promozzjoni
tal-ġustizzja tisfida anki
lill-Knisja fuq kif tieħu ħsieb
tal-ġid tagħha. Iż-żgħażagħ
iħossuhom f’darhom fi Knisja
fejn l-ekonomija u l-finanzi
jingħaxu fit-trasparenza u
fil-koerenza. Għażliet
kuraġġjużi fil-perspettiva
tas-sostenibbiltà, kif indikat
mill-Enċiklika Laudato si’,
huma meħtieġa, għax in-nuqqas
ta’ rispett lejn l-ambjent iġib
faqar ġdid, li tiegħu ż-żgħażagħ
huma l-ewwel vittmi. Is-sistemi
jinbidlu u juru wkoll li
possibbli mod differenti kif
ngħixu d-dimensjoni ekonomika u
finanzjarja. Iż-żgħażagħ
jixprunaw lill-Knisja biex tkun
profetika f’dan il-qasam,
bil-kliem imma fuq kollox
b’għażliet li juru li ekonomija
ħabiba tal-persuna u tal-ambjent
hi possibbli. Flimkien magħhom
nistgħu naslu.
154. Dwar
il-kwistjonijiet ekoloġiċi,
importanti noffru linji gwida
għat-twettiq konkret tal-Laudato
si’ fil-prattika ekkleżjali.
Bosta interventi saħqu fuq
l-importanza li noffru
liż-żgħażagħ formazzjoni
għall-impenn soċjopolitiku u
r-riżorsa li d-duttrina soċjali
tal-Knisja tirrappreżenta f’dan
il-qasam. Iż-żgħażagħ impenjati
fil-politika għandna ngħinuhom u
nagħmlulhom il-qalb biex jistgħu
jaħdmu f’bidla vera
tal-istrutturi soċjali inġusti.
Fil-kuntesti interkulturali u
interreliġjużi
155. Il-pluraliżmu
kulturali u reliġjuż hu realtà
dejjem tikber fil-ħajja soċjali
taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ Insara
joffru xhieda sabiħa tal-Vanġelu
meta jgħixu l-fidi tagħhom b’mod
li jibdel ħajjithom u
l-azzjonijiet tagħhom ta’
kuljum. Huma msejħa jinfetħu
għaż-żgħażagħ ta’
tradizzjonijiet reliġjużi u
spiritwali oħra, jibnu magħhom
relazzjonijiet awtentiċi li
jiffavorixxu l-għarfien
reċiproku u jfejqu l-preġudizzji
u l-isterjotipi. Hekk huma
l-pjunieri ta’ għamla ġdida ta’
djalogu interreliġjuż u
interkulturali, li
jikkontribwixxi biex jeħilsu
s-soċjetajiet tagħna
mill-esklużjoni,
mill-estremiżmu,
mill-fundamentaliżmu u anki
mill-manipulazzjoni tar-reliġjon
għal fini settarji jew
populisti. Xhieda tal-Vanġelu,
dawn iż-żgħażagħ flimkien ma’
sħabhom tal-istess età, isiru
promoturi ta’ ċittadinanza
inklużiva tad-diversità u ta’
impenn reliġjuż soċjalment
responsabbli u kostruttiv
tar-rabta soċjali u tal-paċi.
Riċentement, proprju fuq
proposta taż-żgħażagħ, tnedew
inizjattivi biex joffru
l-opportunità ta’ konvivenza
bejn appartenenti ta’
reliġjonijiet u kulturi
differenti, biex ilkoll, fi
klima ferrieħa u fir-rispett
tat-twemmin rispettiv, ikunu
atturi ta’ impenn komuni u
kondiviż fis-soċjetà.
Iż-żgħażagħ b’risq djalogu
ekumeniku
156. F’dik
li hi l-mixja ta’
rikonċiljazzjoni bejn l-Insara
kollha, is-Sinodu hu
rikonoxxenti għax-xewqa ta’
ħafna żgħażagħ li jgħinu tikber
l-għaqda bejn il-komunitajiet
Insara mifruda. Bl-impenn
tagħhom f’din il-linja, spiss
iż-żgħażagħ jinżlu iktar
fil-fond tal-fidi tagħhom u
jgħixu ftuħ veru lejn dak li
l-oħrajn jistgħu jagħtuhom.
Iħossu li Kristu diġà jgħaqqadna
ħaġa waħda, imqar jekk jibqgħu
xi differenzi. Kif afferma
l-Papa Franġisku fl-okkażjoni
taż-żjara lill-Patrijarka
Bartilmew fl-2014,
huma ż-żgħażagħ “li llum
iħeġġuna nagħmlu passi ’l
quddiem lejn il-komunjoni sħiħa.
U dan mhux għax jinjoraw
it-tifsira tad-differenzi li
għadhom jifirduna, imma għax
jafu jaraw ’il bogħod aktar –
jafu jaraw lil hemm – huma
kapaċi jaraw l-essenzjal li diġà
qed jgħaqqadna” (Franġisku,
Intervent fl-okkażjoni
tal-Liturġija Divina, Knisja
Patrijarkali ta’ San Ġorġ,
Istanbul, 30 ta’ Novembru 2014).
KAPITLU IV
FORMAZZJONI INTEGRALI
Konkretezza,
kumplessità
u
integralità
157. Il-qagħda
attwali hi kkaratterizzata minn
kumplessità dejjem tikber ta’
fenomeni soċjali u
tal-esperjenza individwali.
Fil-konkretezza tal-ħajja
l-bidliet li qed iseħħu
jinfluwenzaw lil xulxin u ma
jistgħux jiġu affrontati b’ħarsa
selettiva. Fil-verità kollox hu
marbut ma’ xulxin: il-ħajja
tal-familja u l-impenn
professjonali, l-użu
tat-tekonoloġiji u l-mod ta’ kif
wieħed jgħix il-ħajja
komunitarja, il-ħarsien
tal-embrijun u dak tal-migrant.
Il-konkretezza tkellimna fuq
viżjoni antropoloġika
tal-persuna bħala totalità u fuq
mod ta’ għarfien li ma jifridx
imma jiġbor ir-rabtiet,
jitgħallem mill-esperjenza għax
jaqraha fid-dawl tal-Kelma,
iħalli jnebbħuh ix-xhieda
eżemplari iżjed milli l-mudelli
astratti. Dan jitlob viżjoni
ġdida ta’ formazzjoni, li
tipponta lejn l-integrazzjoni
tal-perspettivi, tagħmilna
kapaċi nagħrfu n-nisġa
tal-problemi u tagħraf tgħaqqad
id-diversi dimensjonijiet
tal-persuna. Din il-viżjoni hi
f’sintonija profonda ma’ dik
Nisranija li tikkontempla
fl-Inkarnazzjoni tal-Iben
il-laqgħa inseparabbli tad-divin
mal-uman, tal-art mas-sema.
Edukazzjoni, skola u
università
158. Tul
is-Sinodu saret insistenza
partikulari fuq il-ħidma
deċiżiva u li xejn ma jista’
jeħdilha postha tal-formazzjoni
professjonali, tal-iskola u
tal-università, anki għax dawn
huma postijiet fejn il-parti
l-kbira taż-żgħażagħ jgħaddu
ħafna mill-ħin tagħhom. F’xi
naħat tad-dinja l-edukazzjoni
bażilari hi l-ewwel u l-iktar
talba importanti li ż-żgħażagħ
qed jagħmlu lill-Knisja.
Għalhekk għall-komunità
Nisranija hu importanti li
tesprimi preżenza sinifikattiva
f’dawn l-ambjenti b’għalliema
kkwalifikati, kappellaniji
sinifikattivi u impenn kulturali
xieraq.
Jixirqilhom riflessjoni
partikulari l-istituzzjonijiet
edukattivi Kattoliċi, li
jesprimu l-għożża tal-Knisja
għall-formazzjoni sħiħa
taż-żgħażagħ. Dawn huma spazji
prezzjużi għal-laqgħa
tal-Vanġelu mal-kultura ta’
poplu u għall-iżvilupp
tar-riċerka. Huma msejħin
jipproponu mudell ta’
formazzjoni li jkun kapaċi jgħin
fid-djalogu tal-fidi
mal-mistoqsijiet tad-dinja
tal-lum, bid-diversi perspettivi
antropoloġiċi, bl-isfidi
tax-xjenza u tat-teknoloġija,
bil-bidliet fid-drawwiet soċjali
u bl-impenn b’risq il-ġustizzja.
Attenzjoni partikulari f’dan
l-ambjent nagħtuha
lill-promozzjoni tal-kreattività
żagħżugħa fl-oqsma tax-xjenza u
tal-arti, tal-poeżija u
tal-letteratura, tal-mużika u
tal-isport, tad-diġitali u
tal-midja, u l-bqija. B’dan
il-mod iż-żgħażagħ jistgħu
jiskopru t-talenti tagħhom u
mbagħad iqegħduhom
għad-dispożizzjoni tas-soċjetà
għall-ġid ta’ kulħadd.
Nippreparaw formaturi ġodda
159. Il-Kostituzzjoni
appostolika
Veritatis gaudium li
ħarġet dan l-aħħar dwar
l-universitajiet u l-fakultajiet
ekkleżjastiċi pproponiet xi
kriterji fundamentali għal
proġett formattiv li jindirizza
l-isfidi tal-lum:
il-kontemplazzjoni spiritwali,
intellettwali u eżistenzjali
tal-kerigma, id-djalogu fuq kull
livell, it-trans-dixxiplinarjetà
mħaddma bl-għerf u
l-kreattività, u l-ħtieġa
urġenti li “jinħolqu xbieki”
(araVeritatis
gaudium, n. 4, d).
Dawn il-prinċipji jistgħu
jnebbħu l-oqsma kollha
edukattivi u formattivi; jekk
jitħaddmu, l-ewwel ma tgawdi hi
l-formazzjoni ta’ edukaturi
ġodda, u tgħinhom jinfetħu għal
viżjoni għarfa u li kapaċi
tintegra flimkien l-esperjenza u
l-verità. Għandhom missjoni
fundametali fuq livell dinji
l-Universitajiet Pontifiċji u
fuq livell kontinentali u
nazzjonali l-Universitajiet
Kattoliċi u ċ-ċentri ta’ studju.
Il-verifika perjodika,
il-kwalifikazzjoni esiġenti u
t-tiġdid kontinwu ta’ dawn
l-istituzzjonijiet huma
investiment strateġiku kbir
għall-ġid taż-żgħażagħ u
tal-Knisja kollha.
Niffurmaw dixxipli missjunarji
160. Il-mixja
sinodali saħqet fuq ix-xewqa
dejjem tikber li nagħtu spazju u
qafas lill-protagoniżmu
taż-żgħażagħ. Hu ċar li
l-appostolat taż-żgħażagħ ma’
żgħażagħ oħra ma jistax jiġi
improvizzat, imma jrid ikun
frott ta’ mixja formattiva serja
u f’lokha: kif nistgħu
nakkumpanjaw dan il-proċess? Kif
noffru l-aħjar għodda f’idejn
iż-żgħażagħ biex isiru xhieda
awtentiċi tal-Vanġelu? Din
il-mistoqsija taħbat ukoll
max-xewqa ta’ ħafna żgħażagħ li
jsiru jafu aħjar il-fidi
tagħhom: jiskopru l-għeruq
bibliċi tagħha, jifhmu
l-iżvilupp storiku tad-duttrina,
is-sens tad-dommi, l-għana
tal-liturġija. Dan jagħmilha
possibbli għaż-żgħażagħ li
jirriflettu fuq il-kwistjonijiet
attwali fejn il-fidi qed tiġi
ppruvata, biex jagħrfu jagħtu
raġuni għat-tama li hemm fihom
(ara 1 Piet 3:15).
Għalhekk is-Sinodu jipproponi
l-valorizzazzjoni tal-esperjenzi
ta’ missjoni miż-żgħażagħ
permezz tat-twaqqif ta’ ċentri
ta’ formazzjoni
għall-evanġelizzazzjoni maħsuba
għaż-żgħażagħ u għall-koppji
żgħażagħ, b’esperjenza integrali
li tagħlaq bil-mandat
għall-missjoni. Diġà hemm
inizjattivi ta’ din ix-xorta
f’bosta territorji, imma kull
Konferenza Episkopali hi mitluba
tiżen il-fattibbiltà fil-kuntest
partikulari tagħha.
Żmien biex insieħbu lejn
id-dixxerniment
161. Ħafna
drabi dwiet fl-awla sinodali
sejħa ħerqana biex b’ġenerożità
ninvestu passjoni edukattiva,
żmien itwal u anki riżorsi
ekonomiċi għall-ġid
taż-żgħażagħ. Is-Sinodu ġabar
bosta kontributi u xewqat li
ħarġu tul il-konfront sinodali,
flimkien mas-smigħ ta’
esperjenzi kkwalifikati li diġà
qed isiru, u issa qed jipproponi
b’konvinzjoni lill-Knejjes
partikulari kollha,
lill-kongregazzjonijiet
reliġjużi, lill-movimenti,
lill-għaqdiet u lil suġġetti
oħra ekkleżjali li joffru
liż-żgħażagħ esperjenza ta’
akkumpanjament fid-dawl
tad-dixxerniment. Din
l-esperjenza – li t-tul tagħha
jiġi ffissat skont il-kuntest u
l-opportunitajiet – tista’
tissejjaħ żmien maħsub
għall-maturazzjoni tal-ħajja
Nisranija adulta. Fiha
għandu jkun hemm distakk twil
mill-ambjenti u mir-relazzjoni
tas-soltu, u tinbena madwar
tal-inqas tliet aspetti
indispensabbli: esperjenza ta’
ħajja fraterna flimkien ma’
edukaturi adulti li tkun
essenzjali, sobrja u rispettuża
għad-dar komuni; proposta
appostolika qawwija u
sinifikattiva li tingħax
flimkien; offerta ta’
spiritwalità mgħaddsa fit-talb u
fil-ħajja sagramentali. Hekk
ikun fiha l-ingredjenti kollha
meħtieġa biex il-Knisja tista’
toffri liż-żgħażagħ li jixtiequ
esperjenza profonda ta’
dixxerniment vokazzjonali.
Akkumpanjament għaż-żwieġ
162. Nisħqu
fuq l-importanza ta’
akkumpanjament tal-koppji tul
il-mixja ta’ tħejjija
għaż-żwieġ, waqt li nżommu
f’moħħna li hemm bosta modi
leġittimi ta’ kif jistgħu jiġu
organizzati dawn il-mixjiet. Kif
tafferma l-Amoris
lætitia fin-n.
207,
“m’aħniex qed nitkellmu fuq li
nagħtuhom il-Katekiżmu kollu,
lanqas li nimlewhom b’ħafna
argumenti.
[…]
Hi bħal xorta ta’ ‘inizjazzjoni’
għas-sagrament taż-żwieġ li
tfornihom bl-elementi meħtieġa
biex jistgħu jirċevuh bl-aħjar
dispożizzjonijiet u jibdew fuq
is-sod il-ħajja tal-familja”.
Importanti nkomplu nakkumpanjaw
il-familji żgħażagħ, fuq kollox
fl-ewwel snin taż-żwieġ, u
ngħinuhom ukoll ikunu parti
attiva mill-komunità Nisranija.
Il-formazzjoni tas-seminaristi
u tal-ikkonsagrati
163. Il-ħidma
speċifika tal-formazzjoni sħiħa
tal-kandidati għall-ministeru
ordnat u għall-ħajja kkonsagrata
maskili u femminili tibqa’ sfida
importanti għall-Knisja.
Niftakru wkoll fl-importanza ta’
formazzjoni kulturali u
teoloġika soda għall-persuni
kkonsagrati. Dwar is-seminarji,
l-ewwel xogħol ovvjament hu li
naqbdu f’idejna u nittraduċu
f’ħidma r-Ratio
fundamentalis institutionis
sacerdotalis
il-ġdid. Matul is-Sinodu ħarġu
ċerti aspetti importanti, li
tajjeb insemmuhom.
L-ewwel nett, l-għażla
tal-formaturi: mhux biżżejjed li
jkunu kulturalment imħejjija,
imma jridu jkunu kapaċi jidħlu
f’relazzjonijiet fraterni,
jisimgħu b’empatija u jkollhom
profondità interjuri kbira.
It-tieni, għal akkmpanjament
xieraq ikun hemm bżonn ta’ ħidma
serja u kompetenti f’équipe edukattivi
differenti, li jinkludu figuri
femminili. It-twaqqif ta’ dawn
l-équipe formattivi
li fihom jinteraġixxu
vokazzjonijiet diversi hi għamla
ċkejkna imma prezzjuża ta’
sinodalità, li tħalli effett fuq
il-mentalità taż-żgħażagħ
fl-ewwel snin tal-formazzjoni
tagħhom. It-tielet,
il-formazzjoni għandha tfittex
l-iżvilupp, fir-Ragħajja
tal-futur u fl-ikkonsagrati,
tal-ħila li jħaddmu r-rwol
tagħhom ta’ gwida b’mod
awtorevoli u mhux awtoritarju,
billi jedukaw lill-kandidati
żgħażagħ kif jingħataw
għall-komunità. Attenzjoni
partikulari għandha tingħata lil
xi kriterji formattivi: li
jingħelbu t-tendenzi
għall-klerikaliżmu, li jkunu
kapaċi jaħdmu f’équipe,
is-sensibbiltà għall-foqra,
it-trasparenza tal-ħajja,
id-disponibbiltà li jħallu lil
min jakkumpanjahom. Ir-raba’, hi
deċiżiva s-serjetà
tad-dixxerniment tal-bidu, għax
ħafna drabi ż-żgħażagħ li jidħlu
s-seminarju jew f’dar ta’
formazzjoni jiġu milqugħa
mingħajr l-għarfien xieraq u
qari fil-fond tal-istorja
tagħhom. Il-kwistjoni ssir
partikularment delikata fil-każ
ta’ “seminaristi li jitlajjaw ’l
hawn u ’l hinn”: l-instabbiltà
relazzjonali u affettiva
flimkien man-nuqqas ta’ għeruq
fil-ħajja tal-Knisja huma
sinjali perikolużi. Ikun
irresponsabbli li wieħed hawn
jittraskura n-norma ekkleżjali,
u din l-imġiba jista’ jkollha
konsegwenzi gravi ħafna fuq
il-komunità Nisranija. Il-ħames
punt hu dwar il-konsistenza
numerika tal-komunitajiet ta’
formazzjoni: f’dawk kbar wisq
hemm ir-riskju
tal-ispersonalizzazzjoni
tal-mixja u tan-nuqqas ta’
għarfien taż-żgħażagħ fil-mixja,
waqt li dawk wisq żgħar
jirriskjaw li jsiru soffokanti u
jinħakmu minn xi loġika ta’
dipendenza; f’dawn il-każi
l-aħjar soluzzjoni tkun li
jitwaqqfu seminarji
interdjoċesani jew djar ta’
formazzjoni maqsuma bejn iżjed
minn provinċja reliġjuża waħda,
bi proġetti formattivi u
responsabbiltajiet ċari.
164. Is-Sinodu
għandu tliet proposti b’risq dan
it-tiġdid.
L-ewwel hi dwar il-formazzjoni
flimkien ta’ lajċi, ikkonsagrati
u saċerdoti. Importanti nżommu
liż-żgħażagħ fil-formazzjoni
f’kuntatt permanenti mal-ħajja
ta’ kuljum tal-familji u
tal-komunitajiet, b’attenzjoni
partikulari għall-preżenza ta’
figuri femminili u ta’ koppji
Nsara, hekk li l-formazzjoni
jkollha għeruqha fil-konkretezza
tal-ħajja u tkun
ikkaratterizzata minn aspett
relazzjonali li kapaċi
jinteraġixxi mal-kuntest soċjali
u kulturali.
It-tieni proposta timplika li
fil-kurrikulu ta’ tħejjija
għall-ministeru ordnat jew
għall-ħajja kkonsagrata
tiddaħħal preparazzjoni
speċifika dwar il-pastorali
maż-żgħażagħ, permezz ta’
korsijiet ta’ formazzjoni
mmirati lejn esperjenzi ta’
appostolat u ta’
evanġelizzazzjoni li huma jkunu
jistgħu jduqu.
It-tielet proposta titlob li, fi
ħdan dixxerniment awtentiku
tal-persuni u
tas-sitwazzjonijiet skont
il-viżjoni u l-ispirtu tar-Ratio
fundamentalis institutionis
sacerdotalis,
tiġi mgħarbla l-possibbiltà ta’
verifika tal-mixja formattiva
fis-sens esperjenzali u
komunitarju. Dan jgħodd
speċjalment għall-aħħar tappa
tal-mixja li tipprevedi
l-inseriment gradwali
fir-responsabbiltà pastorali.
Il-formuli u l-modalitajiet
jistgħu jiġu indikati
mill-Konferenzi Episkopali ta’
kull pajjiż, permezz tar-Ratio
nationalis
tagħhom.
165.
Id-differenzi vokazzjonali
kollha jinġabru fis-sejħa
waħdanija u universali
għall-qdusija, li fl-aħħar
mill-aħħar ma tistax tkun għajr
il-milja ta’ dik is-sejħa
għall-ferħ u għall-imħabba li
tidwi fil-qalb ta’ kull żagħżugħ
u żagħżugħa. Effettivament, huwa
biss jekk nitilqu minn din
il-vokazzjoni waħdanija
għal-qdusija li nistgħu
nartikulaw ix-xejriet differenti
ta’ ħajja, għax nafu li Alla
“jridna qaddisin u jistenna
minna li ma nikkuntentawx ruħna
b’ħajja ta’ nofs kedda u
medjokri, imxejna,
inkonsistenti” (Franġisku,
Gaudete et exsultate,
n. 1).
Il-qdusija ssib l-għajn bla tarf
tagħha fil-Missier, li permezz
tal-Ispirtu tiegħu jibgħatilna
lil Ġesù, “il-qaddis ta’ Alla”
(Mk 1:24) li ġie fostna biex
jagħmilna qaddisin permezz
tal-ħbiberija miegħu, li jġib
il-ferħ u s-sliem fil-ħajja
tagħna. Il-kundizzjoni
fundamentali għal kull tiġdid hi
li fil-pastorali ordinarja
tagħha l-Knisja tirkupra
l-kuntatt ħaj mal-ħajja hienja
ta’ Ġesù.
Inqajmu d-dinja bil-qdusija
tagħna
166. Jeħtieġ
li nkunu qaddisin biex nistgħu
nistiednu liż-żgħażagħ isiru
qaddisin. Iż-żgħażagħ talbuna
b’qawwa kbira Knisja awtentika,
imdawla, trasparenti, hienja:
Knisja tal-qaddisin biss tista’
twieġeb għal dawn it-talbiet!
Ħafna minnhom telqu l-Knisja
għax fiha ma sabux qdusija, imma
medjokrità, preżunzjoni, firdiet
u korruzzjoni. B’xorti ħażina
d-dinja hi skandalizzata
minħabba fl-abbużi min-naħa ta’
xi persuni tal-Knisja, pjuttost
milli hi mħeġġa mill-qdusija
tal-membri tagħha: għalhekk
il-Knisja flimkien jeħtieġ
tagħmel bidla fil-perspettiva,
deċiża, immedjata u radikali!
Iż-żgħażagħ għandhom bżonn ta’
qaddisin li jsawru qaddisin
oħra, biex hekk juru li “l-qdusija
hi l-isbaħ wiċċ tal-Knisja”
(Franġisku, Gaudete
et exsultate, n. 9).
Jeżisti lingwaġġ li l-bnedmin
ta’ kull żmien, post u kultura
jistgħu jifhmuh, għax hu
immedjat u mdawwal: hu
l-lingwaġġ tal-qdusija.
Imkaxkra mill-qdusija
taż-żgħażagħ
167. Kien
ċar sa mill-bidu tal-mixja
sinodali li ż-żgħażagħ huma
parti integrali mill-Knisja. U
għalhekk hija wkoll parti
integrali l-qdusija tagħhom, li
f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin
warrdet b’mod kotran fin-naħat
kollha tad-dinja: għalina kien
kommoventi li matul is-Sinodu
stajna nikkontemplaw u
nimmeditaw il-kuraġġ ta’ tant
żgħażagħ li ċaħdu lil ħajjithom
biex jibqgħu fidili
għall-Vanġelu; bħal irċivejna
ħajja ġdida meta smajna x-xhieda
taż-żgħażagħ preżenti
għas-Sinodu li qalb tant
persekuzzjonijiet għażlu li
jaqsmu fil-passjoni tal-Mulej
Ġesù. Permezz tal-qdusija
taż-żgħażagħ il-Knisja tista’
ġġedded il-passjoni spiritwali u
l-ħeġġa appostolika tagħha.
Il-balzmu tal-qdusija msawwab
mill-ħajja tajba ta’ tant
żgħażagħ jista’ jdewwi l-ġrieħi
tal-Knisja u tad-dinja, u jerġa’
jwassalna għal dik il-milja
tal-imħabba li għaliha sa minn
dejjem konna msejħa: iż-żgħażagħ
qaddisin qed iħeġġuna biex
nerġgħu lura għal dik l-ewwel
imħabba (ara Apok 2:4).
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
[1]
Kummissjoni Teoloġika
Internazzjonali, Is-sinodalità
fil-ħajja u fil-missjoni
tal-Knisja,
2
ta’ Marzu
2018, n. 9.
Id-dokument juri wkoll
in-natura tas-sinodalità
b’dan il-kliem:
“Id-dimensjoni sinodali
tal-Knisja tesprimi
l-karattru ta’ suġġett
attiv li għandhom
l-Imgħammdin kollha u
flimkien mar-rwol
speċifiku tal-ministeru
episkopali f’komunjoni
kolleġġjali u ġerarkika
mal-Isqof ta’ Ruma. Din
il-viżjoni
ekkleżjoloġika tistieden
għall-promozzjoni
tat-tixrid tal-komunjoni
sinodali bejn ‘kulħadd’,
‘xi wħud’ u ‘wieħed’.
Fuq diversi livelli u
f’diversi għamliet, fuq
il-livell tal-Knejjes
partikulari, fuq dak
tal-ġabriet tagħhom
flimkien fuq livell
reġjonali, u fuq dak
tal-Knisja universali,
is-sinodalità timplika
t-tħaddim tas-sensus
fidei tal-universitas
fidelium (kulħadd),
il-ministeru ta’ gwida
tal-Kulleġġ
tal-Isqfijiet, kull
wieħed bil-presbiterju
tiegħu (xi wħud), u
l-ministeru tal-għaqda
tal-Isqof u tal-Papa
(wieħed). Hekk,
fid-dinamika sinodali,
huma marbuta flimkien
l-aspett komunitarju li
jinkludi l-Poplu kollu
ta’ Alla, id-dimensjoni
kolleġġjali marbuta
mat-tħaddim
tal-ministeru
episkopali, u
l-ministeru ewlieni
tal-Isqof ta’ Ruma. Din
il-korrelazzjoni
tippromovi dik is-singularis
conspiratio bejn
il-fidili u r-Ragħajja
li hi ikona tal-conspiratio
eterna li tgħix
fit-Trinità Qaddisa”
(n. 64).
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard