25 ta’ Marzu
It-Tħabbira tal-Mulej
Solennità
Qari I
Is 7: 10-14; 8: 10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
F’dak iż-żmien: Il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qigħ l-art jew fil-għoli tas-smewwiet.” U Aħaż wieġeb: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej.”
U l-profeta wieġeb: “Isimgħu, mela, dar David: mhux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin biex issa sa tkiddu lil Alla tiegħi? Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Arawha, ix-xebba ssir omm u jkollha iben u ssemmih Għimmanu-El (għax Alla magħna).”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 39
R/. Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!
Sagrifiċċju u offerta int ma tgħaxxaqtx bihom;
imma widnejja int ftaħtli.
Vittmi tal-ħruq u tat-tpattija int ma tlabtx.
Imbagħad jien għidt: Hawn jien, ġej. R/.
Fil-ftuħ tal-ktieb hemm miktub fuqi
li nagħmel ir-rieda tiegħek.
Alla tiegħi, jogħġobni,
u l-liġi tiegħek ġewwa qalbi qiegħda. R/.
Xandart il-ġustizzja f’ġemgħa kbira;
ara, xofftejja ma żammejthomx magħluqa;
Mulej, inti taf. R/.
Jien ma ħbejtx għemil il-ġustizzja tiegħek
fil-fond ta’ qalbi:
il-fedeltà tiegħek u s-salvazzjoni tiegħek jien xandarthom.
Ma ħbejtx it-tjieba tiegħek u l-fedeltà tiegħek
lill-ġemgħa l-kbira. R/.
Qari II
Lhud 10: 4-10
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti: Ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet. Għalhekk Kristu, meta daħal fid-dinja, qal: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija; vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet lilek ma għoġbukx. Jien imbagħad għidt: Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla – kif fil-ktieb hemm miktub fuqi.” L-ewwel qal: “Sagrifiċċji u offerti, u vittmi maħruqa u vittmi għad-dnubiet, la ridthom u lanqas għoġbuk,” għalkemm dawn titlobhom il-liġi; imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek.” B’hekk Alla neħħa s-sagrifiċċji tal-ewwel, biex iqiegħed flokhom tat-tieni. Bis-saħħa ta’ din ir-rieda aħna tqaddisna, permezz tal-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Ġw 1: 14ab
R/. Hallelujah / Glorja u tifħir lilek, Kristu.
Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna, u aħna rajna s-sebħ tiegħu.
R/. Hallelujah / Glorja u tifħir lilek, Kristu.
Evanġelju
Lq 1: 26-38
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.” Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti sa tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.” Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.