Is-Sittax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Niġbor il-bqija tan-nagħaġ
tiegħi, u nqiegħed
fuqhom rgħajja.
Ġer 23, 1-6
Qari
mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
Dan jgħid il-Mulej: “Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu
u jxerrdu l-merħla tal-mergħa
tiegħi – oraklu tal-Mulej. Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja, li
jirgħu l-poplu tiegħi: Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Arawni, se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen
ta’ għemilkom – oraklu
tal-Mulej.
U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi
mill-artijiet kollha li xerridthom
fihom, u nreġġagħhom
lura lejn il-mergħa tagħhom, u jnisslu
u joktru. U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, u ma jitbeżżgħux
aktar, ma jitwaħħxux;
u ħadd minnhom ma jonqos – oraklu tal-Mulej.
Araw,
għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej – meta nqajjem lil David rimja
ġusta, li jsaltan ta’
sultan, u jmexxi bil-għaqal
u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael jgħammar
fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu:
Il-Mulej is-Sewwa tagħna”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn
ma jonqosni;
f’mergħat
kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn
l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm
hu jrejjaqni. R/.
Imexxini
fit-triq tas-sewwa
minħabba
l-isem tiegħu.
Imqar
jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ
tiegħek,
huma
jwennsuni. R/.
Int tħejji mejda għalija
quddiem
l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt
tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.
Miegħi,
iva, jimxu
t-tjieba u l-ħniena
il-jiem
kollha ta’ ħajti
U ngħammar
f’dar il-Mulej
sakemm
indum ħaj! R/.
Qari II
Hu l-paċi
tagħna, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed.
Efes 2, 13-18
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Efesin
Ħuti,
imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna,
hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi
ġarraf il-ħajt li
kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna –
u ħassar bis-sagrifiċċju
ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti
tagħha. Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq
bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn
ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejniethom.
Imbagħad
ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom
li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu
fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kienu qishom
nagħaġ bla ma għandhom ragħaj.
Mk 6, 30-34
Qari
mill-Evanġelju skont
San Mark
F’dak
iż-żmien, l-appostli
reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu
għamlu u għallmu.
U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew,
kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.
Marru
mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin
niżel l-art mid-dgħajsa
ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ
bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom
ħafna ħwejjeġ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu