Laikos

 

MESSAĠĠ LILL-POPLU TA’ ALLA

MIT-XIII-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET

DWAR L-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA GĦAT-TIXTRID TAL-FIDI NISRANIJA

 

Fl-Għoxrin Kongregazzjoni Ġenerali tal-lum, il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2012, il-Padri Sinodali approvaw il-Messaġġ tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet lill-Poplu ta’ Alla, fl-għeluq tat-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet.

Qed nippubblikaw hawn it-test sħiħ miġjub għall-Malti mill-verżjoni Taljana:

 

Għeżież ħutna,

 

“Grazzja lilkom u sliem minn għand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu” (Rum 1:7).  Aħna l-isqfijiet tad-dinja kollha, miġbura fuq stedina ta’ l-Isqof ta’ Ruma l-Papa Benedittu XVI biex nirriflettu fuq “l-evanġelizzazzjoni ġdida għat-trasmissjoni tal-fidi Nisranija”, qabel nerġgħu lura lejn il-Knejjes partikolari tagħna, irridu nduru fuqkom, biex insostnu u norjentaw is-servizz li qed jingħata lill-Vanġelu fid-diversi kuntesti li fihom il-lum qed nagħtu xhieda.

 

1. Bħas-Samaritana ħdejn il-bir

Inħallu ddawwalna paġna tal-Vanġelu: il-laqgħa ta’ Ġesù mal-mara Samaritana (ara Ġw 4:5-42).  M’hemmx raġel jew mara li, f’ħajjithom, ma jsibux ruħhom, bħall-mara mis-Samarija, maġenb il-bir b’ġarra vojta f’idejhom, bit-tama li jsibu x’jissodisfalhom ix-xewqa l-aktar profonda ta’ qalbhom, dak li waħdu jista’ jagħti sens sħiħ lill-eżistenza.  Il-lum ħafna huma l-bjar li jidhru li jistgħu jaqtgħu l-għatx tal-bniedem, imma jaqbel li wieħed jiddixxerni biex jevita ilmijiet imdardra.  Hu importanti li wieħed jorjenta sew it-tiftix tiegħu, biex ma jisfax vittma ta’ delużjonijiet li jistgħu jirvinawh.

 

Bħal Ġesù ħdejn il-bir ta’ Sikar, anki l-Knisja tħoss li għandha tpoġġi bil-qiegħda qrib il-bnedmin ta’ żmienna, biex tagħmel preżenti lill-Mulej f’ħajjithom, hekk li jistgħu jiltaqgħu miegħu, għax hu waħdu hu l-ilma li jagħti l-ħajja vera u dejjiema.  Ġesù biss jaf jaqra fil-qiegħ nett ta’ qalbna u jlaqqagħna mal-verità fuqna nfusna: “Qalli kull ma għamilt”, tistqarr il-mara man-nies tal-belt tagħha.  U din l-aħbar – li magħha tingħaqad il-mistoqsija li tiftaħ lill-bniedem għall-fidi: “Tgħid dan il-Messija?” – turi kif min mil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù rċieva l-ħajja ġdida, issa ma jistax jibqa’ lura milli jsir ħabbâr ta’ salvazzjoni u jwassal lill-belt kollha għand Ġesù.  Mill-fażi li fiha tilqa’ x-xhieda issa n-nies tgħaddi għall-esperjenza personali ta’ din il-laqgħa: Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.

 

2. Evanġelizzazzjoni ġdida

Li nwasslu lill-bnedmin ta’ żmienna għand Ġesù, għal-laqgħa tagħhom miegħu, hi urġenza li tolqot ir-reġjuni kollha tad-dinja, kemm dawk li ilhom evanġelizzati sa mill-antik u kemm dawk li ġew evanġelizzati f’dawn l-aħħar żminijiet.  Fil-fatt kullimkien jinħass il-bżonn li tiġi mġedda din il-fidi li qed tirriskja li tisfa mitfija f’kuntesti kulturali li jxekkluha milli tniżżel għeruqha fil-persuna, il-preżenza soċjali, iċ-ċarezza tal-kontenuti u l-frott koerenti.

 

Ma jfissirx li rridu nibdew kollox mill-ġdid, imma li – bil-ħeġġa appostolika ta’ Pawlu, li jasal biex jgħid: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju!” (1 Kor 9:16) – nidħlu iżjed b’ruħna u b’ġisimna fil-mixja twila ta’ proklamazzjoni tal-Vanġelu li, mill-ewwel sekli ta’ l-epoka Kristjana sal-lum, sieħbet l-istorja u fl-inħawi kollha tad-dinja bniet komunitajiet ta’ bnedmin li jemmnu.  Sew jekk kbar u sew jekk żgħar, dawn huma frott id-dedikazzjoni ta’ missjunarji u ta’ tant martri, ta’ ġenerazzjonijiet ta’ xhieda ta’ Ġesù li lejhom tmur it-tifkira rikonoxxenti tagħna.

 

Ix-xenarji soċjali u kulturali li dejjem jinbidlu qed isejħulna għal xi ħaġa ġdida: biex ngħixu b’mod ġdid l-esperjenza komunitarja tal-fidi tagħna u t-tħabbira tal-Vanġelu, permezz ta’ evanġelizzazzjoni “ġdida fil-ħeġġa tagħha, fil-metodi tagħha, fl-espressjonijiet tagħha” (Ġwanni Pawlu II, Diskors fid-XIX-il Assemblea taċ-CELAM, Port-au-Prince, 9 ta’ Marzu 1983, nru 3), kif qal Ġwanni Pawlu II; evanġelizzazzjoni li, kif fakkarna Benedittu XVI, hi indirizzata “prinċipalment lejn il-persuni, li, għalkemm mgħammda, tbiegħdu mill-Knisja, u qed jgħixu mingħajr ebda riferenza għall-prassi Nisranija […], biex niffavorixxu f’dawn il-persuni laqgħa mal-Mulej, li waħdu jista’ jimla lill-eżistenza tagħna b’tifsira profonda u ta’ paċi; biex niffavorixxu l-iskoperta mill-ġdid tal-fidi, għajn ta’ grazzja li ġġib il-ferħ u t-tama fil-ħajja personali, familjari u soċjali” (Benedittu XVI, Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika għall-Inawgurazzjoni Solenni tat-XIII-il Assemblea Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, Ruma, 7 ta’ Ottubru 2012).

 

3. Il-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu fil-Knisja

Qabel insemmu xi ħaġa fuq il-forom li għandha tieħu din l-evanġelizzazzjoni ġdida, inħossu l-bżonn li ngħidulkom, b’konvinzjoni profonda, li l-fidi tissawwar kollha kemm hi fir-relazzjoni li nibnu mal-persuna ta’ Ġesù, li jiġi hu jiltaqa’ magħna.  Il-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida tikkonsisti f’li nipproponu mill-ġdid lill-qalb u lill-moħħ, spiss aljenati u mħawda, tal-bnedmin ta’ żmienna, jiġifieri l-ewwel nett lilna nfusna, il-ġmiel u n-novità dejjiema tal-laqgħa ma’ Kristu.  Nistednukom ilkoll tikkontemplaw il-wiċċ ta’ Sidna Ġesù Kristu, u tidħlu fil-misteru ta’ l-eżistenza tiegħu, mogħtija għalina sa fuq is-salib, imwettqa bħala don tal-Missier fil-qawmien tiegħu mill-imwiet u mwassla lilna permezz ta’ l-Ispirtu.  Fil-persuna ta’ Ġesù, jinkixef il-misteru ta’ l-imħabba ta’ Alla l-Missier għall-familja kollha tal-bnedmin, li hu ma riedx jitlaqhom jinġarru għal riħhom mill-awtonomija impossibbli tagħhom infushom, imma sejħilhom mill-ġdid fi ħdanu f’patt imġedded ta’ mħabba.

 

Il-Knisja hi dak l-ispazju li Kristu offra fl-istorja biex nistgħu niltaqgħu miegħu, għax hu fdalha l-Kelma tiegħu, il-Magħmudija li tagħmilna wlied Alla, il-Ġisem u d-Demm tiegħu, il-grazzja tal-maħfra tad-dnubiet, fuq kollox fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, l-esperjenza ta’ komunjoni li hi mera ta’ l-istess misteru tat-Trinità Qaddisa, il-qawwa ta’ l-Ispirtu li toħloq l-imħabba lejn kulħadd.

 

Jeħtieġ niffurmaw komunitajiet akkoljenti, fejn dawk kollha li jħossuhom imwarrba jsibu d-dar tagħhom, esperjenzi konkreti ta’ komunjoni, li, bil-qawwa mħeġġa ta’ l-imħabba – “Araw kemm jinħabbu!” (Tertulljani, Apologetico, 39, 7) –, jiġbdu lejhom il-ħarsa deluża ta’ l-umanità kontemporanja.  Il-ġmiel tal-fidi hemm bżonn li jilma, b’mod partikulari, fl-għemejjel tal-Liturġija mqaddsa, l-ewwel u qabel kollox fl-Ewkaristija ta’ nhar ta’ Ħadd.  Hu sewwa sew fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li l-Knisja turi l-wiċċ tagħha ta’ opra ta’ Alla u tagħmel viżibbli, bil-kliem u bil-ġesti, is-sens veru tal-Vanġelu.

 

Minna jonqos li l-lum nagħmlu konkretament aċċessibbli dawn l-esperjenzi ta’ Knisja, li nkattru l-bjar li lejhom nistiednu lill-bnedmin jersqu għatxana u hemm inlaqqgħuhom ma’ Ġesù, li noffru osaijiet fid-deżerti tal-ħajja.  Dan huma responsabbli għalih il-komunitajiet Insara u, fihom, kull dixxiplu tal-Mulej: f’idejn kull persuna hi fdata xhieda li ħadd ma jista’ jagħti ħliefha, biex hekk il-Vanġelu jista’ jiltaqa’ ma’ l-eżistenza ta’ kulħadd; minħabba f’dan, hu mitlub minna li nqaddsu l-ħajja tagħna.

 

 

4. L-okkażjonijiet ta’ laqgħa ma’ Ġesù u s-smigħ ta’ l-Iskrittura

Tiġi waħidha l-mistoqsija kif jista’ jseħħ dan kollu.  M’hux il-każ li nivvintaw strateġiji ġodda, bħallikieku l-Vanġelu kien prodott fuq is-suq tar-reliġjonijiet, imma jeħtieġ niskopru mill-ġdid il-mod kif, fl-istorja ta’ Ġesù, tant persuni resqu lejh u ġew imsejħa minnu, biex inħaddmu dawk l-istess modalitajiet fil-kundizzjonijiet ta’ żmienna.

 

Niftakru, ngħidu aħna, kif Pietru, Indrì, Ġakbu u Ġwanni ġew interpellati minn Ġesù fil-kuntest tax-xogħol tagħhom, kif Żakkew seta’ jgħaddi mis-sempliċi kurżità għall-entużjażmu li bih qasam il-mejda tiegħu ma’ l-Imgħallem, kif iċ-ċenturjun Ruman talbu jindaħal dak in-nhar tal-marda ta’ persuna għażiża għalih, kif l-imwieled agħma talbu jeħilsu mill-emarġinazzjoni tiegħu, kif Marta u Marija raw l-ospitalità ta’ darhom u ta’ qalbhom ippremjata bil-preżenza tiegħu.  Nistgħu nibqgħu sejrin, inqallbu l-paġni tal-vanġeli, u nsibu min jaf kemm modi oħra kif il-ħajja tal-persuni, fl-aktar kundizzjonijiet differenti, infetħet għall-preżenza ta’ Kristu.  U l-istess nistgħu nagħmlu b’dak li l-Iskrittura tirrakkonta fuq l-esperjenzi missjunarji ta’ l-Appostli fil-Knisja tal-bidu.

 

Il-qari ta’ spiss mill-Iskrittura Mqaddsa, imdawwal mit-Tradizzjoni tal-Knisja, li hi dik li tgħaddihielna u hi l-interpretu awtentiku tagħha, m’hux biss passaġġ obbligatorju biex nistgħu nsiru nafu l-kontenut tal-Vanġelu, jiġifieri l-persuna ta’ Ġesù fil-kuntest ta’ l-istorja tas-salvazzjoni, imma jgħinna wkoll niskopru spazji fejn niltaqgħu miegħu, modalitajiet tassew evanġeliċi, li għandhom għeruqhom fid-dimensjonijiet l-iktar profondi tal-ħajja tal-bniedem: il-familja, ix-xogħol, il-ħbiberija, il-faqar u l-provi tal-ħajja, u l-bqija.

 

5. Nevanġelizzaw lilna nfusna u ninfetħu għall-konverżjoni

Imma niżbaljaw jekk naħsbu li l-evanġelizzazzjoni ġdida ma tolqotx lilna fl-ewwel post.  F’dawn il-jiem, kemm-il darba fostna l-Isqfijiet instemgħu ilħna li fakkruna li, biex tista’ tevanġelizza lid-dinja, il-Knisja jeħtieġ qabel xejn toqgħod hi tisma’ l-Kelma.  L-istedina biex nevanġelizzaw tittraduċi ruħha f’sejħa għall-konverżjoni.

 

Inħossu tabilħaqq li qabel xejn għandna nikkonvertu lilna nfusna u ninħakmu minn Kristu, li waħdu kapaċi jġedded kollox, fuq kollox l-eżistenzi foqra tagħna.  Bl-umiltà kollha jeħtieġ nagħrfu li l-faqar u d-dgħufijiet tad-dixxipli ta’ Ġesù, speċjalment tal-ministri tiegħu, huma bħal piż fuq il-kredibbiltà tal-missjoni.  Żgur li aħna konxji, l-ewwel nett aħna l-Isqfijiet, li ma nistgħu qatt nissodisfaw għal kollox is-sejħa li ssirilna min-naħa tal-Mulej u t-tixrid tal-Vanġelu tiegħu għat-tħabbira lill-ġnus.  Nafu li jeħtieġ nagħrfu bl-umiltà kollha l-vulnerabbiltà tagħna għall-ġrieħi ta’ l-istorja u ma nibqgħux lura milli nagħrfu d-dnubiet personali tagħna.  Imma aħna wkoll konvinti li l-qawwa ta’ l-Ispirtu tal-Mulej tista’ ġġedded il-Knisja tiegħu u tagħmel li l-libsa tagħha tilma bid-dija, jekk inħalluh jagħġinna kif irid hu.  Dan juruh il-ħajjiet tal-qaddisin, li t-tifkira u l-ġrajja tagħhom huma strument ipprivileġġjat ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.  Kieku dan it-tiġdid kellu jiġi fdat lill-isforzi tagħna, kien ikun hemm raġunijiet serji għaliex wieħed jiddubita, imma l-konverżjoni, bħall-evanġelizzazzjoni, fil-Knisja għandha bħala atturi ewlenin mhux lilna, bnedmin imsejkna, imma lill-istess Spirtu tal-Mulej.  Hawn qiegħda l-qawwa u ċ-ċertezza tagħna li l-ħażen m’hu sa jkollu qatt l-aħħar kelma, la fil-Knisja u lanqas fl-istorja: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’”, qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu (Ġw 14:27).

 

Il-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida sserraħ fuq din iċ-ċertezza serena.  Aħna għandna fiduċja fl-ispirazzjoni u fil-qawwa ta’ l-Ispirtu, li jgħallimna dak li għandna ngħidu u nagħmlu, anki qalb il-mewġ l-aktar diffiċli.  Hu dmir tagħna, għalhekk, nirbħu l-biża’ bil-fidi, il-qtigħ il-qalb bit-tama, l-indifferenza bl-imħabba.

 

6. Naħtfu fid-dinja tallum opportunitajiet ġodda ta’ evanġelizzazzjoni

Dan il-kuraġġ seren isostni wkoll il-ħarsa tagħna lejn id-dinja ta’ żmienna.  Ma nħossuniex imbeżżgħa mill-kundizzjonijiet taż-żminijiet li qed ngħixu fihom.  Tagħna hi dinja miżgħuda b’kontradizzjonijiet u bi sfidi, imma tibqa’ ħolqien ta’ Alla li, għalkemm miġruħ mill-ħażen, jibqa’ d-dinja li Alla jħobb, art tiegħu, fejn tista’ tibqa’ tiġi mġedda ż-żerriegħa tal-Kelma biex tista’ tagħmel il-frott.

 

M’hemmx spazju għall-pessimiżmu fil-ħsibijiet u l-qlub ta’ dawk li jafu li s-Sid tagħhom rebaħ lill-mewt u li l-Ispirtu tiegħu jaħdem b’qawwietu fl-istorja.  B’umiltà, imma wkoll b’rieda soda – dik li ġejja miċ-ċertezza li l-verità fl-aħħar għad tirbaħ –, nersqu lejn din id-dinja u rridu nurukom l-istedina ta’ Alla biex tkunu xhieda ta’ Ismu.  Il-Knisja tagħna hi ħajja u qed taffronta bil-kuraġġ tal-fidi u x-xhieda ta’ tant minn uliedha l-isfidi li tippreżentalha l-istorja.

 

Nafu li fid-dinja jkollna nħabbtu wiċċna ma’ ġlieda qalila kontra “il-Prinċipati u s-Setgħat”, “l-ispirti ħżiena” (Efes 6:12).  M’aħniex naħbu li dawn l-isfidi jqegħdulna quddiemna diversi problemi, imma dawn ma jbeżżgħuniex.  Dan jgħodd fuq kollox għall-fenomeni ta’ globalizzazzjoni, li għandhom ikunu għalina opportunitajiet biex inxerrdu iktar il-preżenza tal-Vanġelu.  Hekk anki l-emigrazzjoni – ukoll bil-piż tat-tbatijiet li ġġib magħha u li lejhom nixtiequ nkunu tassew qrib bl-akkoljenza ta’ l-aħwa – hi okkażjoni, kif seħħ fil-passat, ta’ tixrid tal-fidi u tal-komunjoni bejn il-varjetà ta’ għamliet tagħha.  Is-sekularizzazzjoni, imma anki l-kriżi ta’ l-eġemonija tal-politika u ta’ l-Istat, qed jitolbu mill-Knisja li tikkunsidra mill-ġdid il-preżenza tagħha fis-soċjetà, mingħajr imma ma tirrinunzjaha.  Id-diversi forom dejjem ġodda ta’ faqar jiftħu spazji ġodda għas-servizz tal-karità: ix-xandir tal-Vanġelu jimpenja lill-Knisja biex tkun mal-foqra u tieħu fuqha t-tbatijiet tagħhom, kif għamel Ġesù.  Anki fil-forom l-aktar qarsa ta’ ateiżmu u anjostiċiżmu nħossu li nistgħu nilmħu, anki jekk f’modi kontradittorji, mhux il-vojt, imma n-nostalġija, stennija għal tweġiba adegwata.

 

Quddiem il-mistoqsijiet li l-kulturi dominanti jagħmlu lill-fidi u lill-Knisja, inġeddu l-fiduċja tagħna fil-Mulej, ċerti li anki f’dawn il-kuntesti l-Vanġelu hu musbieħ li jġorr id-dawl u kapaċi jfejjaq kull dgħufija fil-bniedem.  Mhux aħna li qed immexxu l-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni, imma Alla, kif fakkarna l-Papa: “L-ewwel kelma, l-inizjattiva vera, l-attività vera ġejja minn Alla, u hu biss billi nidħlu f’din l-inizjattiva divina, billi nitolbu lil din l-inizjattiva divina, li nistgħu aħna wkoll – miegħu u fih – insiru evanġelizzaturi” (Benedittu XVI, Meditazzjoni fl-ewwel Kongregazzjoni Ġenerali tat-XIII-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, Ruma, 8 ta’ Ottubru 2012).

 

7. Evanġelizzazzjoni, familja u ħajja kkonsagrata

Sa mill-ewwel evanġelizzazzjoni, it-trasmissjoni tal-fidi mal-medda tal-ġenerazzjonijiet sabet il-post naturali tagħha fil-familja.  Fiha – bi rwol għal kollox speċjali mħaddan min-nisa, imma b’dan ma rridux inċekknu l-figura tal-missier u r-responsabbiltà tiegħu – is-sinjali tal-fidi, il-komunikazzjoni ta’ l-ewwel veritajiet, l-edukazzjoni għat-talb, u x-xhieda tal-frott ta’ l-imħabba ġew imdaħħla fl-eżistenza tat-tfal u l-ulied, fil-kuntest tal-kura li kull familja tinvesti fit-trobbija taċ-ċkejknin tagħha.  Anki fid-diversità tas-sitwazzjonijiet ġeografiċi, kulturali u soċjali, l-Isqfijiet fis-Sinodu reġgħu kkonfermaw dan ir-rwol essenzjali tal-familja fit-trasmissjoni tal-fidi.  Ma nistgħux nimmaġinaw evanġelizzazzjoni ġdida mingħajr ma nħossu responsabbiltà preċiża lejn it-tħabbira tal-Vanġelu lill-familji u mingħajr ma noffrulhom sostenn fil-missjoni edukattiva tagħhom.

 

Ma nistgħux naħbu l-fatt li l-lum kull familja, li titwaqqaf fiż-żwieġ bejn raġel wieħed u mara waħda, li jagħmilhom “ġisem wieħed” (Mt 19:6) miftuħ għall-ħajja, kullimkien qed tħabbat wiċċha ma’ fatturi ta’ kriżi, imdawra kif inhi minn mudelli ta’ ħajja li jiżvantaġġjawha, ittraskurata mill-politika ta’ dik is-soċjetà li tagħha hi saħansitra ċ-ċellula fundamentali, mhux dejjem irrispettata fir-ritmi tagħha u mwieżna fl-impenji tagħha mill-istess komunitajiet ekkleżjali.  Hu propju dan, imma, li jistimulana biex ngħidu li għandu jkollna għożża partikulari għall-familja u għall-missjoni tagħha fis-soċjetà u fil-Knisja, billi niżviluppaw mixjiet ta’ akkumpanjament qabel u wara ż-żwieġ.  Irridu wkoll nesprimu l-gratitudni tagħna lejn tant koppji miżżewġa u tant familji Nsara li, bix-xhieda tagħhom, qed juru lid-dinja esperjenza ta’ komunjoni u ta’ servizz li hi ż-żerriegħa ta’ soċjetà iktar fraterna u f’paċi magħha nfisha.

 

Ħsiebna jmur ukoll lejn dawk is-sitwazzjonijiet familjari u ta’ konvivenza li fihom m’hix riflessa dik ix-xbieha ta’ għaqda u ta’ mħabba għall-ħajja kollha li ħallielna l-Mulej.  Hemm koppji li jgħixu flimkien mingħajr ir-rabta sagramentali taż-żwieġ; qed joktru sitwazzjonijiet ta’ familji irregolari mibnija wara l-falliment ta’ żwiġijiet preċedenti: sitwazzjonijiet ta’ wġigħ il-qalb fejn tmur minn taħt ukoll l-edukazzjoni ta’ l-ulied fil-fidi.  Lil dawn kollha nixtiequ ngħidulhom li l-imħabba tal-Mulej ma titlaq lil ħadd waħdu, li anki l-Knisja tħobbhom u hi dar li tilqa’ lil kulħadd, li huma jibqgħu membri tal-Knisja anki jekk ma jistgħux jirċievu l-assoluzzjoni sagramentali u l-Ewkaristija.  Il-komunitajiet Kattoliċi għandhom jilqgħu lil kull min qed jgħix f’sitwazzjonijiet bħal dawn u jsostnu mixjiet ta’ konverżjoni u ta’ rikonċiljazzjoni.

 

Il-ħajja tal-familja hi l-ewwel post fejn il-Vanġelu jiltaqa’ ma’ l-ordinarjetà tal-ħajja u juri l-kapaċità tiegħu li jibdel il-kundizzjonijiet fundamentali ta’ l-eżistenza fl-orizzont ta’ l-imħabba.  Imma m’hux b’inqas importanti għax-xhieda tal-Knisja li din turi kif din il-ħajja fiż-żmien issib il-milja tagħha lil hemm mill-istorja tal-bnedmin u ssib il-qofol tagħha fil-komunjoni eterna ma’ Alla.  Quddiem il-mara Samaritana, Ġesù ma ppreżentax ruħu biss bħala dak li jagħti l-ħajja, imma bħala dak li jagħti “il-ħajja tad-dejjem” (Ġw 4:14).  Id-don ta’ Alla, li l-fidi tagħmel preżenti, m’hux sempliċement il-wegħda ta’ kundizzjonijiet aħjar f’din id-dinja, imma t-tħabbira li s-sens aħħari tal-ħajja tagħna jinsab lil hemm minn din id-dinja, f’dik il-komunjoni sħiħa ma’ Alla li nistennew li sseħħ fl-aħħar taż-żminijiet.

 

Fil-Knisja u fid-dinja huma xhieda partikulari ta’ dan ix-xefaq tas-sens ta’ l-eżistenza umana li jmur lil hinn minn din l-art, dawk kollha li l-Mulej sejjaħ għall-ħajja kkonsagrata, ħajja li, sewwa sew għax hi kkonsagrata kollha kemm hi lilu, fl-eżerċizzju tal-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza, hi s-sinjal ta’ dinja futura li tirrelativizza kull ġid ta’ din id-dinja.  Mill-Assemblea tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet toħroġ il-gratitudni għall-fedeltà ta’ dawn ħutna rġiel u nisa lejn is-sejħa tal-Mulej u għall-kontribut li taw u qed jagħtu lill-missjoni tal-Knisja, l-eżortazzjoni għat-tama f’sitwazzjonijiet xejn faċli anki għalihom f’dawn iż-żminijiet ta’ bidla, u l-istedina biex jikkonfermaw ruħhom bħala xhieda u ħabbâra ta’ evanġelizzazzjoni ġdida fid-diversi oqsma tal-ħajja li fihom il-kariżma ta’ kull wieħed mill-istituti tagħhom tqiegħdhom.

 

8. Il-komunitajiet ekkleżjali u l-ħafna ħaddiema ta’ l-evanġelizzazzjoni

Il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni m’hix il-missjoni ta’ xi ħadd fil-Knisja, imma tal-komunitajiet ekkleżjali bħala tali, il-post fejn wieħed għandu aċċess għall-milja ta’ l-istrumenti tal-laqgħa ma’ Ġesù: il-Kelma, is-sagramenti, il-komunjoni bejn l-aħwa, is-servizz tal-karità, il-missjoni.

 

Minn din il-perspettiva joħroġ qabel kollox ir-rwol tal-parroċċa, bħala preżenza tal-Knisja fit-territorju fejn jgħixu l-bnedmin, “għajn tal-villaġġ”, kif kien iħobb isejħilha Ġwanni XXIII, li lejha lkoll jistgħu jersqu biex jixorbu u jsibu l-messaġġ frisk tal-Vanġelu.  Ir-rwol tagħha jibqa’ indispensabbli, anki jekk il-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu jistgħu jesiġu kemm l-artikulazzjoni tagħha f’komunitajiet żgħar u kemm rabtiet ta’ kollaborazzjoni f’kuntesti iktar wesgħin.  Inħossu l-lum li għandna nitolbu lill-parroċċi tagħna biex flimkien mal-kura pastorali tradizzjonali tal-poplu ta’ Alla, jagħmlu użu mill-forom ġodda ta’ missjoni mitluba mill-evanġelizzazzjoni ġdida.  Dawn għandhom jidħlu wkoll fil-bosta espressjonijiet importanti tal-pjetà popolari.

 

Fil-parroċċa jibqa’ deċiżiv il-ministeru tas-saċerdot, missier u ragħaj tal-poplu tiegħu.  L-Isqfijiet ta’ din l-Assemblea Sinodali jħossuhom qrib dawn ħuthom u jesprimu gratitudni lejn il-presbiteri kollha għall-ħidma xejn faċli tagħhom, u jistednuhom għal rabtiet aktar stretti fil-presbiterju djoċesan, għal ħajja spiritwali dejjem iktar intensa, għal formazzjoni permanenti li tħejjihom sew biex jaffrontaw il-bidliet.

 

Flimkien mal-presbiteri, ta’ min isostni l-preżenza tad-djakni, kif ukoll l-azzjoni pastorali tal-katekisti u ta’ tant figuri oħra ministerjali u ta’ animazzjoni fil-qasam tat-tħabbir u tal-katekeżi, tal-ħajja liturġika, tas-servizz karitattiv, kif ukoll id-diveri forom ta’ partiċipazzjoni u ko-responsabbiltà min-naħa tal-fidili, irġiel u nisa, li qatt ma nistgħu nkunu biżżejjed rikonoxxenti lejn id-dedikazzjoni tagħhom fl-għadd ta’ servizzi fil-komunitajiet tagħna.  Anki lil dawn kollha nitolbuhom iqiegħdu l-preżenza u s-servizz tagħhom fil-Knisja fl-ottika ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida, billi jfittxu li jxettlu fihom il-formazzjoni umana u Nisranija, l-għarfien tal-fidi u s-sensibbiltà għall-fenomeni kulturali ta’ żminijietna.

 

F’din il-ħarsa tagħna lejn il-lajċi, kelma partikulari tmur għall-bosta għamliet ta’ għaqdiet qodma u ġodda, u magħhom għall-movimenti ekkleżjali u l-komunitajiet ġodda, kollha espressjonijiet ta’ l-għana tad-doni li l-Ispirtu jrodd lill-Knisja.  Anki lejn dawn il-forom ta’ ħajja u ta’ impenn fil-Knisja nesprimu l-gratitudni tagħna, u nsejħulhom għall-fedeltà lejn il-kariżma tagħhom u għal komunjoni ekkleżjali konvinta, fil-forma attwali tagħhom fil-kuntest konkret tal-Knejjes partikulari.

 

Ix-xhieda tal-Vanġelu m’hix privileġġ ta’ xi ħadd.  B’ferħ kbir nagħrfu l-preżenza ta’ tant irġiel u nisa li bil-ħajja tagħhom isiru sinjal tal-Vanġelu fid-dinja.  Nilmħuhom anki f’tant ħutna Nsara li sfortunatament l-għaqda magħhom għadha m’hix perfetta, imma li xorta huma mmarkati bil-Magħmudija tal-Mulej u huma ħabbâra tiegħu.  Kienet esperjenza kommoventi dik ta’ dawn il-jiem meta smajna l-ilħna ta’ tant mexxejja awtorevoli ta’ Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali jagħtuna xhieda ta’ l-għatx tagħhom għal Kristu u tad-dedikazzjoni tagħhom għat-tħabbir tal-Vanġelu, anki huma konvinti li d-dinja għandha bżonn ta’ evanġelizzazzjoni ġdida.  Aħna grati lejn il-Mulej għal din l-għaqda fl-esiġenza tal-missjoni.

 

9. Biex iż-żgħażagħ jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu

Iż-żgħażagħ huma għal qalbna b’mod tassew partikulari, għax huma, li huma parti rilevanti mill-preżent ta’ l-umanità u tal-Knisja, huma wkoll il-futur tagħhom.  Anki fil-konfront tagħhom il-ħarsa ta’ l-Isqfijiet hi kollox barra pessimista.  Imħassba iva, imma mhux pessimista.  Imħassba għax propju fuqhom jagħfsu l-pressjonijiet l-aktar aggressivi taż-żminijiet; imma mhux pessimista, qabel xejn għax, intennu, l-imħabba ta’ Kristu hi dik li tħarrek lill-istorja mill-qiegħ tagħha, imma anki għax nistgħu nilmħu fiż-żgħażagħ tagħna aspirazzjonijiet profondi ta’ awtentiċità, ta’ verità, ta’ libertà, ta’ ġenerożità, li għalihom aħna konvinti li Kristu hu t-tweġiba li tissodifa.

 

Irridu nsostnuhom fit-tiftix tagħhom u nħeġġu lill-komunitajiet tagħna biex jidħlu mingħajr riservi f’perspettiva ta’ smigħ, ta’ djalogu u ta’ proposta kuraġġjuża fil-kundizzjoni diffiċli taż-żgħażagħ.  U dan biex jifdu, u mhux jeqirdu, il-qawwa ta’ l-entużjażmu tagħhom; u biex isostnu għall-ġid tagħhom il-battalja ġusta kontra l-fehmiet komuni u l-ispekulazzjonijiet interessati tal-qawwiet tad-dinja, interessati li jixorbulhom l-enerġiji kollha u jikkonsmaw il-ħeġġa tagħhom biex jieħdu vantaġġ huma, u dan jagħmluh billi jisirqulhom kull sens ta’ memorja grata lejn il-passat u ta’ kull proġett serju għall-futur.

 

L-evanġelizzazzjoni ġdida għandha fid-dinja taż-żgħażagħ qasam impenjattiv imma anki partikularment promettenti, kif juri bosta esperjenzi, minn dawk li jiġbru ħafna flimkien, bħall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, għal dawk moħbija imma mhux inqas konvolġenti, bħad-diversi esperjenzi ta’ spiritwalità, ta’ servizz u ta’ missjonarjetà.  Għandna nagħrfu r-rwol attiv taż-żgħażagħ fil-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni, fuq kollox fl-istess dinja tagħhom.

 

10. Il-Vanġelu fi djalogu mal-kultura u l-esperjenza umana u mar-reliġjonijiet

L-evanġelizzazzjoni ġdida għandha fiċ-ċentru tagħha lil Kristu u l-attenzjoni lejn il-persuna umana, biex hekk isseħħ il-laqgħa reali miegħu.  Imma l-orizzonti tagħha huma wiesgħa daqs id-dinja u ma jingħalqu quddiem l-ebda esperjenza tal-bniedem.  Dan ifisser li hi tikkultiva b’għożża partikulari d-djalogu mal-kulturi, fiduċjuża li tista’ ssib f’kull waħda minnhom iż-“żerriegħa tal-Verb” li dwarha kienu jitkellmu l-Missirijiet tal-qedem.  B’mod partikulari l-evanġelizzazzjoni ġdida għandha bżonn ta’ patt imġedded bejn il-fidi u r-raġuni, fil-konvinzjoni li l-fidi għandha r-riżorsi tagħha biex tista’ tilqa’ kull frott ta’ raġuni sana miftuħa għat-traxxendenza u għandha l-qawwa li tfejjaq il-limitazzjonijiet u l-kontradizzjonijiet li fihom tista’ taqa’ l-istess raġuni.  Il-fidi ma tagħlaqx għajnejha, lanqas quddiem il-mistoqsijiet qawwija li tqiegħed quddiemha l-preżenza tal-ħażen fil-ħajja u fl-istorja tal-bnedmin, għax tikseb dawl ta’ tama mill-Qawmien ta’ Kristu.

 

Il-laqgħa bejn fidi u raġuni ssaħħaħ ukoll l-impenn tal-komunità Nisranija fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u tal-kultura.  Hawn għandhom post speċjali l-istituzzjonijiet ta’ formazzjoni u ta’ riċerka: skejjel u universitajiet.  Kull fejn qed jiżviluppa l-għerf tal-bniedem u għaddejja xi għamla ta’ azzjoni edukattiva, il-Knisja tifraħ li tista’ taqsam l-esperjenza tagħha u l-kontribut tagħha għall-formazzjoni tal-persuna b’mod integru.  F’dan il-qasam ta’ min jieħu ħsieb b’mod partikulari l-iskejjel u l-universitajiet Kattoliċi, fejn il-ftuħ għat-traxxendenza, li kull itinerarju kulturali u edukattiv sinċier għandu jkollu, irid jiġi kkontemplat f’mixjiet li jlaqqgħu lill-bniedem mal-ġrajja ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu.  Il-gratitudni ta’ l-Isqfijiet hawn tmur għal dawk kollha li, f’kundizzjonijiet kultant iebsin, huma impenjati f’dan il-qasam.

 

L-evanġelizzazzjoni titlob li tingħata attenzjoni sħiħa lid-dinja tal-komunikazzjonijiet soċjali, triq li fiha, speċjalment fil-medja ġodda, jiltaqgħu tant ħajjiet, tant mistoqsijiet u tant tamiet.  Hu post fejn spiss jiġu ffurmati l-kuxjenzi u jiġu artikulati ż-żminijiet u l-kontenuti ta’ l-esperjenzi tal-ħajja.  Din hi opportunità ġdida biex nistgħu nilħqu l-qalb tal-bniedem.

 

Qasam partikulari ta’ din il-laqgħa bejn il-fidi u r-raġuni l-lum hu dak tad-djalogu ma’ l-għarfien xjentifiku.  Dan, fih innifsu, m’hu xejn imbiegħed mill-fidi, għax hu manifestazzjoni ta’ dak il-prinċipju spiritwali li Alla qiegħed fil-ħlejjaq tiegħu u li jippermettilhom li jagħmlu użu mill-istrutturi razzjonali li huma fil-pedament tal-ħolqien.  Sakemm ix-xjenza u t-teknoloġija ma jippruvawx jagħlqu l-kunċett tal-bniedem u tad-dinja f’materjaliżmu niexef, dawn isiru alleat prezzjuż fl-iżvilupp ta’ l-umanizzazzjoni tal-ħajja.  Anki lejn min hu impenjat f’dan il-qasam delikat imur ir-radd ta’ ħajr tagħna.

 

Ħajr ieħor li nixtiequ nesprimu hu lejn l-irġiel u n-nisa impenjati f’espressjoni oħra tal-ġenju uman, dik ta’ l-arti fid-diversi forom tagħha, minn dawk l-aktar qodma sa dawk l-iżjed riċenti.  Fl-opri tagħhom, meta jfittxu li jagħtu forma lill-ġibda tal-bniedem lejn il-ġmiel, aħna nilmħu mod partikularment sinifikattiv ta’ espressjoni ta’ l-ispiritwalità.  Inħossu li għandna nkunu grati lejhom meta bix-xogħlijiet sbieħ li huma joħolqu jgħinuna nagħmlu evidenti l-ġmiel tal-wiċċ ta’ Alla u ta’ dak tal-ħlejjaq tiegħu.  It-triq tal-ġmiel hi triq partikularment effikaċi fl-evanġelizzazzjoni ġdida.

 

Imma iktar mill-qċaċet ta’ l-arti, hi l-ħidma kollha tal-bniedem li tiġbed l-attenzjoni tagħna, bħal spazju li fih, permezz tax-xogħol, hu jsir koperatur fil-ħolqien divin.  Lid-dinja ta’ l-ekonomija u tax-xogħol irridu nfakkruha kif mid-dawl tal-Vanġelu jnixxu ċerti sejħat: biex teħles lix-xogħol minn dawk il-kundizzjonijiet li mhux darba u tnejn jagħmluh toqol li ma tifilħux u perspettiva bla ebda ċertezza, il-lum spiss mhedda mill-qagħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ; biex tqiegħed lill-persuna umana fiċ-ċentru ta’ l-iżvilupp ekonomiku; biex tħares lejn dan l-iżvilupp bħala okkażjoni fejn il-familja umana tikber fil-ġustizzja u fl-għaqda.  Il-bniedem, fix-xogħol li bih jibdel lid-dinja, huwa msejjaħ ukoll biex iħares dak il-wiċċ li Alla ried jagħti lill-ħolqien tiegħu, anki b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet futuri.

 

Il-Vanġelu jdawwal ukoll il-kundizzjonijiet ta’ tbatija fil-mard, fejn l-Insara għandhom jgħinu lill-persuni morda jew b’diżabbiltà jħossu lill-Knisja qrib tagħhom, kif ukoll il-gratitudni lejn dawk kollha li jaħdmu bi professjonalità u umanità biex jieħdu ħsiebhom.

 

Qasam li fih id-dawl tal-Vanġelu jista’ u għandu jilma biex idawwal il-passi ta’ l-umanità hu dak tal-politika, li minnha hu mitlub impenn ta’ ħarsien diżinteressat u trasparenti tal-ġid komuni, f’rispett lejn id-dinjità sħiħa tal-persuna umana, mit-tnissil tagħha sat-tmiem naturali, tal-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, tal-libertà edukattiva; fil-promozzjoni tal-libertà reliġjuża; fit-tneħħija ta’ kawżi ta’ inġustizzja, inugwaljanza, diskriminazzjoni, razziżmu, vjolenzi, ġuħ u gwerra.  Hi mistennija xhieda ċara minn dawk l-Insara li, fit-tħaddim tal-politika, jgħixu l-preċett tal-karità.

 

Id-djalogu tal-Knisja fl-aħħar għandu interlokutur naturali tiegħu fir-reliġjonijiet.  Nevanġelizzaw għax konvinti mill-verità ta’ Kristu, u mhux kontra xi ħadd.  Il-Vanġelu ta’ Ġesù hu paċi u hena, u d-dixxipli tiegħu jifirħu jaraw kemm veru u tajjeb l-ispirtu reliġjuż tal-bnedmin kien kapaċi jislet mid-dinja maħluqa minn Alla u jesprimi bil-formazzjoni ta’ diversi reliġjonijiet.

 

Id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet jixtieq ikun kontribut għall-paċi, jiċħad kull fundamentaliżmu u jikkundanna kull tip ta’ vjolenza li tħabbatha kontra minn jemmen, li hi vjolazzjoni gravi tad-drittijiet umani.  Il-Knejjes tad-dinja kollha huma qrib fit-talb u fil-fraternità lejn l-aħwa li qed ibatu, u jitolbu lil min għandu f’idejh ix-xorti tal-popli biex iħares id-dritt ta’ kulħadd għall-għażla ħielsa u għall-istqarrija u x-xhieda ħielsa tal-fidi.

 

11. Fis-Sena tal-Fidi, it-tifkira tal-Konċilju Vatikan II u r-riferiment għall-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

Fit-triq miftuħa ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida kultant nistgħu anki nħossuna bħal f’deżert, imdawrin mill-perikli u neqsin minn kull punt ta’ riferiment.  Il-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI, fl-omelija tal-Quddiesa tal-ftuħ tas-Sena tal-Fidi, tkellem fuq “‘deżertifikazzjoni’ spiritwali” li kibret fl-aħħar għexieren ta’ snin, imma inkuraġġiena meta qal li “sewwa sew jekk nitilqu mill-esperjenza ta’ dan id-deżert, minn dan il-vojt, li nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-fidi, l-importanza vitali tagħha għalina l-bnedmin.  Fid-deżert tiskopri l-valuri ta’ dak li hu essenzjali biex tgħix” (Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-ftuħ tas-Sena tal-Fidi, Ruma, 11 ta’ Ottubru 2012).  Fid-deżert, bħall-mara Samaritana, wieħed ifittex l-ilma u l-bir mnejn jista’ jtellgħu: hieni min jiltaqa’ ma’ Kristu!

 

Nirringrazzjaw lill-Qdusija Tiegħu l-Papa tad-don tas-Sena tal-Fidi, daħla prezzjuża għall-evanġelizzazzjoni ġdida.  Nirringrazzjawh ukoll li rabat din is-Sena mat-tifkira kollha gratitudni tal-ħamsin sena mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, li l-maġisteru fundamentali tiegħu għal żmienna hu rifless fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li għoxrin sena wara x-xandir tiegħu, qed jiġi propost mill-ġdid bħala punt żgur ta’ riferiment.  Huma anniversarji importanti, li jippermettulna nikkonfermaw l-adeżjoni soda tagħna għat-tagħlim tal-Konċilju u l-impenn konvint tagħna biex nissoktaw bit-twettiq sħiħ tiegħu.

 

12. Fil-kontemplazzjoni tal-misteru u qrib il-foqra

F’din l-ottika rridu nindikaw lill-fidili kollha żewġ espressjonijiet tal-ħajja tal-fidi li jidhrulna ta’ rilevanza partikulari biex nistgħu nagħtu xhieda tagħha fl-evanġelizzazzjoni ġdida.

 

L-ewwel hi magħmula mid-don u mill-esperjenza tal-kontemplazzjoni.  Hu biss minn ħarsa kollha qima lejn il-misteru ta’ Alla, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, hu biss mill-profondità tas-silenzju li jidher bħal ġuf li jilqa’ fih il-Kelma waħdanija li ssalva, li tista’ tnixxi xhieda kredibbli għad-dinja.  Hu biss dan is-silenzju fit-talb li jista’ jżomm il-kelma tas-salvazzjoni milli tiġi mfixkla mal-ħafna ħsejjes li jinvaduha.

 

Terġa’ lura mill-ġdid fuq xofftejna kelma ta’ gratitudni, din id-darba għal dawk kollha, irġiel u nisa, li jiddedikaw ħajjithom, fil-monasteri u fl-eremitaġġi, għat-talb u l-kontemplazzjoni.  Imma għandna bżonn li mumenti ta’ kontemplazzjoni jintisġu wkoll mal-ħajja komuni tan-nies: postijiet spiritwali, imma wkoll tat-territorju, li jqarrbu lejn Alla; santwarji interjuri u tempji tal-ġebel, li jsiru salib it-toroq importanti li ma jħalliniex nintilfu qalb ruxxmata ta’ esperjenzi fejn nirriskjaw li nitħawdu iżjed; spazji fejn kulħadd iħossu milqugħ, anki min għadu ma jafx sew x’inhu jfittex jew lil min.

 

Is-simbolu l-ieħor ta’ awtentiċità ta’ evanġelizzazzjoni ġdida għandu l-wiċċ tal-fqir.  Li noqogħdu qrib min ġie miġruħ mill-ħajja m’hux sempliċement eżerċizzju soċjali, imma qabel xejn fatt spiritwali.  Għax fil-wiċċ tal-fqir hu rifless il-wiċċ ta’ Kristu nnifsu: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

 

Il-foqra għandu jkollhom post ipprivileġġjat fil-komunitajiet tagħna, post li ma jeskludi lil ħadd, imma jrid ikun mera ta’ kif Ġesù ntrabat magħhom.  Il-preżenza tal-fqir fil-komunitajiet tagħna hi misterjożament qawwija: tibdel lill-persuni iktar milli jagħmel diskors, tgħallem il-fedeltà, tfiehem id-dgħufija tal-ħajja, issejjaħ għat-talb; insomma, twassal għal għand Kristu.

 

Il-ġest tal-karità, min-naħa tiegħu, jesiġi li jiġi akkumpanjat mill-impenn għall-ġustizzja, b’appell li jolqot lil kuħadd, fqar u għonja.  Hawn hi meħtieġa d-duttrina soċjali tal-Knisja fil-mixjiet ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida u l-kura tal-formazzjoni ta’ l-Insara li jimpenjaw ruħhom bħala qaddejja tal-komunità umana fil-ħajja soċjali u fil-politika.

 

13. Kelma lill-Knejjes tad-diversi reġjuni tad-dinja

Il-ħarsa ta’ l-Isqfijiet miġbura fl-Assemblea Sinodali tgħannaq lill-komunitajiet ekkleżjali kollha mxerrda mad-dinja.  Hi ħarsa li trid tgħaqqad, għax waħda hi s-sejħa għal-laqgħa ma’ Kristu, imma fl-istess ħin ma tinsiex id-differenzi.

 

L-Isqfijiet miġbura fis-Sinodu jħaddnu kunsiderazzjoni partikulari, mimlija affett fratern u gratitudni, għalikom l-Insara tal-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant, kemm dawk werrieta ta’ l-ewwel tħabbir tal-Vanġelu, esperjenza li intom tgħożżu bi mħabba u fedeltà, u kemm dawk preżenti fil-Lvant ta’ l-Ewropa.  Il-lum il-Vanġelu qed jiġi propost mill-ġdid lilkom bħala evanġelizzazzjoni ġdida permezz tal-ħajja liturġika, il-katekeżi, it-talb ta’ kuljum fil-familja, is-sawm, is-solidarjetà bejn il-familji, is-sehem tal-lajċi fil-ħajja tal-komunità u fid-djalogu mas-soċjetà.  F’kemm-il kuntest il-Knejjes tagħkom qegħdin qalb bosta provi u tribulazzjonijiet, fejn qed jagħtu xhieda tas-sehem tagħhom fis-salib ta’ Kristu; xi fidili jkollhom jemigraw; dawn, waqt li jżommu ħajja l-appartenenza tagħhom għall-komunitajiet li minnhom ġejjin, jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fil-kura pastorali u fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni fil-pajjiżi li laqgħuhom.  Il-Mulej jissokta jbierek il-fedeltà tagħkom u ħa jixirfu fuq il-futur tagħkom orizzonti ta’ stqarrija serena u prattika tal-fidi f’qagħda ta’ paċi u ta’ libertà reliġjuża.

 

Inħarsu lejkom, Insara rġiel u nisa, li tgħixu fil-pajjiżi ta’ l-Afrika, u nistqarrulkom il-gratitudni tagħna għax-xhieda li qed toffru lill-Vanġelu spiss f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja umanament diffiċli.  Nitolbukom tkomplu ssaħħu l-evanġelizzazzjoni li rċivejtu fi żminijiet pjuttost riċenti, u tinbnew bħala Knisja “familja ta’ Alla”, issaħħu l-identità tal-familja, u ssostnu l-impenn tas-saċerdoti u l-katekisti, speċjalment fil-komunitajiet Insara żgħar.  Barra minn hekk, hi ikbar il-ħtieġa li tiżviluppaw il-laqgħa mal-Vanġelu permezz tal-kulturi qodma u dawk ġodda.  Sejħa qawwija u kollha tama nindirizzawha lejn id-dinja tal-politika u l-gvernijiet tal-ħafna pajjiżi ta’ l-Afrika, biex, bil-kollaborazzjoni tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, imexxu ’l quddiem id-drittijiet umani fundamentali, biex il-kontinent jinħeles mill-vjolenzi u l-kunflitti li għadhom iħabbtuh.

 

L-Isqfijiet ta’ l-Assemblea Sinodali jistiednu lilkom l-Insara ta’ l-Amerika ta’ Fuq biex twieġbu bil-ferħ għas-sejħa ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida, waqt li jħarsu b’rikonoxxenza lejn kif, fl-istorja tagħhom għadha żagħżugħa, il-komunitajiet Insara tagħkom taw frott ġeneruż ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ missjoni.  Jixraq issa nagħrfu li diversi espressjonijiet tal-kultura tal-lum fil-pajjiżi tad-dinja tagħkom il-lum huma mbiegħda mill-Vanġelu.  Għalhekk tassew hi meħtieġa s-sejħa għall-konverżjoni, li minnha jitwieled impenn li ma jbegħdikomx mill-kulturi tagħkom, imma jqegħidkom iżjed ġo fihom biex toffru lil kulħadd id-dawl tal-fidi u l-qawwa tal-ħajja.  Waqt li tilqgħu fl-artijiet ġenerużi tagħkom popolazzjonijiet ġodda ta’ immigranti u refuġjati, ibqgħu disposti wkoll li tiftħu l-bibien tad-djar tagħkom għall-fidi.  Fidili lejn l-impenn li ħadet l-Assemblea Sinodali għall-Amerika, kunu solidali ma’ l-Amerika Latina fl-evanġelizzazzjoni permanenti ta’ kontinent wieħed.

 

L-istess sentiment ta’ gratitudni l-Assemblea tas-Sinodu turih lejn il-Knejjes ta’ l-Amerika Latina u tal-Karibew.  Jolqotna b’mod partikulari kif tul is-sekli żviluppaw fil-pajjiżi tagħkom forom ta’ pjetà popolari, li għadhom sal-lum b’għeruq fondi fl-qlub ta’ bosta, ta’ servizz fil-karità u ta’ djalogu mal-kulturi.  Issa, quddiem id-diversi sfidi tal-preżent, fuq quddiem il-faqar u l-vjolenza, il-Knisja fl-Amerika Latina u fil-Karibew hi msejħa tgħix fi stat permanenti ta’ missjoni, tħabbar il-Vanġelu bit-tama u bil-ferħ, tifforma komunitajiet ta’ dixxipli missjunari veri ta’ Ġesù Kristu, turi fl-impenn ta’ wliedha kif il-Vanġelu jista’ jsir għajn għal soċjetà ġdida, ġusta u fraterna.  Anki l-pluraliżmu reliġjuż jinterroga lill-Knejjes tagħkom u jitlob minnhom tiġdid fit-tħabbir tal-Vanġelu.

 

Anki lilkom l-Insara ta’ l-Asja nħossu li għandna noffru kelma ta’ tħeġġiġ u ta’ eżortazzjoni.  Anki jekk minoranza ċkejkna fil-kontinet li jiġbor fih kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja, il-preżenza tagħkom hi żerriegħa li tagħti l-frott, fdata f’idejn il-qawwa ta’ l-Ispirtu, li tikber fid-djalogu ma’ l-għadd ta’ kulturi, mar-reliġjonijiet qodma, ma’ tant foqra.  Anki jekk spiss fil-marġni tas-soċjetà, f’bosta nħawi anki ppersegwitata, il-Knisja ta’ l-Asja, bil-fidi tagħha, hi preżenza prezzjuża tal-Vanġelu ta’ Kristu li jħabbar il-ġustizzja, il-ħajja u l-armonija.  Insara ta’ l-Asja, ħossu li l-Insara ta’ pajjiżi oħra tad-dinja huma qrib tagħkom bħala aħwa; huma ma jistgħux jinsew li fuq il-kontinent tagħkom, fl-Art Imqaddsa, Ġesù twieled, għex, miet u qam mill-mewt.

 

Kelma ta’ rikonoxximent u ta’ tama l-Isqfijiet ilissnuha lill-Knejjes tal-kontinent Ewropew, il-lum parti sew minnu milquta minn sekularizzazzjoni qawwija, xi kultant anki aggressiva, u f’parti minnha għadha miġruħa mid-deċennji twal ta’ poter ta’ l-ideoloġiji għedewwa ta’ Alla u tal-bniedem.  Ir-rikonoxxenza hi lejn l-imgħoddi, imma anki lejn il-preżent, fejn il-Vanġelu ħoloq fl-Ewropa għarfien u esperjenzi uniċi ta’ fidi, deċiżivi għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja kollha, spiss imfawra bil-qdusija: għana ta’ ħsieb teoloġiku, varjetà ta’ espressjonijiet kariżmatiċi, forom l-iżjed varji ta’ servizz lill-karità lejn il-foqra, esperjenzi profondi ta’ kontemplazzjoni, ħolqien ta’ kultura umanistika li kkontribwiet biex tagħti wiċċ lid-dinjità tal-persuna u lill-bini tal-ġid komuni.  Id-diffikultajiet tal-preżent ma jkissrukomx, għeżież Insara Ewropej: anzi, narawhom bħala sfida li għandna nissuperaw u okkażjoni għal tħabbira iktar ferrieħa u ħajja ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu tal-ħajja.

 

L-Isqfijiet ta’ l-Assemblea Sinodali fl-aħħar nett isellmu lill-popli ta’ l-Oċeanja, li jgħixu taħt il-ħarisen tas-Salib awstrali, u jroddulhom ħajr għax-xhieda tagħhom tal-Vanġelu ta’ Ġesù.  It-talba tagħna għalikom hi biex, bħall-mara Samaritana tal-bir, anki intom tħossu fikom l-għatx għal ħajja ġdida u tisimgħu l-kelma ta’ Ġesù li jgħid: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla!” (Ġw 4:10).  Ibqgħu ħossu l-impenn biex tippriedkaw il-Vanġelu u tlaqqgħu ma’ Ġesù lid-dinja tal-lum.  Inħeġġukom tiltaqgħu miegħu fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum, biex tisimgħuh u tiskopru, permezz tal-talb u l-meditazzjoni, il-grazzja li tkunu kapaċi tgħidu: “Nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja” (Ġw 4:42).

 

14. Il-kewkba ta’ Marija ddawwal id-deżert

Fi tmiem din l-esperjenza ta’ komunjoni bejn l-Isqfijiet tad-dinja kollha u ta’ kollaborazzjoni mal-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru, nisimgħu għadu jidwi f’widnejna l-kmand ta’ Ġesù lill-Appostli tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha […].  U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:19,20).  Il-missjoni din id-darba m’hix indirizzata biss lejn estensjoni ġeografika waħda, imma tħaddan l-irkejjen l-iżjed moħbija tal-qalb tal-bnedmin ta’ żmienna, biex treġġagħhom lura għal-laqgħa ma’ Ġesù, li hu ħaj u preżenti fil-komunitajiet tagħna.

 

Din il-preżenza timla bil-ferħ lil qlubna.  Mimlija gratitudni għad-doni li rċivejna minn għandu f’dawn il-jiem, ngħollulu l-kant tagħna ta’ tifħir: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej […]  Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:46,49).  Il-kelmiet ta’ Marija huma wkoll tagħna: il-Mulej tul is-sekli tassew għamel ħwejjeġ kbar għall-Knisja tiegħu fid-diversi partijiet tad-dinja u aħna ngħolluh, ċerti li huwa m’hux sa jonqos li jixħet ħarstu lejn il-ċokon tagħna biex juri l-qawwa ta’ driegħu anki fi żminijietna, biex iqawwina fil-mixja ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida.

 

Il-figura ta’ Marija torjentana fil-mixja tagħna.  Din il-mixja, kif qalilna Benedittu XVI, tista’ tidhrilna bħal waħda fid-deżert; nafu li rridu nterrquha billi nġorru magħna biss dak li hu essenzjali: il-kumpanija ta’ Ġesù, il-verità tal-kelma tiegħu, il-ħobż Ewkaristiku li jmantnina, il-fraternità tal-komunjoni ekkleżjali, il-ħeġġa tal-karità.  U l-ilma tal-bir li jwarrad id-deżert.  U, bħalma f’lejl fid-deżert il-kwiekeb jixegħlu iżjed, hekk is-sema tul il-mixja tagħna jiddi bil-qawwa tad-dawl ta’ Marija, Kewkba ta’ l-evanġelizzazzjoni ġdida, li f’idejha, kollna fiduċja, nafdaw ruħna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard