It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Alla għamel lil Kristu Ras fuq il-Knisja kollha, li hi Ġismu.
Efes 1, 15-23
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, jien li smajt bil-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù u bl-imħabba tagħkom lejn il-qaddisin kollha, ma nixba’ qatt niżżi ħajr minħabba fikom meta niftakar fikom fit-talb tiegħi. Ħalli Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa; u jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin. Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna,
skont il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu,
li ħaddem fi Kristu,
meta qajmu mill-imwiet
u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,
’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,
minn kull Qawwa u Ħakma,
’il fuq minn kull isem li jissemma,
mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.
Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,
u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha,
li hi Ġismu,
il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 8, 2-3a.4-5.6-7
R/. (7): Qegħedt lil Ibnek fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk
Mulej, Sid tagħna,
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
Int qegħedt is-sebħ tiegħek ‘il fuq mis-smewwiet.
Int, li s-sebħ tiegħek jgħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib. R/.
Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex taħseb fih? R/.
Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu,
qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk!
Kollox taħt riġlejh qegħedtlu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 15, 26b.27a
Hallelujah. R/. Hallelujah
L-Ispirtu tal-verità jixhed għalija, jgħid il-Mulej,
u intom ukoll tixhdu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.
Lq 12, 8-12
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla. Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla. U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux. Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu, għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu