Is-Seba’ Ġimgħa tal-Għid
It-Tnejn
Qari I
Ħadtu intom l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?
Atti 19, 1-8
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta Apollu
kien Korintu, Pawlu għadda mill-inħawi ta’ fuq u wasal Efesu, fejn
sab xi dixxipli u staqsiehom:
“Ħadtu intom l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?”. Iżda
huma weġbuh: “Le, anqas biss smajna li hemm l-Ispirtu s-Santu!”. “Mela x’magħmudija ħadtu?”, staqsiehom Pawlu. “Il-magħmudija ta’ Ġwanni!”
weġbuh huma. Imbagħad Pawlu qalilhom: “Ġwanni għammed bil-magħmudija tal-indiema; imma lin-nies kien jgħidilhom
biex jemmnu f’dak li kellu jiġi warajh, jiġifieri, f’Ġesù”.
Xħin semgħu dan, tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad, kif Pawlu qegħdilhom idejh fuqhom, niżel
fuqhom l-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna u jħabbru. B’kollox kienu madwar tnax-il raġel. Għal tliet xhur Pawlu kien
imur fis-sinagoga, jitkellem bi qlubija kbira u jfittex li jipperswadihom fuq is-Saltna ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 67 (68), 2-3.4-5aċ.6-7ab
R/. (33a): Slaten tal-art, għannu lil Alla
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Iqum Alla! Jixxerrdu l-għedewwa tiegħu;
jaħarbu minn quddiemu
dawk li jobogħduh.
Bħalma d-duħħan mar-riħ jixtered,
bħalma jdub ix-xama’ quddiem in-nar,
hekk jinqerdu l-ħżiena quddiem Alla. R/.
Imma l-ġusti jithennew quddiem Alla,
jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.
Għannu lil Alla,
faħħru ismu.
Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. R/.
Missier l-iltiema u difensur tar-romol,
hekk hu Alla
fl-għamara mqaddsa tiegħu.
Alla jagħti d-dar lil dawk
li huma weħidhom,
u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Kol 3, 1
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu,
fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,
fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt
id-dinja!
Ġw
16, 29-33
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, id-dixxipli qalu lil
Ġesù: “Ara, issa qiegħed titkellem bil-miftuħ, u ebda tixbiha ma inti tgħid. Issa nafu li int taf kollox, u ma għandekx bżonn li wieħed jistaqsik. Għalhekk aħna nemmnu li inti ħriġt mingħand Alla”. Weġibhom Ġesù: “Temmnu issa? Ara,
għad tiġi siegħa, u ġa waslet, meta tixterdu
kull wieħed lejn daru, u lili
tħalluni waħdi. Iżda waħdi m’iniex, għax il-Missier huwa miegħi. Dawn il-ħwejjeġ għedthomlkom
ħalli bija jkollkom is-sliem. Fid-dinja tbatu jkollkom.
Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt
id-dinja!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu