22 ta’ Diċembru
Qari I
Ir-radd ta’ ħajr ta’
Anna għat-twelid ta’ Samwel.
1 Sam 1, 24-28
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien,
Anna tellgħet ’il binha Samwel magħha fid-dar tal-Mulej f’Silo. Ħadet magħha gendus ta’ tliet snin, efa dqiq
u żaqq inbid, u marret
bit-tfajjel magħha. Hemm qatlu l-gendus, u ressqu t-tifel quddiem Għeli,
u qaltlu: “Nitolbok, sidi; daqskemm int ħaj, sidi,
jien dik il-mara li kienet wieqfa hawn ħdejk titlob lill-Mulej. Għal dan it-tifel kont
tlabt, u l-Mulej laqa’ t-talba tiegħi, u tani li tlabtu. U issa jien se nagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u kemm idum ħaj
ikun tal-Mulej”. U qiemu lill-Mulej hemmhekk.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd
R/. (1a): Ferħet
qalbi bil-Mulej
Ferħet qalbi bil-Mulej;
irtefgħet rasi fil-Mulej;
iddieħak fommi bl-għedewwa tiegħi,
għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek. R/.
Tkisser il-qaws tal-qawwijin,
u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila.
L-imxebbgħin bil-ħobż inkrew,
u ma baqgħux jitħabtu l-imġewħin.
Il-mara bla tfal wildet
sebgħa,
u dbielet il-mara b’ħafna tfal. R/.
Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja,
iniżżel fl-imwiet u jtalla’.
Il-Mulej ifaqqar u jagħti l-ġid,
ibaxxi u jgħolli wkoll. R/.
Iqajjem mit-trab lill-imsejken
u l-fqajjar jerfgħu mill-miżbla,
u jqegħedhom mal-kbarat,
biex jirtu tron ta’ ġieħ. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah
O sultan tal-ġnus,
ġebla tax-xewka tal-Knisja,
ejja u salva l-bniedem li int għamilt mit-trab.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Is-setgħani għamel
miegħi ħwejjeġ
kbar.
Lq 1, 46-55
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, qalet Marija:
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn
issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli
hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra
f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq
it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu