Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
Is-Sibt
Qari I
Pawlu baqa’ Ruma jxandrilhom
is-Saltna ta’ Alla.
Atti 28, 16-20. 30-31
Għeluq tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta dħalna
Ruma, Pawlu tawh il-permess joqgħod għalih b’suldat għassa miegħu. Tlitt ijiem wara, huwa laqqa’
flimkien miegħu l-kapijiet tal-Lhud, u kif kienu miġbura
miegħu qalilhom: “L-aħwa, għalkemm jien ma għamilt xejn kontra
l-poplu jew
kontra d-drawwiet ta’ missirijietna, f’Ġerusalemm tawni priġunier f’idejn ir-Rumani. Dawn stħarrġu l-każ tiegħi u riedu jitilquni, għax ma sabuli xejn li għalih kienet tistħoqqli l-mewt. Imma billi l-Lhud
żammew iebes jiena kelli nappella għal quddiem Ċesari, mhux għax kelli xi ngħid mal-poplu tiegħi. Għalhekk tlabtkom tiġu biex narakom u nkellimkom; għax jien minħabba t-tama ta’
Iżrael ninsab marbut b’din il-katina”.
Pawlu dam joqgħod hemm għal sentejn sħaħ fid-dar li kien kera;
hemm kien jilqa’
lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, ixandrilhom is-Saltna
ta’ Alla u jgħallimhom
fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 10 (11), 4.5 u 7
R/. (ara 7b): Il-Mulej idawwar wiċċu lejn min hu sewwa
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Il-Mulej
hu fit-tempju mqaddes tiegħu,
il-Mulej fis-sema għandu t-tron tiegħu;
għajnejh fuq il-bnedmin
jitfa’,
bi xfar għajnejh
jiflihom. R/.
Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin;
hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.
Għax ġust hu l-Mulej, u jħobb
il-ġustizzja;
wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara
Ġw 16, 7.13
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Nibagħtilkom l-Ispirtu tal-verità, jgħid il-Mulej,
u jwassalkom għall-verità kollha.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dan huwa d-dixxiplu
li qiegħed jagħti
xhieda għal dan kollu u li kiteb dawn il-ħwejjeġ, u aħna
nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha.
Ġw
21, 20-25
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Pietru dar, u ra
lid-dixxiplu li kien iħobb Ġesù miexi warajhom, dak id-dixxiplu li waqt l-ikla kien
imtedd fuq sider Ġesù u qallu: “Mulej, min hu li se jittradik?”. Pietru, mela, kif ra lil dan, qal lil
Ġesù: “U dan, Mulej, x’se jsir
minnu?”. Ġesù
qallu: “Inti x’inhi affarik jekk jiena rridu
jibqa’ sa ma niġi? Int imxi warajja!”. B’hekk ġriet ix-xniegħa fost l-aħwa li dak id-dixxiplu ma kienx se jmut. Madankollu Ġesù ma qalx li ma kienx se jmut, imma biss: “Jekk irridu jibqa’ sa ma niġi, inti x’inhi affarik?”
Dan huwa
d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu
u li kiteb dawn il-ħwejjeġ,
u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha. Iżda hemm ukoll
bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa
b’ħaġa, naħseb
li anqas id-dinja stess ma kienet
tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu