It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Il-bnedmin għad
li lil Alla għarfuh, ma tawhx ġieħ ta’ Alla li hu.
Rum 1, 16-25
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Għeżież, jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla
għas-salvazzjoni ta’ dawk
kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi, u fih tidher il-ġustizzja
ta’ Alla minn fidi għal
fidi, skont ma hemm miktub: “Il-ġust jgħix bil-fidi”.
Il-korla ta’ Alla tidher nieżla mis-sema fuq il-ħażen
u l-inġustizzja tal-bnedmin li jżommu l-verità mjassra bl-inġustizzja; għax dak li wieħed jista’ jagħraf minn
Alla kien, iva, irrivelat lilhom; Alla stess urihulhom. Il-kobor
tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk
ma għandhom ebda skuża.
Imma għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ
ta’ Alla li hu, u lanqas raddewlu
ħajr; għall-kuntrarju,
moħħhom intilef
fil-bluha, u qalbhom bla dehen
iddallmet; waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu u bidlu l-glorja ta’ dak Alla li ma jintemmx ma’ sura u xbieha tal-bniedem li jintemm, tal-għasafar, tal-bhejjem b’erba’ saqajn, tas-sriep.
U għalhekk Alla
rħiehom għall-ġibdiet
ħżiena ta’ qalbhom,
biex niġġsu u waqqgħu fl-għajb lil ġisimhom stess bejniethom. Il-verità ta’ Alla bidluha ma’
gidba, u taw il-ġieħ
u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq, li jkun imbierek għal dejjem. Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 2-3.4-5
R/. (2a): Is-smewwiet ixandru
l-glorja ta’ Alla
Is-smewwiet ixandru
l-glorja ta’ Alla,
għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,
lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif. R/.
Ma hemmx aħbar
u anqas kliem,
ma hemmx leħen li ma jinstemax.
Mal-art kollha jasal
leħenhom,
mad-dinja kollha jixtered kliemhom. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lhud 4, 12
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla hi
ħajja u qawwija;
tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb
R/. Hallelujah
Evanġelju
Agħtu karità minn dak
li hemm ġewwa, u taraw kif kollox
ikunilkom nadif.
Luqa 11, 37-41
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien qed jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu
għall-ikel. Daħal
għandu u qagħad bilqiegħda. Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabel xejn
ma nħasilx skont ir-riti ta’ qabel
l-ikel.
U l-Mulej qallu: “U issa intom il-Fariżej!
Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn
barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq
u l-ħażen. Kemm intom bla
moħħ! Min għamel
in-naħa ta’ barra, ma għamilx ukoll in-naħa ta’ ġewwa? Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa,
u taraw kif kollox ikunilkom nadif”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu