Il-Wieħed
u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Aħna rridu naqdu ’l-Mulej, għax hu Alla tagħna.
Ġoż 24:1-2a,15-17,18b
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè
F’dak iż-żmien, Ġożwè ġema’ t-tribujiet kollha
ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali
u resqu quddiem Alla. U Ġożwè
qal lill-poplu kollu: “Jekk ma jogħġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu
llum lil min tridu taqdu; jekk
hux l-allat li kienu jaqdu missirijietkom lil hemm mix-xmara, jew l-allat tal-Amurrin
li f’arthom qegħdin tgħammru. Imma jien u dari
naqdu l-Mulej”.
U l-poplu kollu wieġeb u qal: “Ma jkun qatt li aħna
nħallu l-Mulej biex naqdu allat oħra! Għax kien il-Mulej, Alla tagħna, li talla’ lilna u ’l missirijietna mill-art tal-Egittu,
minn dar il-jasar, u li għamel quddiemna stess
dawn il-ħwejjeġ kbar,
u ħarisna matul it-triq kollha li minnha għaddejna
u fost il-popli li minn ġo nofshom
qsamna. Għalhekk aħna wkoll lill-Mulej naqdu, għaliex hu Alla tagħna”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 33(34):2-3,16-17,18-19,20-21,22-23
R/. (9a): Ippruvaw u taraw
kemm hu tajjeb
il-Mulej.
Kull ħin inbierek
il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.
Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti,
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej
fuq il-ħżiena,
biex jeqred minn fuq
l-art tifkirithom. R/.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna,
u l-Mulej jismagħhom;
mid-dwejjaq kollha tagħhom jeħlishom.
Qrib il-Mulej lejn dawk
b’qalbhom maqsuma,
jgħin lil dawk b’ruħhom
mifnija. R/.
Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa,
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha,
ebda waħda ma titkissirlu. R/.
Il-ħażin ħżunitu
teqirdu;
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. R/.
Qari II
Dan il-misteru
– qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir.
Efes 5:21-32
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej,
għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras
il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom
joqogħdu għal żwieġhom f’kollox.
Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb
il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma
u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla
għajb, u b’xejn minn dan, imma
qaddisa u bla tmaqdir minn
ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb
lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il
ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll
membri tal-Ġisem tiegħu.
Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru
t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 6:63ċ,68ċ
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Mulej, għand min immorru?
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 6:60-69
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż
tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh,
qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù
ntebaħ waħdu li
d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq
hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw
lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu
li jagħti l-ħajja,
il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk
li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.
U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.
Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.
Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.