Siltiet Patristiċi għas-Sitt Ġimgħa tal-Għid

Magħżula u maqluba għall-Malti minn Nadia Delicata

 

Is-siltiet ta’ din il-ġimgħa huma meħudin mill-Omelija għall-Għid qaddis ta’ San Girgor Nażjanżenu; ippriedkaha fil-lejl qaddis tal-Għid fis-sena 383 wara li fi xjuħitu kien telaq minn Konstantinopli u rtira fil-villaġġ ċkejken ta’ Arianzus fejn baqa’ jgħix sa l-aħħar ta’ ħajtu ftit snin wara.

 

37. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, I

I. Se noqgħod għassa f’posti (Ħab 2:1) jgħid il-venerabbli Ħabakkuk; u jien se nieħu posti miegħu bl-awtorità u għarfien li tani l-Ispirtu; u se nibqa’ wieqaf, nistenna u ntenni dak kollu li jgħidli. U hekk għamilt, jiena ħadt posti u qgħadt għassa.

U rajt raġel rikeb fuq is-sħab għoli u wiċċu wiċċ ta’ Anġlu ta’ Alla (Mħ 13:6) u lbiesu jiddi daqs id-dija tal-beraq; u għolla idu lejn il-Lvant, u għajjat b’vuċi soda. Il-leħen tiegħu qisu d-daqq ta’ tromba; u madwaru nġemgħet ċorma ta’ anġli tas-sema.

U hu qal: “Illum waslet is-salvazzjoni fid-dinja, lil dak kollu li jidher u li ma jidhirx. Kristu qam mill-imwiet; qumu intom miegħu. Kristu ġie lura bħala Alla; ejjew intom ukoll. Kristu ħeles lilu nnifsu mill-qabar; inħelsu intom mill-jasar tad-dnub. Il-bibien tal-infern infetħu, il-mewt inqerdet, u l-ewwel Adam twarrab biex minfloku twettaq it-Tieni Adam, Adam il-Ġdid. Kull min jitwieled mill-ġdid fi Kristu hu bniedem ġdid (2 Cor 5:17); iġġeddu intom ukoll.” 

Hekk tkellem, u l-kumplament tennew l-istess għana ta’ tifħir bħal meta Kristu wera lilu nnifsu lid-dinja fit-twelid tiegħu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”

U magħhom jien ukoll intenni l-istess kliem illum hawn fostkom. U nitlob li nirċievi l-grazzja li l-leħen tiegħi wkoll ikun bħal ta’ l-Anġlu u jidwi mad-dinja kollha.

 

38. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, II

Illum qed niċċelebraw il-qawmien, mhux bħala att divin li nittamaw fih, imma bħala att li diġa seħħ u li ġabar u welled mill-ġdid lid-dinja kollha. Mela ħalli kull persuna toffri frott u doni differenti f’dan l-istaġun, rigali kbar jew żgħar… Dawn l-offerti tal-ispirtu huwa prezzjużi għal Alla… kull wieħed skond dak li l-persuna kapaċi twettaq. Għax lanqas l-Anġli ma jistgħu joffru doni ta’ dan il-preġju, anke jekk huma kreaturi puri u spiritwali li jixhdu għall-glorja t’Alla fis-sema; jekk dawn jistgħu jirċievu l-għola tifħir.

Aħna, min-naħa tagħna se noffru dawn il-kliem, l-għola u l-aktar oġġett prezzjuż li għandna—speċjalment billi llum se nfaħħru l-Verb għall-grazzja li għoġbu jagħti lilna kreaturi tal-“kelma” u r-raġuni. Se nibda minn dan il-punt: Għax, meta qed nippriva noffri sagrifiċċju permezz ta’ xufftejja dwar l-Għola Sagrifiċċju offrut lilna fl-aħħar taż-żminijiet, ma nistax nonqos li ndawwar ħarsti lejn Alla nnifsu u nieħu l-ispunt tiegħi mingħandu. Għalhekk, nitlob, naddfu widnejkom, moħħkom, u ħsibijietkom, intom ilkoll li tithennew b’dawn il-ħwejjeġ tas-sema, għax dan id-diskors se jkun fuq Alla nnifsu, u għalhekk se jkun divin, biex intom ma tirritornawx lura f’darkom mgħonijin bi pjaċir li jispicca  fix-xejn. U nitlob li dan il-kliem ikun kemm rikk imma wkoll qasir, biex ma ndejjaqkomx, la bin-nuqqasijiet tiegħu, imma lanqas billi nimliekhom iżżejjed.

 

39. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, XXI

Jekk inti bħal Rakel jew Lija, ruħ kbira u patriarkali, israq l-idoli kollha li ssib għand missierek (Ġen 31:19); mhux biex inti żżommhom, imma biex teqridhom. U jekk int Iżraelit għaqli, ħudhom fl-art Imwiegħda u ħalli lill-persekutur jitniegħed għat-telfa tagħhom, biex, wara li jkun mirbuħ, jitgħallem li kien għalxejn li pprova jkun tirann u jżomm taħt il-ħakma tiegħu lil dawk li kienu aqwa minnu. Jekk tagħmlu hekk, u b’hekk toħorġu mill-Eġittu, jien naf li tkunu mmexxija minn kolonna tan-nar bil-lejl u tas-sħab bin-nhar (Eż 13:21). Id-deżert ikun immansat u l-ilmijiet jinferrqu; il-Farawni jkun mgħarraq (Eż 14:28); u tagħmel xita ta’ ħobż: il-blata ssir għajn tal-ilma; Għamalek jinqered, mhux bix-xabla biss, imma bl-idejn tal-ġusti li joffru t-talb u l-marka straordinarja tas-Salib; ix-xmara tinxef (Ġoż 3:15-16); ix-xemx tieqaf fis-sema; il-qamar jinżamm; il-ħitan jaqgħu mingħajr makkinarju, iż-żnażan bgħatthom qabilkom biex iwittu t-triq għal Iżrael u biex iwaqqfu lill-Ġentili; u biex ma ntawwalx, l-avvenimenti kollha li tirrakkonta l-istorja, li seħħew kemm wara u fl-istess żmien ta’ dawn, hekk kienu mogħtija lilkom minn Alla.  Hekk tfisser il-festa tal-lum; u b’dan il-mod għandna niċċelebraw it-Twelid u l-Mewt tiegħu li twieled għalikom u bata għalikom. Dan hu l-misteru ta’ l-Għid; dawn huma l-misteri li taċċenna għalihom il-Liġi u jsibu l-milja tagħhom fi Kristu; li jabolixxi l-ittra tal-liġi, imma jipperfezjona fl-Ispirtu; li bil-Passjoni tiegħu għallimna kif naċċettaw it-tbatija, u bil-glorja tiegħu, igglorifikana miegħu.

 

 

40. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, XXII

Issa se neżaminaw tagħlim dommatiku ieħor li ħafna jinjoraw, imma li, fil-ġudizzju tiegħi, għandna nirriflettu fuqu. Id-Demm li xxerred għalina, għaliex kellu jixxerred? U lil min kien offrut? Qed ngħid għad-Demm prezzjuż ta’ Alla tagħna, li hu is-Saċerdot qaddis u s-Sagrifiċċju. Aħna konna miżmuma f’jasar mill-ispirtu Ħażin, mibjugħa bħala skjavi minħabba d-dnub, u għalhekk konna nikkuntentaw bil-pjaċir għal-ħażen li nagħmlu. Imma billi l-fidwa mill-jasar tingħata lil dak li jgħassar, nistaqsi: lil min kienet din il-fidwa offruta, u għaliex? Għax jekk il-fidwa kienet mħallsa lill-Ħażin, għajb għal dan l-iskandlu! Jekk il-ħalliel jingħata l-fidwa, mhux biss mingħand Alla, imma fidwa li hi Alla nnifsu, ikun qed jitħallas b’mod tant starordinarju u ndenju għat-tirannija tiegħu li kien ikun aħjar li Alla abbandunana. Imma jekk il-fidwa tħallset lill-Missier, nistaqsi, kif ġara dan? Għax mhux Hu li kien qed jgħakkisna! U għalhekk inkompli nistaqsi: B’liema mod il-Missier għaġbu s-sagrifiċċju tad-Demm ta’ Ibnu l-Maħbub u Waħdieni, jekk Hu lanqas biss is-sagrifiċċju ta’ Iżakk ma ried meta dan offroeh missieru (Abraham), imma Alla bagħat gidi fuq l-artal tas-sagrifiċċju minflok bniedem? Mhux ovvju li, għalkemm Alla jilqa’ lil Ibnu, Hu qatt ma talab jew stenna xejn mingħandu? Imma li, fl-Inkarnazzjoni, għax l-bniedem kellu jitqaddes fl-Umanità ta’ Alla u Alla biss seta’ jsalvana, li Hu jegħleb lit-Tirann, u jgħaqqadna miegħu permezz tal-medjazzjoni ta’ Ibnu? U li Hu wkoll, (l-Iben) għażel li jissagrifika ruħu biex jonora lil Missier li jidher biċ-ċar li Hu jobdi f’kollox?

Għidna ħafna fuq Kristu; imma l-aqwa li nistgħu ntennu nistgħu ngħiduh biss bir-reverenza tas-silenzju. Imma dak is-Serp bla mistħija (Num 21:9) kien mgħolli u arbulat bħal standard biex ifejjaq il-gdiem ta’ sriep valenużi, mhux biex jirrapreżenta lil dak li bata għalina, imma bħala l-kuntrarju tiegħu; is-serp tal-bronż sava lil dawk li ħarsu lejh, mhux għax dawn emmnu li kien ħaj, imma għax kien maqtul—u miegħu kienu maqtula wkoll il-qawwiet li kienu suġġetti għalih—għax inqered kif kien ħaqqu. U x’kitba għandna npoġġu mal-qabar tiegħu: O mewt, fejn hi t-tingiża tiegħek? O qabar, fejn hi r-rebħa tiegħek? Inti kont megħlub mis-Salib; kont maqtul minn dak li jagħti l-Ħajja; inti bla nifs, mejjet, bla ma tiċċaqlaq, anke jekk tkompli żżomm il-forma tiegġek ta’ serp meta mgħolli ‘l fuq imwaħħal ma’ arblu.

 

41. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, XXIII

Issa nieħdu sehem fl-Ikla tal-Għid, li għadna u nibqgħu niċċelebrawha, għalkemm illum b’mod iktar sempliċi minn qabel. Għax dak li qed ngħarrfu llum huwa dejjem ġdid. Aħna rridu nitgħallmu x’inhu dak ix-xorb u l-ferħ, u Hu li jgħallem u jikkomunika l-Kelma lid-dixxipli tiegħu.  Għax it-tagħlim hu ikel, anke għal dak li jagħtina l-ikel. Ejjew mela, ħa nieklu mil-Liġi: imma mhux b’mod litterali, imma bil-mod tal-Vanġelu; b’mod perfett mhux imperfett; b;mod etern mhux temporanju. Ħa nagħmlu r-Ras, l-għan tagħna mhux Ġerusalemm tad-dinja imma l-belt tas-smewwiet (Lhud 12:22), mhux dak li s-suldati jgħffġu taħt saqajhom, imma dak li hu gglorifikat mill-Anġli (Lk 21:201-24). Ħa noffru sagrifiċċju mhux l-għoġol, lanqas il-ħrief li jikbrulhom il-qrun u d-dwiefer ta’ saqajhom, li fihom, ħafna partijiet huma mejtin u bla ħajja; imma ħa nissagrifikaw lil Alla t-tifħir tagħna fuq l-artal mqaddes tiegħu, biż-żfin tal-ġenna; ħalli ngħollu l-ewwel velu; ħalli nersqu lejn it-tieni u nitfgħu ħarsitna fuq “il-Post il-Qaddis”.

 

Għandi ngħid x’inhu anke ikbar minn hekk? Li nissagrifikaw lilna nfusna lil Alla; jew aħjar, li f’kull jum, f’kull moment ta’ ħajjitna, noffru lilna nfusna lil Alla. Ħa naċċettaw kollox li jiġi mill-Kelma ta’ Alla. Fit-tbatija ħa nimitaw il-Passjoni tiegħu: b’demmna ħa nqimu lil Demmu: ħa nitilgħu miegħu fuq is-Salib b’qalbna kollha. Ħelwin huma l-imsiemer, anke jekk jweġġgħu ħafna. Għax ħajja ta’ tbatija ma’ Kristu u għal Kristu hija ħafna aħjar minn ħajja faċli ma’ ħaddieħor.

 

42. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, XXIV

Jekk inti Xmun iċ-Ċirenew, (Mark 15:21) erfa’ s-Salib u imxi warajh. Jekk imsallab miegħu bħall-ħallelin (Lk 23:42), agħraf lil Alla bħal ħalliel li sobbiegħ għal dnubitu.  Jekk anke Hu kien meqjus mal-midinbin (Iż 53:12)  minħabba fik u dnubietek, inti tobdi l-Liġi minħabba ismu. Adurah lil dak li kien imdendel għalik, anke jekk inti stess imdendel; agħmel it-tajjeb anke mill-ħażin tiegħek; ixtri s-salvazzjoni b’mewtek; idħol ma’ Ġesù l-Ġenna (Lk 23:43), biex titgħallem minn xhiex waqajt. Ikkontempla l-glorja li tinsab hemm (Rev 2:5); ħalli l-qattiel imut barra bid-dagħa faħxi tiegħu; u jekk tkun bħal Ġużeppi ta’ Arimateja (Lk 23:52) itlob għal Ġismu mingħand dak li sallbu, agħmel tiegħek dak li jnaddaf id-dinja. (1 Ġw 1:7) Jekk tkun bħal Nikodemu, dak li jadura lil Alla bil-lejl, idfnu biż-żjut u l-fwejjaħ. (Ġw 19:39)

Jekk inti Marija ta’ Magdala, jew Marija l-oħra, jew Salome, jew Ġwanna, ibki mal-għodwa. Kun tal-ewwel li tara l-blata mwarrba, u forsi wkoll tara l-Anġli u lil Ġesù stess. Għid xi ħaġa; isma’ il-vuċi tiegħu. Jekk jgħidlek, “Tmissnix, żomm ‘il bogħod,” għożż il-Kelma imma ma għandekx għax titnikket; għax Hu jaf  lil dawk li jidhrilhom tal-ewwel. Żomm il-festa tar-Riżorruzzjoni; agħti l-għajnuna lil Eva li kienet l-ewwel li waqgħet, imma minnha li l-ewwel laqgħu u għannqu lil Kristu u għarrfuh lid-dixxipli. Kun bħal Pietru jew Ġwanni; ħaffu lejn il-qabar, iġru flimkien, iġru kontra xulxin biex tirbħu t-tiġrija l-iktar nobbli. U anke jekk jgħadduk għax mintiex ħafif biżżejjed, irbaħ ir-rebħa taż-żelu; mhux biss li tħares lejn il-qabar, imma li tidħol ġo fih. U jekk, bħal Tumas, tibqa’ barra meta d-dixxipli kienu flimkien u Ġesù wera lilu nnifsu, meta jirnexxielek tarah, tkunx bla fidi; u jekk ma temminx, emmen lil dawl li jagħrfuk il-Bxara; u jekk lanqas lilhom ma temmen, emmen il-marka tal-imsiemer fuq idejh. Jekk Hu niżel l-infern, (1 Pietru 3:19), inżel miegħu. Tgħallem biex tagħraf il-misteri ta’ Kristu hemm ukoll, biex tagħraf x’inhi r-raġuni providenzjali għaliex Kristu niżel darbtejn, biex anke hemm, żgur isalva lil kulħadd bid-dehra tiegħu, jew almenu lil dawk li jemmnu.

 

43. Girgor ta’ Nazjanzju, L-omelija għall-Għid, XXVIII-XIX

Issa tajjeb li ntemmu d-diskors tagħna bi ħsieb tal-aħħar: Aħna konna maħluqin biex nirċievu l-ferħ veru. Konna maħluqin fil-ferħ veru. Konna mogħtija b’fiduċja l-Ġenna tal-Art biex ngawdu l-ħajja. Konna mogħtija Kmandament biex nirbħu reputazzjoni tajba jekk inżommuh; mhux għax Alla  ma kienx jaf x’se jiġri, imma għax hu kien għamel il-liġi tal-volontà libera. Konna ngannati għax għamejna bl-għira. Konna mkeċċija għax dnibna. Kellna nsumu għax irrifjutajna li nsumu meta waqajna għas-Siġra tal-Għarfien bejn it-Tajjeb u l-Ħażin. Għax il-Kmandament kien qadim, għandu żmien daqs il-bniedem, u kien forma ta’ edukazzjoni għal ruħna, restrizzjoni tal-lussu, li b’mod leġittimu, ġejna suġġetti għalih, biex, jekk inżommuh, nerġgħu nirkupraw dak li tlifna meta ma żammejnihx. Kellna bżonn Alla magħmul bniedem, Alla li ġie kkundannat għall-mewt, biex aħna ngħixu. Aħna wkoll konna kkundannati miegħu, biex nitnaddfu mid-dnub; u għax mitna miegħu, erġajna qomna miegħu; u għax qomna miegħu, konna igglorifikati miegħu.

Ħafna kienu l-mirakli ta’ dak iż-żmien: Alla msallab; ix-xemx li ddalmet u reġgħet ħadet id-dawl; għax kien xieraq li l-ħolqien ibati mal-Ħallieq; il-purtiera ċċartet; id-Demm u l-Ilma li ħarġu minn ġenbu—wieħed bħala minn bniedem u l-ieħor bħal dak ogħla mill-bniedem; il-blat inqasam għall-ġieħ il-Blata; il-mejtin qamu bħala sinjal tar-riżorruzzjoni tal-aħħar taż-żminijiet tal-bnedmin kollha; is-Sinjali fil-qabar u wara l-qabar, li ħadd m’hu denju li tassew jiċċelebra; u xorta l-ebda minn dawn m’hu daqs il-Miraklu tas-Salvazzjoni nnifsu. Ftit qtar tad-Demm ħolqu mill-ġdid lid-dinja kollha, u saru għall-bnedmin kollha bħat-tamet (rennet) għall-ħalib, li jqarribna flimkien u jagħmilna ħaġa waħda.