23 ta’ Diċembru
Qari I
Nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej.
Mal 3, 1-4.23-24
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija
Dan jgħid il-Mulej Alla: “Araw, jiena se nibgħat il-messaġġier tiegħi biex iħejji t-triq quddiemi, u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu; u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej, jgħid il-Mulej tal-eżerċti.
Imma min se jissaporti l-Jum tal-miġja tiegħu? U min hu li se jieqaf meta jidher? Għax hu bħan-nar ta’ wieħed li jsaffi u bħas-sapun tal-ħassiela. U joqgħod isaffi u jnaddaf il-fidda, u jnaddaf ’l ulied Levi, u jsaffihom bħad-deheb u l-fidda, u huma jsiru għall-Mulej nies li jagħmlu l-offerta bis-sewwa. U tibda togħġbu lill-Mulej l-offerta ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm bħal dari, bħal fis-snin l-imgħoddija. Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biża’. U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha tinqered”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 24 (25), 4bċ-5ab.8-9.10 u 14
R/. (Lq 21, 28): Erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tieba u fedeltà
għal min iħares il-patt u l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’ dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
O Għimanu-El, sultan tagħna li tajtna liġi,
ejja u salvana, Mulej, Alla tagħna.
R/. Hallelujah
Evanġelju
It-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.
Lq 1, 57-66
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru, imma qabżet ommu u qalet: “Le, iżda Ġwanni jkun jismu”. Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek”. Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni”. U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża’, u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”. U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu