Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Ġerobogħam għamel żewġ għoġiela tad-deheb: qiegħed wieħed f’Betel, u l-ieħor qiegħdu f’Dan.
1 Slaten 12, 26-32; 13, 33-34
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, Ġerobogħam, sultan ta’ Iżrael, qal bejnu u bejn ruħu: “Issa jista’ jiġri li s-saltna terġa’ taqa’ f’idejn id-dar ta’ David. Jekk dan il-poplu jibqa’ jmur joffri s-sagrifiċċji fit-tempju tal-Mulej f’Ġerusalemm, żgur li l-qalb ta’ dawn in-nies iddur mill-ġdid lejn is-sid tagħhom Rehobogħam, sultan ta’ Ġuda; u lili joqtluni, u jduru lejn Rehobogħam, sultan ta’ Ġuda”.
Għalhekk, wara li ħa parir, is-sultan Ġerobogħam għamel żewġ għoġiela tad-deheb, u lill-poplu qallu: “Ilkom tmorru biżżejjed Ġerusalemm! Iżrael, dawn huma l-allat tagħkom li tellgħukom mil-lart tal-Eġittu”. Huwa qiegħed wieħed mill-għoġiela f’Betel, u l-ieħor qiegħdu f’Dan; u din il-ħaġa waqqgħet lil Iżrael fid-dnub. Il-poplu kien imur sa Dan biex iqim l-għoġol.
Ġerobogħam bena santwarji fuq l-għoljiet, u l-qassisin għażilhom minn fost il-poplu, li ma kinux min-nisel ta’ Levi. U Ġerobogħam waqqaf festa biex, bħall-festa li kienet issir f’Ġuda, din ukoll issir nhar il-ħmistax tax-xahar, it-tmien xahar tas-sena; u dakinhar hu tala’ quddiem l-altar. Hekk ukoll għamel f’Betel biex joffri sagrifiċċju lill-għogiela li kien għamel; u f’Betel ukoll għażel xi qassisin għas-santwarji li bena fuq l-għoljiet.
Wara dan kollu Ġerobogħam ma raġax lura mit-triq il-ħażina li kien qabad; raġa’ għamel qassisin għas-santwarji tal-għoljiet minn fost il-poplu. Kull min kien irid kien jagħtih is-setgħa u jsir qassis tassantwarji. U dan kien id-dnub tad-dar ta’ Ġerobogħam, li wassalha għat-tiġrif u l-qerda tagħha minn fuq wiċċ l-art.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 105 (106), 6-7a.19-20.21-22
R/. (4a): Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek
Aħna dnibna, bħal missirijietna,
waqajna fil-ħtija, għamilna l-ħażen.
Missirijietna fl-Eġittu ma għarfux l-għeġubijiet tiegħek,
ma ftakrux fit-tieba kbira tiegħek. R/.
Għamlu għoġol ħdejn il-Ħoreb,
qiemu xbieha tal-metall imdewweb.
Bidlu ’l Alla, il-glorja tagħhom,
ma’ xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix. R/.
U nsew ’l Alla, li salvahom,
li għamel ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
għeġubijiet fl-art ta’ Ħam,
ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar tal-Qasab. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 4b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kielu u xebgħu.
Mk 8, 1-10
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dawk il-jiem, peress li reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, Ġesù sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod”. Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?”. Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa”. Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies, u huma newluhomlhom. U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll. U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal: sebat iqfief! U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! Imbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu