SLIEM GĦALIK, SULTANA

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja,  ħlewwa u tama tagħna.  Sliem għalik, lilek ingħajtu, aħna, turufnati, ulied Eva.  Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ.

Ejja mela, avukata tagħna; dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena.  Urina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù frott imbierek tal-ġuf tiegħek, o ħanina, o pija, o ħelwa, Verġni Marija.

 

Mhemmx qbil dwar l-oriġini ta’ din it-talba magħrufa wkoll bħala s-Salve Regina. Hemm min jaħseb li kitibha Pietru ta’ Monsoro, isqof ta’ Compostella li miet madwar tmiem l-ewwel millenju.  Oħrajn isostnu li l-awtur huwa Adhémar, isqof ta’ Podium. Żgur li t-talba saret popolari bil-ħidma ta’ Bernardu ta’ Clairvaux u l-Abbati ta’ Cluny matul it-tnax-il seklu.  Minn dak iż-żmien ‘l hawn kienet bdiet tiġi użata regolarment saħansitra fil-liturġija, kemm fil-Quddiesa kif ukoll fl-Uffiċjju Divin.