IS-SINJAL TAS-SALIB

 

+ Fl-Isem tal-Missier,

    u ta’ l-Iben,

    u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Amen.

 

Is-Sinjal tal-Salib huwa s-sinjal tan-nisrani. 

Bis-sinjal li nroddu fuqna nkunu qed infakkru fis-Salib Imqaddes u għalhekk fil-passjoni, il-mewt u qawmien mill-imwiet tal-Mulej Ġesú Kristu.

Bil-kliem li ngħidu aħna inkunu qed insejħu lit-Tliet Persuni tat-Trinitá Qaddisa; il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Inkunu qed nistqarru l-fidi tagħna f’dan il-misteru ewlieni tat-twemmin tagħna.

Aħna mgħammdin fl-Isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu u għalhekk nafu li kull ma nagħmlu qed nagħmluh f’Isem it-Trinitá Qaddisa. Li aħna Ambaxxaturi tat-Trinitá Qaddisa fost ħutna l-bnedmin.

Meta nrodd is-Salib fil-bidu tal-ġurnata tiegħi jew fil-bidu ta’ xi ħaġa li nkun se nagħmel, inkun qed nistqarr li dak kollu li se nagħmel se nagħmlu mhux f’ismi, imma fl-Isem il-Missier, f’Isem l-Iben u f’Isem l-Ispirtu s-Santu.