Siltiet Patristiċi għas-Seba’ Ġimgħa tal-Għid

Magħżula u maqluba għall-Malti minn Dun Krystof Buttigieg

 

44. Kromazju minn Aquileia, Prietka 8 Tlugħ is-sema tal-Mulej

Mistgħaġba  kienu l-anġli, mistgħaġba kienu l-qawwiet tas-sema, li dak il-ġisem, li dwaru intqal lil Adam: Trab kont u trab terġa’ ssir, ma kienx iżjed trab, imma kien laħam imtella’ fis-sema. Xi swietlu lix-xitan il-ħżunija tiegħu? Dak laħamna ta’ din l-art li hu ma riedx li jsaltan fil-ġenna, issa qiegħed isaltan fis-sema. Tlugħ il-Mulej fis-sema hi mingħajr dubju ħaġa tal-istgħaġib u ta’ hena għall-anġli, ħaġa ta’ ferħ għad-dinja kollha; ħaġa ta’ taħwid u ta’ kundanna għax-xitan. Dan l-istagħġib tal-anġli għat-tlugħ il-Mulej fis-sema jurih ukoll David f’salm, fejn f’isem l-anġli jlissen kliem mill-isbaħ: Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja! Il-Mulej, jgħid setgħan u qawwi fit-taqbida (Salm 23,7-8). Kienu mistgħaġba il-qawwiet tas-sema, imbellħa l-anġli li raw lill-Mulej jirxoxta, tant li issa bdew isejjħu lil xulxin b’leħen għoli ħalli jiftħu l-bibien għal Kristu li kien ġej lura rebbieħ wara t-taqbida tal-passjoni. Rebaħ lix-xitan, rebaħ fuq il-mewt, farrak id-dnub, kisser is-setgħat tal-ħażen u qam rebbieħ mill-mewt.

Kristu tela’ s-sema bil-ġisem, wara t-trijonf tas-salib, wara r-rebħa tal-passjoni. L-anġli kienu qed jaqduh kif kien jistħoqqlu: uħud quddiemu, oħrajn warajh, waqt li Kristu kien tiela’ s-sema bil-ġisem ġew jagħtu kull ġieħ mistħoqq lil dan ir-re wisq rebbieħ u qawwi. Ladarba fostna kulħadd imur jifraħ lir-rejiet ta’ din id-dinja wara xi rebħa, kemm iktar l-anġli u l-qawwiet tas-sema jħaffu jmorru jiltaqgħu ma’ Kristu re ta’ dejjem tiela’ fis-sema. L-istess Alla l-Missier mar jilqgħu, bħalma hemm miktub fis-salm li qrajna llum, kliem l-Iben lil Missieru: iżżommni minn idi l-leminija, skont il-ħsieb tiegħek tmexxini, u fis-sebħ tilqagħni (Salm 73, 23b-24). Il-Missier, fil-fatt, laqa’ fis-sebħ glorjuż lill-Ibnu mtella’ s-sema, u qiegħdu fil-leminija tiegħu, kif jingħadd f’salm ieħor: Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: Oqgħod fuq leminti (Salm 109,1) Kemm setgħet tkun akbar l-imħabba tal-Missier, jew liema glorja hi aktar mixtieqa minn dik li toqgħod fuq il-lemin tal-Missier?  Għalhekk bir-raġun kollu fis-salm tal-ġurnata nsibu dan il-kliem: Lil min għandi fis-sema ħliefek? U meta għandi lilek, x'jonqosni fuq l-art? (Salm 73,25). Ried ibati fuq l-art, u sabiex jeħles lill-bniedem ġarrab il-passjoni tal-mewt. Ried jitla’ fis-sema bil-ġisem. Qiegħed fil-lemin tal-Missier. Wieħed hu t-tron glorjuż tal-Missier u tal-Iben, għax bejn il-Missier u l-Iben m’hemm l-ebda differenza fil-ġieħ, l-ebda distinzjoni fid-dinjità, iżda biss sentiment ta’ mħabba.

Mela, peress li f’dan il-jum, il-ġisem tagħna l-bnedmin, ġie mgħolli fis-sema fil-ġisem ta’ Kristu, bid-dritt kollu għandna niccelebraw din is-sollennità u fil-ħajja ta’ issa nġibu ruħna b’tali mod li fil-ħajja ta’ dejjem fis-saltna tas-sema jkun jistħoqqilna nirċievu l-istess glorja tal-ġisem tal-Mulej.

 

45. Ljun il-Kbir  Prietka 73, Tlugħ il-Mulej fis-sema

Wara l-ferrieħi glorjuż qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Gesù Kristu, […] il-jiem li għaddew bejn il-qawmien u t-tlugħ fis-sema tal-Mulej, żgur li ma kienux għalxejn: fihom għall-kuntrarju ġew imwettqa misteri kbar, veritajiet importanti ġew murija. Fihom jitħassar il-biża’ minn mewt kiefra u tiġi mxandra l-immortalità mhux biss tar-ruħ imma wkoll tal-ġisem […] Għeżież, f’dan iż-żmien kollu li għadda bejn il-qawmien mill-mewt sat-tlugħ fis-sema tal-Mulej, hemm ħaġa li ġiet maħsuba mill-provvidenza ta’ Alla, ħaġa li ġiet mgħallma, ħaġa li kellha bżonn tibqa’ fl-għajnejn u fil-qlub ta’ wliedu: li, jkun magħruf fis-sewwa li l-Mulej Gesù Kristu veru qam, bħalma veru kien twieled, bata u miet. B’hekk l-Appostli u d-dixxipli kollha li kienu għadhom imbeżża’ bil-ġrajja tas-salib u mfixxkla biex jemmnu fil-ġrajja qawmien, kellhom ix-xorti li jkunu msaħħa bix-xhieda ċara tal-verità, sabiex fil-mument li Kristu kellu jitla’ fil-għoli tas-smewwiet, mhux talli ma jħossux dieqa, imma saħansitra jimtlew b’ferħ kbir. Ir-raġuni tal-ferħ tagħhom kienet tassew kbira u infinita, għaliex quddiem dik iċ-ċorma nies qaddisa kien qed jaraw in-natura umana tiġi mtella’ ’il fuq wisq iktar minn kull ħlejqa tas-sema, hekk li tgħaddi anke l-ordni tal-anġli u togħla aktar mill-ogħla arkanġli, tant li hekk kif ma jirnexxiliex issib postha fl-ebda post għoli, tiġi msejjħa biex toqgħod ħdejn il-Missier etern biex tiġi msieħba miegħu fit-tron tal-glorja tiegħu, bħalma fin-natura Tiegħu kienet diġà magħquda fl-Iben.

Peress li t-tlugħ ta’ Kristu ifisser li aħna wkoll ġejna merfugħa, u fejn wasal l-ġieħ tar-Ras hemm it-tama li jasal ukoll il-Ġisem, ejjew nifirħu, għeżież f’ferħ mistħoqq u nithennew fir-radd il-ħajr. Illum mhux biss irċivejna il-konferma li nistgħu niksbu l-Ġenna, iżda ma’ Kristu rnexxielna ninfdu l-ogħla smewwiet u permezz tal-grazzja kbira li għandna fi Kristu ksibna ħafna aktar minn kemm tlifna minħabba l-ħażen għajjur tax-xitan. Dawk għalhekk, li minħabba dan l-għadu terribbli kienu tilfu l-hena tal-ewwel għamara smewwija, l-Iben ta’ Alla waħħadhom miegħu f’ġismu u qegħdhom fuq il-lemin tal-Missier, li miegħu jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

46. Beda il-Venerabbli, Kumment għall-Vanġelu ta’ San Mark

“...dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b'ilsna ġodda,  jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu."

(Mk 16, 17-18)

“Irid jgħid forsi li aħna li ma nagħmlux sinjali bħal dawn, ma nemmnux?” Dawn il-ħwejjeġ kollha kienu meħtieġa għall-Knisja meta kienet gaħdha fil-bidu; sabiex il-Knisja tkun tista’ tikber fil-fidi kien meħtieġ li tiġi sostnuta bil-mirakli. Aħna wkoll, min-naħa l-oħra, meta nħawwlu pjanta, indumu nsaqquha sewwa, sakemm nintebħu illi kabbret l-għeruq fl-art; u hekk kif taqbad sew b’għeruqha, ma nibqgħux nisquha. Għalhekk, hawn hu dak li jgħid San Pawl: “Id-don tal-ilsna hu sinjal mhux għal min jemmen, iżda għal min ma jemminx” (1 Kor 14,22). U tgħid, aħna, illum, forsi m’għandnix bżonn nagħtu każ ta’ dawn is-sinjali u l-għeġubijiet? Infatti il-Knisja Mqaddsa kull jum qiegħda twettaq spiritwalment dak illi kien jitwettaq fiżikament dakinhar mill-appostli. Fil-fatt meta is-saċerdoti tagħha jeżorċizzaw bit-tqiegħid tal-idejn lil dawk li jemmnu u jikkontradixxu lill-ispirti ħżiena li jgħixu fihom, x’ikunu jagħmlu jekk mhux ikeċċu x-xjaten? U l-fidili, li jħallu warajhom il-paroli żejjed tal-ħajja ta’ qabel sabiex ifaħħru l-misteri qaddisa tal-Ħallieq tagħhom u jxandru kemm jiswa t-tisbieħ u l-qawwa tiegħu, x’ikunu jagħmlu jekk mhux jitkellmu b’ilsna ġodda? U dawk li permezz tat-tħeġġiġ tajjeb tagħhom jirexxielhom jaqilgħu ’l barra l-ħażen mill-qlub tal-oħrajn, ikunu qed jaqbdu s-sriep f’idejhom; u waqt li jibqgħu jisimgħu l-kliem qattiel tagħhom ma jinġarrux magħhom biex iwettqu l-ħażen, il-fatti li jixorbu xi ħaġa li ġġib il-mewt, ma tagħmlilhomx ħsara. U kull darba li jaraw il-proxxmu tagħhom jiddgħajjef fl-opri tajba, jiddedikaw kull sforz biex isostnu bl-eżempju ta’ ħajjithom il-ħajja ta’ dak illi qed ibati f’għemilu, x’ikunu jagħmlu jekk mhux iqiegħdu jdejhom fuq il-morda biex ifejjquhom? M’hemmx dubbju li dawn il-mirakli huma ħafna ikbar għaliex huma spiritwali, proprju għaliex permezz tagħhom jiġu mfejjqa mhux l-iġsma imma l-erwieħ.

 

47. Ljun il-Kbir, Prietka LXXVIII  Dwar is-sawm ta’ Għid il-Ħamsin

Għalhekk wara l-ġranet li għexna b’ferħ qaddis, fejn tajna ġieħ lill-Mulej mqajjem mill-mewt u mtella’ s-sema, u wara li rċivejna d-don tal-Ispirtu s-Santu, issa qed nerġgħu niġu mitluba nġġeddu d-drawwa tajba u meħtieġa tas-sawm. Dan sabiex, jekk ġara illi waqt il-ferħ tal-festi wieħed ikun żgarra jew bi traskuraġni jew b’libertà żejda, issa jkun jista’ jiddixxiplina ruħu permezz taċ-ċaħdiet reliġjużi. Iċ-ċaħda għandna issir sewwa u kif imiss, ħalli hekk ikun jista’ jgħammar fina dak illi, f’dan il-jum ta’ Għid il-Ħamsin, ġie mogħti lill-Knisja minn Alla. Dan għaliex, peress li issa, sirna Tempju tal-Ispirtu s-Santu u daqs qatt qabel ġejna mogħtija ilma mix-xmajjar qaddisa, m’għandniex inħallu lilna nfusna nintrebħu mill-vizzji jew ninġarru mill-ġibdiet tad-dinja, ħalli bħala għamara ta’ kull virtù ma nitħammġu b’ebda tinġis.

Bis-saħħa u bil-għajnuna u ta’ Alla, dan kollu jkun possibbli għalina, jekk permezz tas-sawm li jsaffina u bl-użu ġeneruż tal-ħniena, nistinkaw biex ninħelsu mit-tbajja’ tad-dnub u biex inkunu għammiela bil-frott tal-karità. Għax kulma nonfqu biex ngħinu lill-foqra, biex infejjqu l-morda, neħilsu l-priġunieri jew biex nagħmlu kwalunkwe att ta’ ħniena, ma jiġix mnaqqas iżda mkabbar, għax quddiem Alla kulma jiġi mogħti mill-qalb xejn ma jkun mitluf: kull ħaġa li wieħed jagħti biex jgħin, jerġa’ jirċeviha lura bi premju. Infatti nafu li “henjin huma dawk li jħennu, għax Alla jkollu ħniena minnhom”. Dan ifisser li d-dnubiet ma jibqgħux jiġu mfakkra, hemm fejn ikun hemm l-eżerċizzju tal-ħniena. Nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa nistgħu nerġgħu nibdew insumu, u nhar is-Sibt nagħmlu l-velja ħdejn San Pietru* li bit-talb tiegħu għalina ninsabu ċerti li nistgħu ninħelsu mill-għedewwa tar-ruħ u tal-ġisem, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu li jgħix u jsaltan flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 * Peress li din hija prietka ta’ Papa Ljun, b’dan il-kliem hu kien qiegħed iħeġġeġ lill-insara ta’ Ruma biex nhar is-Sibt jipparteċipaw għall-velja ta’ Għid il-Ħamsin fil-bażilika ta’ San Pietru, ħdejn il-qabar tiegħu.

 

 

Siltiet Patristiċi għas-aħħar tlett ijiem tal-Għid

Magħżula minn Dun Mark Sultana u maqluba għall-Malti mill-Mixja Neokatekumenali

 

48. Girgor ta’ Nissa, Diskors fuq it-Tlugħ fis-sema ta’ Kristu

L-evanġelju jirrakkontalna d-drawwiet u l-ħajja tal-Mulej fid-dinja kif ukoll il-mawra tiegħu lura fis-sema. Hawnhekk, imma, is-salmista donnu li jintrefa’ ‘l fuq minnu nnifsu, bħallikieku mhuwiex imtaqqal mill-piż tal-ġisem tiegħu, u jidħol fost il-qawwiet tas-sema u jsemmagħlna l-ilħna tagħhom, meta huma jsieħbu din il-mawra lura tal-Mulej lejn is-sema: lill-anġli li għandhom fi ħsiebhom il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja u li lilhom ġiet fdata din il-mogħdija mill-ħajja tiegħu ta’ bniedem, jagħtu dan il-kmand: “Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem, ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!” (S 23,9). U billi dak li jaħkem kollox, ikun fejn ikun, iċekken lilu nnifsu skont il-ħila ta’ dawk li kellhom jilqgħuh fosthom, u mhux talli sar bniedem fost il-bnedmin, iżda wkoll meta jkun fost l-anġli jitbaxxa għan-natura tagħhom, minħabba f’hekk l-għassiesa jistaqsu lil min qed jirrakkonta: “Min hu dan is-Sultan tal-glorja?” (S 23,8)

Il-qawwiet iwieġbu u juru kemm huwa qawwi u setgħan fit-taqbida dan li, meta ħadha kontra dak li kien qiegħed jassar lill-bnedmin u li kellu f’idejh is-setgħa tal-mewt, ħareġ rebbieħ fuq dan l-għadu hekk qawwi, u raġa’ radd lill-bnedmin il-ħelsien u s-sliem. L-istess ilħna jtennu l-istedina: ġa ġie mwettaq il-misteru tal-mewt, u nġiebet ir-rebħa fuq l-għedewwa, waqt li refa’ kontrihom fil-għoli l-istendard tas-salib: “Tela fil-għoli, jassar l-ilsiera” (Efes 4,8), huwa li “ta doni lill-bnedmin” dawn id-doni tal-ħajja u tas-saltna li jiswew ħafna.

Imma huwa għadu qiegħed quddiem bibien magħluqa. Imorru jiltaqgħu miegħu l-għassiesa u jordnaw biex il-bibien jinfetħu, sabiex minnhom tkun tista’ tidħol il-glorja tiegħu. Iżda huma ma jagħrfuhx għaliex huwa kien liebes il-ħajja miżerabbli tagħna u ħwejġu huma ħomor għaliex kienu għaddew mill-magħsar tal-uġiegħ tal-bnedmin. U hekk, mill-ġdid sħabu jiġi mistoqsijin minn dawk l-ilħna: “Min hu dan is-Sultan tal-glorja?”

Iżda huma ma jerġgħux iwieġbu: “Hu l-Mulej setgħan u qawwi, il-Mulej qawwi fit-taqbida”, iżda: “Hu l-Mulej tal-eżerċti” (S 23,10), dak li għandu f’idejh is-sovranità tad-dinja, li jiġbor fih il-ħolqien kollu kemm hu. Li huwa l-ewwel fost kulħadd, li se jwassal kollox għall-istat oriġinali li kellu: Dan huwa s-sultan tal-glorja.

Araw kif David jagħmlilna din iċ-ċelebrazzjoni aktar ħelwa, waqt li jħallat flimkien il-grazzja tiegħu mal-ferħ tal-Knisja.

Mela, aħna wkoll, safejn nistgħu, nimitaw lill-Profeta fl-imħabba tiegħu lejn Alla, fil-manswetudni ta’ ħajja, fit-tolleranza lejn dawk li kienu jippersegwitawh u jobogħduh, sabiex it-tagħlim tiegħu jmexxina u jgħallimna kif għandna ngħixu tajjeb u hienja, fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna li lilu tingħata glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

 

49. Bażiju l-Kbir, Trattat Dwar l-Ispirtu s-Santu 9, 22-23

Jista’ jkun hemm xi ħadd li ma jħossx qalbu tieħu r-ruħ u għalhekk jerfa’ ħsibijietu lejn is-sema meta jisma’ b’liema ismijiet jissemma l-Ispirtu s-Santu fl-Evanġelju? L-Evanġelju jsejjaħ lill-Ispirtu s-Santu “Spirtu ta’ Alla”, “Spirtu tal-verità”. Iżda l-isem li l-aktar jgħodd għalih u li hu tiegħu biss hu “Spirtu s-Santu”.

Għandu jmorru dawk kollha li jridu jitqaddsu, lilu jixtiequ dawk kollha li jridu jgħixu skont is-sewwa: bil-qawwa tiegħu hu jaħjihom u jwassalhom sa fejn għandhom jaslu.

Hu l-għajn tal-qdusija u d-dawl tal-fehma tagħna, għaliex hu, bil-qawwa tiegħu, qisu jdawwal il-ħlejjaq kollha li jifhmu ħa jaslu biex jagħrfu l-verità.

Bħala Alla hu ‘l bogħod minna, imma hu, fit-tjieba tiegħu, jissawwab fina, u jimla kollox bil-qawwa tiegħu, iżda jingħata biss ‘il dawk li jistħoqqilhom, għalkemm mhux lil kulħadd indaqs, għax iqassam il-qawwa tiegħu skont il-fidi ta’ kull wieħed.

Hu wieħed fl-essenza tiegħu, imma l-qawwa tiegħu juriha b’kull sura ta’ għeġubijiet; hu kollu kemm hu f’kull wieħed u hu kollu kemm hu f’kull imkien; jitqassam f’kulħadd bla ma jġarrab ebda nuqqas fih innifsu; jibqa’ sħiħ fih innifsu waqt li kulħadd jieħu mill-milja tiegħu, bħal raġġ ta’ xemx, li kull wieħed minnha jaħseb li qiegħed jaħji lilu biss, waqt li fil-fatt qiegħed idawwal l-art kollha u l-baħar u jimla l-arja.

Hekk l-Ispirtu s-Santu, lil kull wieħed li hu mħejji biex jirċevih, jingħata qisu lilu biss; għalhekk isawwab f’kulħadd il-grazzja tiegħu li hi biżżejjed għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd, u kull wieħed igawdi mit-tisħib miegħu daqskemm tiflaħ u tippermettilu n-natura tiegħu.

Hu jerfa’ ‘l fuq qlub il-bnedmin, jaqbad id-dgħajfin minn idhom, u ‘l dawk li mexjin fi triq il-perfezzjoni jmexxihom dejjem aktar ‘il quddiem. Hu jiddi f’dawk li tnaddfu minn kull tebgħa ta’ dnub u jagħmilhom bnedmin spiritwali, bit-tisħib tagħhom fih.

Kif xi ħaġa ċara u trasparenti tiddi b’mod tal-għaġeb malli raġġ ta’ dawl jaqa’ fuqha, u tibda xxerred hi wkoll id-dija tagħha ma’ kullimkien, hekk l-erwieħ li fihom jissawwab l-Ispirtu s-Santu jiddawlu minnu, isiru huma wkoll spiritwali u jxerrdu l-grazzji tiegħu fl-oħrajn.

Mill-Ispirtu mela tiġi l-grazzja li wieħed jagħraf il-ġejjieni, jifhem il-ħwejjeġ moħbija, jagħraf il-misteri; minnu t-tqassim tad-doni, il-ħsieb fil-ħwejjeġ tas-sema, iż-żfin mal-Anġli; minnu l-perseveranza f’Alla, ix-xebh ma’ Alla; minnu – u  ħaġa aqwa minn din ‘il ħadd ma tista’ tiġi f’rasu – minnu  li nkunu wlied Alla.

 

50. Wistin ta’ Ippona, Diskors 271

Wasal għalina, ħuti, dak il-jum hieni li fih il-Knsija mqaddsa tiddi f’għajnejn dawk li jemmnu u tħeġġeġ f’qalbhom, Qed niċċelebraw proprju dak il-jum illi fih il-Mulej Ġesù Kristu, gglorifikat bit-tlugħ tiegħu fis-sema wara l-qawmien mill-mewt bagħat l-Ispirtu s-Santu. Fl-evanġelju nsibu miktub tabilħaqq li huwa qal: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj”. U l-evanġelista jkompli jfisser: “Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu dawk li jemmnu fih, għax l-Ispirtu kien għad ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat” (Ġw 7,37-39).  Mela kien għad jonqos li Ġesù, ladarba ġie gglorifikat bil-qawmien tiegħu mill-mewt u bit-tlugħ tiegħu fis-sema, jagħti l-Ispirtu s-Santu, mibgħut minn dak li kien wiegħdu: u hekk ġara.

Wara li kien qatta’ erbgħin jum flimkien mad-dixxipli tiegħu, il-Mulej imqajjem mill-mewt tela’ fis-sema, u fil-ħamsin jum, li llum aħna qegħdin niċċelebraw, huwa bagħat lill-Ispirtu s-Santu, bħalma hemm miktub: “F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom; u huma bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2,2.3.4).

Dak ir-riħ saffa l-qlub mill-karfa karnali; dakinhar ikkonsma l-ħuxlief tal-konkupixxenza tal-qedem. L-ilsna li huma tkellmu bihom, mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, ħabbru sa minn qabel il-Knisja tal-ġejjieni bl-ilsna tal-ġnus kollha. Fil-fatt, wara d-dilluvju, is-suppervja ħażina tal-bniedem kienet bniet torri kontra l-Mulej u l-umanità kien stħaqqilha li tkun mifruda b’ilsna differenti, b’tali mod li kull ġens kien jitkellem l-ilsien proprju tiegħu sabiex ma jkunx mifhum minn ġens ieħor.

Issa, imma, it-tjieba umli tal-fidili ġabret id-diverġenzi ta’ dawn l-ilsna fil-għaqda li nsibu fil-Knisja, fejn dak kollu li huwa nuqqas ta’ ftehim għeb fix-xejn u nsibu l-għaqda permezz tal-imħabba: hekk il-membri mferrxa tal-ġens uman, bħall-membri ta’ ġisem wieħed, jerġgħu lura biex jingħaqdu mar-ras waħdanija li huwa Kristu, magħqudin flimkien min-nar tal-imħabba fl-unità tal-ġisem tiegħu imqaddes.

Għalhekk, mela, jinsabu għal kollox aljenati mir-rigal tal-Ispirtu s-Santu dawk li ma jaħmlux il-grazzja tas-sliem, u ma jżommux l-għaqda u l-unità. Ukoll jekk illum hawnhekk jinsabu miġbura, ukoll jekk qed jisimgħu dawn il-qari li jitkellmu dwar il-wegħda u l-miġja tal-Ispirtu s-Santu, jisimgħuhom bħala kundanna għalihom u mhux bħala rigal.

X’jiswielek tisma’ b’widnejk dak li qalbek qiegħda twarrab? Tiċċelebra l-miġja ta’ dak li d-dawl tiegħu huwa mibgħud minnhom?

Iżda intom, ħuti, membri tal-ġisem ta’ Kristu, nebbieta tal-unità, ulied is-sliem, iċċelebraw dan il-jum b’ferħ u bla biża’. Fikom, fil-fatt, qed jitwettaq dak li kien imħabbar minn qabel f’dawk il-jiem, meta ġie l-Ispirtu s-Santu.

L-istess bħalma dakinhar dak li rċieva l-Ispirtu s-Santu ukoll jekk kien bniedem waħdu tkellem bl-ilsna kollha, hekk ukoll illum tkellem lill-ġnus kollha bl-ilsna kollha din l-istess għaqda, illi fiha ġejtu mwaqqfin intom li għandkom l-Ispirtu s-Santu: jekk, madankollu, intom ma tinfirdu b’ebda nuqqas ta’ ftehim minn mal-Knisja ta’ Kristu, li titkellem bl-ilsna kollha.