It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
Il-Ġimgħa
Qari I
Hu għodda magħżula
minni biex iwassal ismi quddiem
il-ġnus.
Atti 9, 1-20
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak
iż-żmien, Sawl,
li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded
bil-mewt
lid-dixxipli tal-Mulej, mar
għand il-qassis il-kbir u talbu jagħtih
ittri għas-sinagogi
ta’ Damasku, biex ikun jista’ jaqbad
l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta
Ġerusalemm.
Huwa
u sejjer, kif qorob lejn Damasku,
f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl,
għaliex qiegħed tippersegwitani?”. Hu wieġeb: “Min int, Mulej?”. U l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma
issa qum
u idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel”.
Dawk
li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen
imma ma raw lil ħadd. Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn. Imbagħad
mexxewh minn
idu u wassluh Damasku.
Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel
u lanqas xorob. F’Damasku
kien hemm dixxiplu, jismu Ħananija. Deherlu l-Mulej u
qallu: “Ħananija!”
“Hawn jien, Mulej!” wieġeb. U l-Mulej qallu:
“Qum u mur
fit-triq li jgħidulha
d-Dritta, u hemm, fid-dar ta’ Ġuda, staqsi
għal wieħed minn Tarsu, jismu
Sawl. Dan qiegħed jitlob, u
ra
f’dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu jdejh fuqu
biex jerġa’ jieħu d-dawl”. Ħananija wieġeb: “Mulej, jien smajt mingħand
ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek
f’Ġerusalemm. U issa qiegħed hawn bis-setgħa mingħand il-qassisin
il-kbar biex jarresta lil dawk
kollha li jsejħu ismek”. Iżda l-Mulej
wieġbu: “Mur, għax
dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex
iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael. Jien
stess għad nurih kemm irid
ibati minħabba f’ismi”.
Ħananija
telaq lejn id-dar ta’ Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu:
“Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni
biex terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu”.
F’daqqa
waħda waqa’ bħal qxur minn għajnejh u raġa’ beda
jara.
Imbagħad
qam u tgħammed, kiel xi ħaġa,
u ħa r-ruħ. Għal
ftit jiem qagħad mad-dixxipli f’Damasku. U malajr beda jxandar
lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben
ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 116 (117), 1.2
R/. (Mk 16, 15): Morru
fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.
jew:
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Faħħru
l-Mulej, intom ġnus kollha,
sebbħuh,
intom popli lkoll! R/.
Għax
kbira hi t-tieba tiegħu magħna,
il-fedeltà
tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6, 56
Hallelujah. R/. Hallelujah
Min jiekol ġismi u jixrob demmi
jibqa’
fija u jiena fih, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew
xorb.
Ġw 6, 52-59
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, il-Lhud
tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif
jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” .Ġesù
mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom,
jekk ma tiklux il-ġisem
ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux
demmu, ma jkollkomx il-ħajja
fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem,
u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew
ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol
ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija
u jiena fih. Bħalma
bagħatni
l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol
lili, hu wkoll jgħix bija. Dan
huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom
u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.
Dan Ġesù qalu huwa u jgħallem
fis-sinagoga, f’Kafarnahum.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu