Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan
Qari I
Il-jasar u
l-ħelsien tal-poplu huma sinjal tal-korla
u l-ħniena tal-Mulej.
2 Kron 36:14-16,19-23
Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki
F’dak iż-żmien, il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu
l-qżiżijiet kollha
tal-ġnus, u niġġsu
t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm. U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu, u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu.
Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar. U ħarqulhom it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’ Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kulma kellha
prezzjuż.
U dawk li ħelsu
mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja,
u baqgħu suġġetti
għalih u għal uliedu, sa
ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha,
ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena”.
Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma tal-Mulej li kienet
intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan
xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: “Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha tal-art, u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda.
Kull min minnkom
hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu,
u jitla’’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
136(137):1-2,3,4-5,6
R/. (6a): Jeħilli lsieni
mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!
F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,
hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,
aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq
tagħha,
dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.
Għax hemm, dawk li ijassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna
stennew minna għana ta’ ferħ:
“Għannulna mill-għana
ta’ Sijon”. R/.
Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej
f’art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija,
jekk qatt ninsa lilek,
Ġerusalemm! R/.
Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm
’il fuq minn kull
ferħ tiegħi! R/.
Qari II
Kontu mejta minħabba
fid-dnubiet, u bi grazzja intom salvi.
Efes 2:4-10
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba
kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja
intom salvi. Qajjimna miegħu
u qegħedna fis-smewwiet
ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin
l-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.
Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri,
biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel
li għandna nagħmlu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3:16
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja
ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir
lilek, Kristu!
Evanġelju
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija
ssalva.
Ġw 3:14-21
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu:
“Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Għax Alla hekk ħabb
lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih
ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja
biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat,
għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.
U l-ġudizzju huwa
dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull
min jagħmel il-ħażen
jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel
is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri
li hemm Alla f’għemilu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.