Siltiet Patristiċi għat-Tielet Ġimgħa tal-Għid

Magħżula minn Dun Mark Sultana u maqluba għall-Malti mill-Mixja Neo-katekumenali (riprodotti bil-permess)

 

15. Psewdo-Ippolitu, Omelija għall-Għid

 

Ġa qed jiddu r-raġġi tad-dawl imqaddes ta’ Kristu, ħarġu l-kwiekeb safja tal-Ispirtu safi, u qed juru t-teżori tal-glorja tas-sema u tad-divinità rjali. Il-lejl sfieq mudlam ġie mneħħi mis-setgħa u l-mewt kiefra kkundannata għad-dlamijiet; il-ħajja feġġet fid-dinja, kollox jitfawwar bid-dawl ta’ dejjem, u dawk kollha li jitwieldu qed jieħdu b’wirthom id-dinja ġdida: il-Kristu, imnissel sa minn qabel is-sebħ, qed jilma għal kulħadd, immortali u akbar ħafna mix-xemx. Għalhekk, għalina li nemmnu fih, qed joqrob b’tgħammix tal-għajnejn, il-jum bla tmiem, il-Għid mistiku, ġa mxebbaħ u ċċelebrat mil-liġi. Il-Għid, ħidma tal-għaġeb tas-setgħa li tista’ kollox ta’ Alla, hija tabilħaqq il-festa u t-tifkira leġittima dejjiema: hija hi n-nuqqas ta’ tbatija wara l-Passjoni, immortalità ħierġa mill-mewt, ħajja miż-żerriegħa, fejqan ħiereġ mill-ġerħa, qawmien li jiġi mill-waqgħa, tlugħ ‘il-fuq li ġej mill-inżul. Hekk Alla jwettaq ħwejjeġ kbar, mill-impossibbli joħloq ħwejjeġ tal-għaġeb, sabiex jurina illi huwa biss jista’ jwettaq dak kollu li jrid. Iħoll l-irbit tal-mewt, billi jinqeda bis-setgħa tagħha li ssaltan, bħal meta qal: “Lazzru, oħroġ!” biex juri l-effikaċja tas-setgħa tiegħu. Huwa għalhekk ta lilu nnifsu għalkollox lill-mewt, sabiex fih tiġi meqruda dik il-bhima feroċi, u tinħall ir-rabta li ma setgħetx tinħall.

F’dak il-ġisem bla ħtija il-mewt fittxet f’kull post it-trejjiq li huwa tagħha proprja: fittxet biex tara kienx hemm xewqat żienja, jew għadab, jew nuqqas ta’ ubbidjenza, jew għallanqas id-dnub tal-qedem, qabel ma ħareġ mill-mewt; fil-fatt: “in-niġġieża tal-mewt hi d-dnub”.  Iżda billi fih ma nstab xejn li seta’ jrejjaqha, priġuniera tagħha nnifisha u mifnija min-nuqqas ta’ ikel, il-mewt sfat mewt għaliha nnifisha, bħalma bosta ġusti marru jħabbru u jipprofetizzaw x’kellu jiġri meta l-Ewwel Imwieled kellu jqum mill-imwiet. Huwa baqa’ taħt l-art għal tlitt ijiem, sabiex permezz tiegħu isalva in-nisel uman kollu kemm hu, dawk ukoll li kienu jgħixu qabel ingħatat il-Liġi.

 

 

 

 

16. Wistin ta’ Ippona, Diskors 45, 5

X’inhija l-Knisja? Hija l-Ġisem ta’ Kristu. Għaqqadha mar-Ras u jkollok il-bniedem sħiħ. Ir-ras u l-ġisem, fil-fatt, jagħmlu bniedem wieħed. Min hu r-ras? Huwa dak li twieled minn Marija Verġni, li ħa fuqu ġisem ta’ bniedem, iżda mingħajr dnub; li kien imsawwat, flaġellat, immaqdar u msallab mil-Lhud, li “kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna”.

Dan huwa r-ras tal-Knisja, dan huwa l-ħobż li ġie minn dik l-art. Il-ġisem tiegħu, imbagħad, liema hu? Hija l-għarusa tiegħu, il-Knisja. Fil-fatt, “it-tnejn jiffurmaw ġisem wieħed. Dan il-misteru - qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja - huwa kbir!” Il-Mulej ukoll, meta fl-evanġelju jitkellem dwar il-mara u r-raġel jgħid: “Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed”. Hekk huwa ried li l-Bniedem-Alla, Ġesù Kristu, ikun ħaġa waħda mal-Knisja tiegħu. Hemm fuq ir-Ras, hawn isfel il-membri tiegħu. Ma riedx iqum flimkien mal-membri iżda qabilhom, sabiex il-membri ikunu jistgħu jieħdu għalihom dak li huma ttamaw fih.

Għalhekk ir-ras riedet li tmut, sabiex ikun l-ewwel wieħed li qam mill-imwiet u li tala’ s-sema, sabiex il-membri kollha fih iqiegħdu t-tama, fl-istennija li jaraw imwettaq ġewwa fihom dak kollu li fir-ras ġie mwettaq minn qabel. Kien proprju meħtieġ illi l-Kristu jmut? Huwa, l-Kelma ta’ Alla, li biha kollox ġie maħluq, li dwarha hemm miktub: “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla,  u l-Verb kien Alla. Kollox bih sar”. Ġie msallab, ġie iddieħku bih, ġie minfud b’lanza, ġie midfun. “Kollox bih sar”. Iżda billi ndenja li agħmel lilu nnifsu ras tal-Knisja,  din kienet taqta’ qalba mill-qawmien mill-mewt tagħha li kieku ma ratx lir-ras tagħha jqum mill-imwiet.

L-ewwel ma rawh kienu n-nisa u marru jħabbru dan lill-irġiel. In-nisa kienu l-ewwel li raw lill-Mulej imqajjem, u l-evanġelju ġie mħabbar min-nisa lill-evanġelisti, lill-appostli tal-ġejjieni: Kristu ġie mħabbar lilhom min-nisa. Evanġelju bil-Latin tfisser “bxara tajba”; min jaf il-Grieg imbagħad jaf xi jfisser “evanġelju”. Dan huwa mela bxara tajba. Il-Mulej tagħna qam mill-imwiet: liema aħbar aktar tajba minn din nistgħu ngħajtu?

 

17. Omelija tal-Għid ta’ kittieb antik

Sabiex ħadd ma jibqa’ aktar priġunier tas-saltna tal-qigħan, Kristu nnifsu niżel hemm; inqeda bil-ġisem tiegħu innifsu bħala lixka kontra d-dinja tax-xjaten, u xejnilhom il-ħakma li kellhom, bis-setgħa tad-divinità, ċarrat f’qasir żmien. l-obligazzjonijiet tal-liġi tal-qedem, sabiex iwassal lill-bnedmin fis-sema. Fis-sema, post ħieles mill-mewt, lukanda tan-nuqqas ta’ taħsir, fabbrika tal-ġustizzja.

Fl-ambitu ta’ dawn ir-realtajiet hekk kbar, inti, li ftit ilu ġejt imdawwal, issa ġejt mgħammed; il-bidu tal-grazzja saret għalik rahan ta’ qawmien mill-imwiet, il-magħmudija hija kapparra tal-ħajja li għad trid tiġi, fis-sema. Bl-immersjoni tiegħek fl-ilma kont qed timita d-difna tal-Mulej; iżda mbagħad erġajt ħriġt, u rajt, qabel kull opra oħra, dik tal-qawmien. Issa se tilqa’ r-realtà ta’ dawk il-ħwejjeġ li tagħhom inti rajt biss, is-simboli. Agħti l-pass li ta Pawlu, li tiegħu huwa jagħtik xhieda meta jgħid: “Jekk aħna ġejna mħawlin miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk se nkunu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt”. Sabiħa dik l-“imħawlin miegħu”; il-magħmudija hija tabilħaqq tilqima fl-immortalità, imħawwel fil-fonti tal-magħmudija u mwassal għall-frott fis-sema. Il-grazzja tal-Ispirtu taħdem skont liġijiet misterjużi; inti m’għandekx tagħraf il-miraklu b’mod ħażin, u titfixklu mal-mod li bih taħdem in-natura. L-ilma jiswa bħala materja, iżda hija l-grazzja li tagħti t-twelid mill-ġdid, u fil-fonti, bħallikieku ġewwa forma, issawwar sura ġdida għal dak li ġie mgħaddas hemmhekk.

Fl-ilma, daqs li kieku ġewwa forn, jitħeġġeġ dak li jinżel hemmhekk. Tagħtih is-sigrieti tal-immortalità; tissiġillah bil-qawmien mill-imwiet. O inti li issa ġejt imdawwal, hawn hi, il-libsa nnifisha tiegħek, twassallek is-sinjali ta’ dawn l-għeġubijiet. Ħares, inti li qed iġġorr ix-xbieha ta’ dawn ir-realtajiet: din l-istess libsa, tgħammex u tiddi, tirrappreżenta s-sinjali tan-nuqqas ta’ taħsir. Dak l-għażel bajdani li jdawwarlek rasek bħal djadema, ixandarlek il-ħelsien. L-id twassallek is-sinjali tar-rebħa mwettqa fuq ix-xitan. Kristu juri b’mod ċar ħafna illi inti ġejt imqajjem mill-imwiet: għalissa permezz tas-simboli, iżda minn hawn u ftit ieħor tara dan bil-fatti; bil-patt li ma ntebbgħux il-libsa tal-fidi bid-dnubiet; li ma nitfux, b’għemejjel ħżiena l-musbieħ tal-grazzja u li nżommu l-kuruna tal-Ispirtu. Allura, l-Mulej mis-smewwiet, b’leħen tal-biża’ iżda mimli ħniena lejn il-bnedmin, b’mod ċar ħafna jesklama: “Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja”. Lilu l-glorja u s-setgħa, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

 

18.  Psewdo-Epifanju ta’ Salamina, Omelija għall-Għid

“Dan hu l-jum li għamel il-Mulej; ħa nifirħu u nithennew fih!”. Din hija għalina l-festa tal-festi kollha, li tiċċelebra bħallikieku f’solennità waħdanija il-konsagrazzoni u s-salvazzjoni tad-dinja kollha kemm hi. Fiha tiġi mwettqa kull tip ta’ xbieha, dell u profezija. “Il-Ħaruf tal-Għid tagħna, - l-Għid tabilħaqq - li hu Kristu, hu maqtul” u “meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid” jekk wieħed jingħaqad ma’ Kristu, ġdida hija l-fidi, ġodda huma l-liġijiet, ġdid huwa l-poplu ta’ Alla: ma għadux mela dak qadim imma Iżrael il-ġdid, ġdid huwa l-Għid, ġdida u spiritwali hija ċ-ċirkonċiżjoni, ġdid u  mingħajr demm huwa s-sagrifiċċju, ġdid u divin huwa l-patt.

Iġġeddu, mela, f’dan il-jum, ġeddu fi qlubkom spirtu ġust sabiex tkunu tistgħu tifhmu il-misteri ta’ din il-festa ġdida u vera, u tkunu tistgħu tabilħaqq titpaxxew bil-ħwejjeġ tajba tas-sema. Issawru, minflok b’dak tal-qedem, bil-Għid il-ġdid u mdaħħlin fil-misteri li qatt mhuma se jonqsuna, intom tkunu mdawlin; u tagħrfu wkoll liema hi d-differenza bejn il-Għid tagħna u dak tal-Lhud, x’inhija x-xbieha meta mqabbla mar-realtà. Qed nitkellmu fuq li nistħarrġu dwar il-misteru tal-Għid tal-Qawmien mill-mewt ta’ Kristu u li nikkontemplaw fih il-bidu tagħna.

L-istess kif darba waħda, sabiex jeħles lill-poplu, Mosè kien mibgħut minn Alla bħala leġislatur, sabiex mill-għoli tal-muntanja jagħti dik il-liġi li kienet dell u xbieha, hekk ukoll dak li huwa l-Verità nnifisha, leġislatur u Mulej, Alla minn Alla, muntanja minn muntanja, kien mibgħut mill-għoli tas-smewwiet għas-salvazzjoni tal-poplu tagħna.

Mosè ħelsu mill-Fargħun u mill-Eġizzjani; Kristu jeħlisna mix-xitan u mill-jasar tax-xjaten. Mosè nissel sliem bejn żewġ aħwa li kienu qegħdin jitlewmu; Kristu rrikonċilja flimkien iż-żewġ popli tiegħu u għaqqad l-art mas-sema. Bint il-Fargħun li resqet lejn ix-xmara sabiex tinħasel, sabet lil Mosè u ħaditu magħha. Il-Knisja ta’ Kristu, hija wkoll bint għaliex ġiet imsoffija bil-magħmudija, ħadet għandha lil Kristu: mhux bħal Mosè, mill-qoffa, meta kellu tliet xhur, iżda mill-qabar wara tlitt ijiem.

 

19.  Psewdo-Epifanju ta’ Salamina, Omelija għall-Għid

Dakinhar, Iżrael kien jiċċelebra l-Għid bi xbihat u billejl, issa niċċelebrawh f’jum ta’ dawl u dija. Dakinhar ma’ nżul ix-xemx, issa filgħaxija taż-żminijiet. Dakinhar, permezz tad-demm kienu mmarkati l-għetiebi u l-ġnub tal-bibien; issa bid-demm ta’ Kristu jiġu mmarkati l-qlub tal-fidili. Dakinhar billejl kien jiġi midbugħ is-sagrifiċċju, billejl qasmu l-baħar l-Aħmar; issa d-dawl jiddi tas-salvazzjoni jitfaċċa mill-ilmijiet tal-magħmudija, imlewnin mid-dija tal-Ispirtu ta’ Alla li jittajjar fuqhom. Dakinhar Mosè ħasel lill-Iżraeliti b’immersjoni billejl, u sħaba għattiet lill-poplu. Issa, l-poplu ta’ Kristu huwa mħares mill-ġwienaħ tal-Aktar Għoli. Dakinhar, mal-ħelsien ta’ Iżrael, Marija, oħt Mosè, mexxiet iż-żfin. Issa, meħlusin il-ġnus kollha, il-Knisja ta’ Kristu, tifraħ fil-knejjes kollha tagħha. Dakinhar Mosè dar lejn blata tal-ġebel, issa l-poplu jdur lejn il-blata tal-fidi. Dakinhar ġew miksura t-twavel tal-liġi, u hekk ġie muri li l-liġi kienet qdiemet u ġiet superata; issa l-liġijiet ta’ Alla jiġu miżmuma sħaħ u bla mittiefsa. Dakinhar, bi ħsara kbira għall-poplu ġie mdewweb id-deheb u ġie msawwar għoġol; issa, għas-salvazzjoni tal-poplu ġie maqtul il-Ħaruf divin. Dakinhar il-ħatar ħabat mal-blata; issa, lanza tinfed il-ġenb ta’ Kristu. Dakinhar ħareġ l-ilma mill-blata, issa, mill-ġenb li jagħti l-ħajja nixxew ilma u demm. Dawk irċevew summien mis-sema, aħna nilqgħu mill-għoli l-ħamiema tal-Ispirtu s-Santu. Dawk kielu l-manna u mietu, aħna nitrejqu bil-ħobż, Kristu, li jagħti l-ħajja ta’ dejjem.

 

20. Ċirillu ta’ Lixandra, Kumment dwar l-evanġelju ta’ San Ġwann, 11,11

Ningħaqdu fil-ġisem ma’ Kristu meta nersqu nitqarbnu bil-ġisem qaddis ta’ Kristu, kif jixhdilna San Pawl hu u jitkellem fuq dan il-misteru ta’ tjieba “li fil-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija ma kienx mgħarraf lill-bnedmin bħalma issa ġie rrivelat lill-Appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti fl-Ispirtu, jiġifieri li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wegħda fi Kristu Ġesù, u jidħlu għall-istess wirt u jkunu ġisem wieħed fi Kristu”.

Jekk aħna lkoll flimkien ġisem wieħed fi Kristu, aħna m’aħniex biss flimkien imma aħna fih ukoll, għaliex hu fina b’ġismu: għaliex, mela, ma nurux aktar ċar din l-għaqda bejnietna u fi Kristu? Kristu hu dak li jgħaqqadna flimkien ħaġa waħda, għaliex hu Alla u bniedem.

Bl-istess mod nistgħu nfissru l-għaqda tagħna flimkien fl-Ispirtu, għaliex jekk aħna lkoll irċevejna spirtu wieħed, l-Ispirtu s-Santu, aħna b’xi mod imħalltin flimkien u ma’ Alla. Aħna ħafna, jekk nitqiesu kull wieħed għal rasu, u f’kull wieħed minna Kristu jibgħat jgħammar l-Ispirtu tal-Missier u tiegħu, li hu wieħed u ma jinqasamx; u l-Ispirtu s-Santu jgħaqqad flimkien dawk li huma mifrudin minn xulxin għax kull wieħed qiegħed għal rasu: b’hekk hu juri li huma lkoll ħaġa waħda flimkien fih.

Kif il-qawwa tal-ġisem qaddis ta’ Kristu tagħmilna ġisem wieħed, hekk –  jidhirli jien – l-Ispirtu waħdieni ta’ Alla msawwab fina jgħaqqadna flimkien f’għaqda spiritwali u mhux jinqasam f’kull wieħed minna kull wieħed għal rasu.

Nistgħu naraw ukoll mod ieħor kif aħna ħaġa waħda flimkien, jekk għandna sehem minn Spirtu wieħed. Jekk aħna nħallu fil-ġenb is-sura ta’ ħajja skont il-ġisem nobdu darba għal dejjem għal-liġijiet tal-Ispirtu, mhix ħaġa ċara għal kulħadd li aħna warrabna l-ħajja naturali tagħna u ksibna sura ta’ ħajja oħra bit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu fina? Ninbidlu f’natura oħra, għaliex ma nibqgħux aktar bnedmin biss imma nibdew nissejħu wlied Alla u bnedmin tas-sema għaliex imseħbin fin-natura ta’ Alla.

Mela aħna lkoll ħaġa waħda fil-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, ħaġa waħda għaliex għandna lkoll xebh wieħed, għaliex llkoll naqblu fit-tjieba, għaliex nitqarbnu lkoll bil-ġisem ta’ Kristu u lkoll għandna sehem fl-istess Spirtu s-Santu.

 

21. Ċirillu ta’ Lixandra, Kumment dwar l-evanġelju ta’ San Ġwann, 10

Il-Mulej kien temm kull ma kellu jagħmel fid-dinja, iżda kien jeħtieġ li aħna jkollna sehem min-natura tiegħu ta’ Alla, jiġifieri li aħna nintrefgħu mill-ħajja naturali tagħna u ninbidlu għalkollox biex ngħixu ħajja tassew ġdida u ta’ tjieba: dan seta’ jsir biss bl-għoti tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħjar żmien għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu u għat-tiswib tiegħu fina kien iż-żmien li fih is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu kellu jħalli d-dinja.

Sakemm Kristu kien jgħix fost il-fidili tiegħu b’ġisem bħal tagħna, hu – naħseb jien – kien  jidher fosthom bħala dak li jqassmilhom kull ġid; iżda meta wasal iż-żmien li fih kellu jerġa’ lura għand il-Missier kien jeħtieġ li b’xi mod jibqa’ qrib dawk li kienu jqimuh. Dan seħħ permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fi qlubna bil-fidi, biex hekk inkunu nistgħu ngħidu: “Abba! Missier!”, u bil-ħeffa kollha nkunu nistgħu nagħmlu kull xorta ta’ għemil tajjeb. Barra minn dan, aħna nidhru wkoll qawwija u mhux mirbuħa mit-theddid tax-xitan u mit-tiġrib tal-bnedmin, għax fina hemm l-Ispirtu s-Santu, li jista’ kollox.

Kulħadd jista’ jara malajr mill-Kotba Mqaddsa tal-Patt il-qadim u tal-Patt il-ġdid kif l-Ispirtu s-Santu jbiddel għalkollox ‘il dawk li fihom jinżel jgħammar ħa jagħtihom ħajja ġdida.

Samwel il-qaddis, meta kellem lil Sawl, qallu: “Jissawwab fuqek l-Ispirtu tal-Mulej u int issir bniedem ieħor”. U San Pawl jgħidilna: Aħna lkoll li, b’wiċċna mikxuf, nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej li hu Spirtu.

Tara kif l-Ispirtu jbiddel f’sura oħra ‘l dawk li fihom jgħammar? Malajr ibiddel ix-xewqa għall-ħwejjeġ tad-dinja f’kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ tas-sema, u min-nies beżżiegħa u bla ħila jagħmel nies kollhom qlubija u ħeġġa u qawwa. Bla dubju ta’ xejn dan narawh iseħħ fid-dixxipli tal-Mulej: tant twettqu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li qatt ma setgħu jintrebħu mill-qilla ta’ dawk li ppersegwitawhom, imma bil-qawwa kollha baqgħu sħaħ fl-imħabba ta’ Kristu.

Minnu għalhekk dak li qal is-Salvatur: Jeħtieġ nerġa’ lura lejn is-sema. Kien wasal iż-żmien tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu.