25 ta’ Marzu
It-Tħabbira tal-Mulej
Solennità
Qari I
Is 7: 10-14; 8: 10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
F’dak iż-żmien: Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u
jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla
tiegħek, f’qigħ l-art jew fil-għoli tas-smewwiet.” U
Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej.”
U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux
biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin biex issa sa tkiddu
lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess:
Arawha, ix-xebba ssir omm u jkollha iben u ssemmih Għimmanu-El (għax
Alla magħna).”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 39
R/. Hawn
jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!
Sagrifiċċju
u offerta int ma tgħaxxaqtx bihom;
imma
widnejja int ftaħtli.
Vittmi
tal-ħruq u tat-tpattija int ma tlabtx.
Imbagħad
jien għidt: Hawn jien, ġej. R/.
Fil-ftuħ
tal-ktieb hemm miktub fuqi
li
nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla
tiegħi, jogħġobni,
u
l-liġi tiegħek ġewwa qalbi qiegħda. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
ara, xofftejja ma żammejthomx magħluqa;
Mulej, inti taf. R/.
Jien ma ħbejtx għemil il-ġustizzja
tiegħek
fil-fond ta’ qalbi:
il-fedeltà tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek jien
xandarthom.
Ma ħbejtx it-tjieba tiegħek u l-fedeltà
tiegħek
lill-ġemgħa l-kbira. R/.
Qari II
Lhud 10: 4-10
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti: Ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż
ineħħi d-dnubiet. Għalhekk Kristu, meta daħal fid-dinja,
qal: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int
ħejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek
ma għoġbukx. Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt biex
nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla – kif fil-ktieb hemm miktub fuqi.”
L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, u vittmi maħruqa u vittmi
għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk,” għalkemm dawn
titlobhom il-liġi; imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel
ir-rieda tiegħek.” B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji
tal-ewwel, biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din
ir-rieda aħna tqaddisna, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù
Kristu magħmula darba għal dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
Ġw 1: 14ab
R/. Hallelujah / Glorja u tifħir lilek, Kristu.
Il-Verb
ħa l-ġisem u għammar fostna, u aħna rajna s-sebħ
tiegħu.
R/. Hallelujah / Glorja u tifħir lilek, Kristu.
Evanġelju
Lq 1: 26-38
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn
Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’
raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha
Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja,
il-Mulej miegħek.” Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet
titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima.
Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt
grazzja quddiem Alla. Ara, inti sa tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih
Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej
Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb
għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.” Iżda Marija
qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”
Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u
l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk
dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara,
il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha,
u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha
tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad
qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont
kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.