Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan
It-Tnejn
Qari I
Ma jinstemax aktar leħen il-biki, lanqas leħen in-niket.
Iż 65, 17-21
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Iżaija
Dan jgħid
il-Mulej:
“Arani, se noħloq
smewwiet ġodda u art ġdida.
Ma jitfakkarx
iżjed l-imgħoddi,
f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.
Imma għad jifirħu
u jaqbżu bil-ferħ
għal dejjem,
minħabba f’dak li għad noħloq jien.
Arani, se noħloq Ġerusalemm
għall-hena,
il-poplu tagħha għall-ferħ.
Jien nifraħ b’Ġerusalemm
u nitgħaxxaq
bil-poplu tiegħi.
Ma jinstemax aktar fiha
leħen il-biki, lanqas leħen in-niket.
Ma jkunx hemm iżjed fiha tarbija li tgħix ftit jiem,
lanqas xiħ li ma jimteliex
bl-għomor.
Għax iż-żagħżugħ imut ta’ mitt sena,
u ta’ mitt sena
jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.
Huma għad
jibnu djarhom u jgħammru fihom,
iħawlu d-dwieli u jieklu frotthom”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 29 (30), 2 u 4.5-6.11-12a u 13b
R/. (2a): Ngħollik,
Mulej, għax erfajtni
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx
l-għedewwa tiegħi
bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt
’il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.
Għannu lill-Mulej, ħbieb
tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ
l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajjat
ta’ ferħ. R/.
Ismagħni, Mulej, u ħenn
għalija;
kun, Mulej,
l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin
l-għali tiegħi,
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Għam 5, 14
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Fittxu l-ġid, u mhux
id-deni, jekk tridu tgħixu,
u l-Mulej ikun magħkom.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Mur, ibnek ħaj.
Ġw 4, 43-54
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
telaq mis-Samarija lejn il-Galilija; għax Ġesù stess xehed li profeta ma
għandux ġieħ
f’pajjiżu. Mela meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh
tajjeb billi lkoll raw kulma kien għamel f’Ġerusalemm f’jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa.
U raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma
fi nbid. Issa f’Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu
marid. Meta sama’ li mil-Lhudija
Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu
jinżel u jfejjaqlu lil ibnu, għax
kien wasal fl-aħħar.
U Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux!”. Qallu l-uffiċjal: “Inżel
Mulej, qabel ma jmutli t-tifel”. Qallu Ġesù: “Mur, ibnek ħaj”. Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq.
Huwa u nieżel, iltaqgħu
miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: “Ibnek ħaj!”. Hu staqsiehom xħin kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu:
“Ilbieraħ fis-seba’ siegħa telqu d-deni”. Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu: “Ibnek jgħix”,
u emmen hu u l-familja
kollha tiegħu.
Dan kien sinjal ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu