Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-trab.
Is 26, 7-9.12.16-19
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Wietja hi triq il-ġust, mogħdija dritta tħejji għall-ġust.
Iva, fi triq il-ġudizzji tiegħek nittamaw, Mulej;
għal ismek u tifkirtek tixxennaq ruħna.
Billejl tixtieqek ruħi; mas-sebħ tfittxek ġo fija qalbi.
Għaliex meta jiddu l-ġudizzji tiegħek fuq l-art,
in-nies tad-dinja jitgħallmu l-ġustizzja.
Mulej, int tagħtina s-sliem,
għemilna kollu għamiltu int għalina.
Mulej fid-dwejjaq fittixniek,
sejjaħnielek int u tikkastigana.
Bħal mara tqila fil-ħlas titkagħweġ u tgħajjat bl-uġigħ,
hekk konna aħna quddiemek Mulej.
Tqâlna u tkagħwiġna u wlidna r-riħ;
is-salvazzjoni fuq l-art ma ksibnihiex,
u ma tweldux nies biex jgħammru fl-art.
Għax jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek,
il-katavri jqumu lkoll!
Jistenbħu u jgħannu
dawk li jgħammru fit-trab.
In-nida tiegħek hi nida ta’ dawl,
u l-art trodd il-mejtin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 101 (102), 13-14ab u 15. 16-18. 19-21
R/. (20b): Il-Mulej jittawwal mis-sema lejn l-art
Int, Mulej, għal dejjem tibqa’;
minn nisel għal nisel it-tifkira tiegħek.
Inti tqum u tħenn għal Sijon,
għax hu ż-żmien u l-waqt li tħenn.
Għax għażiż għall-qaddejja tiegħek il-ġebel tagħha;
tiġihom ħasra mit-trab tagħha. R/.
Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.
U jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.
Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
Mt 11, 28-30
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu