PARAMENTI  SAGRI, IL-ĦWEJJEĠ LI JUŻA S-SAĊERDOT IL-QUDDIESA

1. L-Amittu, biċċa drapp, qiesu xugaman kbir, tal-għażel. Dan  jintlibes madwar l-għonq u l-ispallejn.  Jirrapreżenta dik id-drapp li biha għattew wiċċ Kristu meta ħaduh għand Kajfas, iżżufjettaw bih u qalulu: “Għidilna min qed isawtek,  jekk inti profeta”. Għas-saċerdot dan l-amittu jfisser il-qawwa t’Alla li jħaresu fil-ministeru tiegħu. F’ċerti postijiet, illum, l-Amittu ma għadux użat.

2. L-Alba, hija libsa bajda li tasal sat-tarf  tar-riġlejn tas-Saċerdot, il-bjuda tagħha tfisser il-qdusija bla għajb ta’ min se jġedded il-Misteri Qaddisa.

3. Iċ-Ċinglu, jirrapreżenta l-ħabel, il-katina li biha rabtu ‘l Kristu mal-kolonna waqt il-flaġellazzjoni. Iċ-ċinglu jdur ma’ qadd is-Saċerdot bħala ħżiem li jħares fih il-Kastita u s-safa ta’ ħajtu.

4. L-Istola, hija s-sinjal propju tas-saċerdozju. L-Istola tfisser u turi li min jilbisha huwa mogħni bis-setgħat kollha tal-Ordni Saċerdotali.

5. Il-Pjaneta, hija l-libsa ewlenija tas-Saċerdot waqt il-Quddiesa. Tintlibes fuq l-ilbies liturġiku l-ieħor. Għandha tifsila ta’ mantell biex turi li s-saċerdot għandu jkun imżejjen bil-virtujiet tal-umilta, ġustizzja, karita u paċi.

 

KULURI FIL-QUDDIESA

6. L-Abjad  huwa sinjal ta’safa u qdusija. Jintuża fil-festi tal-Milied u tal-Għid, f’dawk tal-Madonna u tal-Qaddisin mhux martri.

7. L-Aħdar  huwa kulur li jfisser it-Tama. Dan ifisser it-Tama tal-poplu t’Alla fil-Wegħda tal-Mulej li jagħtih is-salvazzjoni ta’ dejjem jekk ikun fidil għall-Wegħdiet tal-Magħmudija u tal-Fidi tiegħu.

8. L-Aħmar  huwa simbolu tal-imħabba. Jintuża f’Ħadd il-Palm, fil-Ġimgħa l-Kbira, f’Pentekoste u fil-Festi tal-Qaddisin Martri.

9. Il-Vjola  huwa s-sinjal tal-Penitenza u n-Niket. Jintuża fi żmien l-Avvent, matul ir-Randan, fil-Liturġija tal-Mejtin u f’Ċelebrazzjonijiet Penitenzjali.


 

OĠĠETTI SAGRI UŻATI FIL-QUDDIESA

10.  Il-Kalċi kkonsagrat, jirrapreżenta * il-qabar li fih Kristu kien midfun, * l-imrar tal-kalċi li Kristu xorob sa’ l-aħħar qatra, u * t-tbatija tal-Passjoni Tiegħu.

11.  Il-Palla, tkun bħal  kartuna miksija bid-drapp tal-għażel fin, tintuża biex tgħatti l-kalċi. Din tirrapreżenta l-ġebla li għattiet il-Qabar tal-Imgħallem tagħna, Ġesu Kristu.

12.  Il-Korporal, ikun bħal maktur kbir ta’ għażel fin biex fuqu jitpoġġa l-kalċi,  jirrapreżenta l-Liżar li fih kien imkeffen il-Ġisem Imqaddes ta’Kristu.

13.  Il-Patena, huwa bħal plattina, jirrapreżenta r-reċipjent taż-żjut użati biex jidilku l-Ġisem ta’kristu qabel id-difna.

14.  Purifikatur, huwa bħal maktur żgħir biex is-saċerdot inaddaf, jixxotta l-kalċi.  Jirrapreżenta l-liżar użat biex poġġew il-Ġisem ta’Kristu fil-qabar.

15.  Il-Velu, kien bħal maktur kbir, li kien ikollu l-istess kulur tal-Pjaneta, skond il-Liturġija tal-ġurnata . Bih is-Saċerdot kien jgħatti l-kalċi, il-Patena u l-Palla. Li kienu jkunu fuq l-altar qabel ma joħroġ biex iqaddes.

16.  L-Ostja l-kbira li juża s-Saċerdot ikun hemm fuqha forma jew ta’ Ħaruf, jew Salib jew l-ittri IHS. Dawn jissejħu ‘monogramma’. L-ittri IHS huwa l-isem imqassar ta’Ġesu Kristu.